Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Bżonn


Ir-Raba’ Ġimgħa – It-Tielet Meditazzjoni

“Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik.” – Salm 63:1

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Meta qabeż nofs it-triq ’il fuq lejn il-muntanja ta’ Betlehem, Ġużeppi ma damx ma ġie wiċċ imb wiċċ mal-bżonn li kien qed iħallih bla saħħa. Ġużeppi ma kellux iċ-ċertezza u s-sigurtà li jfittxu ħafna rġiel. It-twelid tat-Tarbija aktarx kien jiem biss bogħod, imma Ġużeppi ma kienx jafu biċ-ċert dan. Ma kienx hemm tabib, jew data preċiża, lanqas xi kalendarju onlajn li jimmarka l-fażijiet tat-tqala ta’ Marija.

Immaġina xi jħoss bniedem li jieħu lil martu fuq muntanja mingħajr ma jaf biċ-ċert il-mument preċiż li kellha bżonnu biex jipprovdilha post għall-ħlas. Immaġina l-bżonn fil-qalb ta’ Ġużeppi.

Ma’ kull pass li jagħmlu Betlehem kienet eqreb, imma għal xi raġuni dan ma kienx qed iġib iċ-ċertezza li wieħed jimmaġina. Kien hemm ħafna li huma ma kinux jafu. Fejn kienu ħa joqogħdu? Se jkun hemm spazju? Se jaslu fil-ħin? Iva, kien hemm ħafna affarijiet li ma jafux.

Ġużeppi kellu bżonn ta’ Alla, u dan kien jafu. U hawn qiegħda l-grazzja: Ġużeppi dan kien jafu. Ma ppretendiex li ma kellux bżonn ta’ Alla. Hu għannaq dan il-bżonn tiegħu. “Għandi bżonn ta’ Alla”, post li minnu jaħarbu ħafna minna, kien il-post fejn Ġużeppi kien jaf li Alla se jiġi.

Issa idħol int ukoll fix-xena, qisha kienet il-mument preżenti. Immaġinak miexi biswit Ġużeppi. Tant hawn kwiet li kważi tista’ tisma’ l-mistoqsijiet għaddejjin minn ġo rasu. Issa, għal mument itlob lill-Mulej iħallik “tħoss” qalbu hemm f’dak il-ħin. Immaġina għal darb’oħra: Ġużeppi jerġa’ jieqaf mill-mixi. Tista’ “tħoss” kif inhi magħmula l-waqfa tiegħu. Tista’ “tħoss” il-ħemda ta’ ġo fih. Ġużeppi jħares lejk. Imbagħad, b’qima kbira, jagħlaq għajnejh. Ipespes b’leħen għoli. Int tersaq iktar qrib biex tisma’. Bilkemm tista’ tisma’, imma donnu taqbad kliemu: “Mulej, għandi bżonnok”. Imbagħad, wara mument ħelu ta’ skiet, Ġużeppi jitbissem, iħares lura lejk, u jibda jmidd pass ieħor lejn Betlehem.

Għat-talb tiegħek

Fittex ftit tal-ħin waħdek illum. Sib xi mkien fil-kwiet. Ikkalma naqra. Qiegħed qalbek fil-kwiet. Agħlaq għajnejk u itlob lill-Ispirtu s-Santu jnebbħek u jmexxik int u titlob. Immaġina lil Ġużeppi fil-ġabra xħin jieqaf mill-mixi. Immaġinah wieqaf ħiemed. Immaġina għajnejh magħluqa huwa u jgħid minn taħt l-ilsien: “Mulej, għandi bżonnok”. X’qed “tħoss” f’qalbu? X’qed tħoss f’qalbek? Ġib ix-xena quddiem għajnejk. Kun fix-xena. Kun ma’ Ġużeppi bħallikieku dan kien qed jiġri issa, fil-mument preżenti.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?