Festa ta’ solidarjetà


Kien jum it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2019. Għall-ewwel deher li kien ħa jkun jum bħas-soltu. Jiġifieri, jum ta’ ħidma sfieqa fl-isptar Mater Dei. Ma’ ħutna l-morda. Li tant għandhom bżonn l-għajnuna ta’ Ġesù fil-Patrijiet Kapuċċini Maltin. Li, it-tradizzjoni Kapuċċina tagħhom dejjem tefagħthom ma’ ħutna l-morda fl-isptarijiet. Madankollu, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, l-istorja qelbet f’daqqa waħda. Kif ngħidu bil-Malti, mill-lejl għan-nhar!

Dan l-għaliex mill-kuritur ta’ barra tal-Quarters tagħna l-patrijiet, bdejt nisma’ bħal donnu ħoss ta’ ilma nieżel b’ċertu qawwa. Għall-ewwel ma tajtx każ. L-għaliex, u ma nafx kif u l-għaliex, daħħaltha f’rasi li abbli kienet bdiet nieżla x-xita barra. Tafu intom, f’dan ix-xahar ta’ Diċembru, kif ikun it-temp fi Gżiritna. Iżda, wara ftit tal-ħin, meta l-ħoss mhux talli waqaf talli baqa’ għaddej ġmielu, fettilli nħares ‘il barra mit-tieqa. Xejn xejn ħa nara u niċċekkja ftit jekk dan l-imbierek ħoss kienx ġej mit-temp ta’ barra l-Isptar. Ħbieb, mill-ewwel ħadt l-ewwel qatgħa tiegħi! Fit-temp ma rajt xejn speċjali u li seta’ tabilħaqq jwassal għal dak il-ħoss li bdejt nisma’ u li damdam, ħelu ħelu, widnejja!

F’ħakka t’għajn moħħi għamel one plus one. Bl-għajnuna tal-Mulej għaqqadt ħaġa ma’ oħra. U malajr inftaħt għat-tweġiba! L-aħwa, dak li kont qed nibża’ minnu, jiġifieri li l-ħoss seta’ kien ġej minn ġewwa, beda issa jidħolli fin fin f’moħħi. U tant kemm dan is-suspett kiber u sar daqshiex fija li, l-unika ħaġa li għamilt, kienet li nerħilha lejn il-Quarters ħa nara x’kien ġara. Għalhekk, bil-ħatfa u, xejn xejn, biex ineħħi minn fuqi l-piż li kont qed nerfa’ tas-suspett kiefer, fettilli nidħol ġewwa, fil-Quarters tal-patrijiet. U xi nsib quddiemi? Xena li żgur li mhu se ninsieha qatt għal ħajti kollha! Eżattament, quddiem il-bieb ta’ kamarti, fil-kuritur, nara xebgħa ilma nieżel mis-suffett għal fuq kamarti u anki fl-art.

Ksaħt! Qatt ma bsart li ħaġa bħal din setgħet tiġrili! Dak l-ilma sħun, nieżel mis-suffett tas-saqaf, b’qawwietu seħħlu jdewweb is-suffett. Mill-gelgul tal-ilma li beda dieħel kemm f’kamarti, l-għaliex inzertat fil-viċin fejn ġara l-każ, stajt nintebaħ kemm il-volum tal-ilma kien tabilħaqq qawwi. Barra minhekk, anki l-kmamar ta’ ħuti l-patrijiet intlaqtu wkoll minn dan l-inċident.

Dan kien ix-xokk li ġarrabna ilkoll kemm aħna. Aħna li, bħala parti mill-istaff ta’ l-Isptar Mater Dei, għaddejna minnu nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2019. F’dan l-inċident, bħalma jiġri f’kull inċident ieħor taħt ix-xemx, jinvolvi miegħu persuni li jkunu fl-akwati tiegħu. It-tagħlimiet li joħorġu minn kull inċident huma kbar. Liema tagħlimiet inħalluhom, jekk qalbna tkun miftuħa għalihom, jagħtuna viżjoni ferm aktar wiesa’ tar-rejaltà li tkun seħħet.

Ovvjament, biex ħaġa qatt ma tmur żmerċ trid titħalla fil-kaxxa jew fil-boċċi tal-kamla. U, ngħid jien, jekk ħaġa qatt ma tintuża, u hekk tibqa’ ġdida fjamanta, ħalli, allaħares qatt, qatt ma jiġrilha ħsara, xi skop għandha li tiġi magħmula? Minkejja kull prekawzjoni li ssirlha, biex żgur taħdem kif għandha taħdem, u biex, fuq kollox, ma jweġġa’ ħadd, żgur li se jiġi dak il-jum li xi ħaġa tmurilha ħażin u l-inċident iseħħ. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jrid li l-inkwiet iseħħ wara bieb daru. Biss irid ikollna wkoll saqajna mal-art u nammettu li xi darba xi ħaġa ħażina se tmurilna f’ħajjitna. Wara kollox l-ebda ħaġa, magħmula mill-bniedem, u żgura kemm tidher li hi żgura, m’għandha l-ebda garanzija li mhux ħa tgħaddi hi wkoll minn mumenti fejn ikollha bżonn it-tiswija. Bħalma, u wara kollox, għandna bżonn it-tiswija int u jien, ta’ bnedmin li aħna! Għax min minna ma jmurx jagħmel iċ-check up għand it-tabib minn żmien għal żmien?

Minn naħa l-oħra dan ma jnaqqas xejn mill-qatgħa li nieħdu bħala bnedmin. U l-qatgħa toħodha l-għaliex il-ħaġa ma tkunx qed tistennieha, f’mitt sena, li sseħħ proprju lilek! L-għaliex, u ejja issa ngħiduha kif inhi, kif tħossok meta kamartek issir xmara ċkejkna fejn fiha l-affarijiet li jkollok, u li wħud minnhom tassew jaf jkunu għeżież għalik mhux l-għaliex jiswew il-flus imma għandhom valur sentimentali u, fuq kollox, spiritwali, jibdew jgħumu fiha? Safejn naf jien l-ebda kamra ma ġiet maħluqa biex issir Venezja! U, sakemm il-ħaġa ma tkunx fuq dak li jkun, tassew li hu faċli daqs tazza ilma li dak li jkun jieħu l-famuża attitudni tal-pultruna, bilqiegħda u mxaħxħa sieq fuq sieq, u, jekk tpejjep, bis-sigarett jew bis-sigarru f’ħalqha: Allura! M’hemmx tagħmel!

Biss, wara dan ix-xokk, il-Mulej tani iva l-grazzja, għax hu tabilħaqq il-Ħanin, li ma nibqax le imwaħħal fuq dak li ġrali. Anzi! L-Ispirtu tal-Mulej beda jiftaħli qalbi u jġibli quddiem għajnejja tant u tant persuni li jispiċċaw vittmi tad-diżażtri naturali. Kemm ‘il darba rajniehom fuq it-televiżjoni? Jibku u jixru kemm jifilħu? Għax, ħbieb tiegħi, mhux faċli li jkollok darek u jġorrhielek il-wied tafux! Aktar u aktar wara li min jaf kemm tkun investejt ħin u saħħa fiha biex tagħmilha dar sabiħa u li tilqgħek. X’ħasra hux li fi kwistjoni ta’ ftit sigħat, biex ma ngħidx, imbeżża’ imbeżża u mriegħed imriegħed, fi ftit minuti, kollox tarah isirlek suf quddiemek! Ma flaħtx f’dan il-mument, waqt li dan kollu kien qiegħed jobromni fih, ma niftakarx f’dawn in-nies imsejkna. U, iva, f’dak il-waqt stess, aqta’ kemm bdejt nitlob għalihom minn qalbi! Jekk għadhom ħajjin jalla l-Mulej jipprovdhielhom fuq li jipprovdhielhom! U jekk ħallewna minħabba dak li għaddew minnu nitlob għal ruħhom issa u għal dejjem!

Tagħlima oħra li personalment ħadt minn din l-esperjenza qarsa hi x’qawwa għandu l-ilma! L-ilma, li mhux biss inaddaf u hekk iseħħlu jġib nadif tazza kull post li minnu jgħaddi, iżda dan il-fenominu naturali, li hu tant bżonnjuż għalik u għalija biex ngħixu tabilħaqq, jaf ikun għadu mill-iprem tiegħek u tiegħi. Jaf jitfa’ ħajjitna ta’ bnedmin fix-xifer tal-preċipizzju li minnu mhux la kemm nitilgħu! Din l-esperjenza għallimittni li l-ilma jaf jagħmel ħsara u ħsara kbira! L-għaliex, minbarra li jnaddaf, l-ilma għandu l-kapaċità fih li jeqred kulma jsib quddiemu. Sempliċiment l-għaliex iġorr dak kollu li jsib quddiemu! U dan jagħmlu minħabba l-persistenza tal-għaġeb tiegħu!

Għalhekk, nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru, bdejt nifhem aktar x’irridu nfissru meta ngħidu, fil-fidi tagħna, l-aktar fir-rit tal-magħmudija, li l-ħażen jinqered bl-ilma tad-Dulluvju. Jiġifieri, bil-qawwa tal-ilma. U tassew! L-għaliex meta ħarist lejn xi affarijiet li kelli fl-art, fejn daħal ammont mhux ħażin ta’ ilma, spiċċaw mherrija. Għax l-ilma tabilħaqq jherri dak kollu li hu nxif. Qawwietu u l-persistenza tal-għaġeb tiegħu huma tal-għaġeb. U meta jinżel f’ħafna volumi jafu jnisslu biża’ u anki paniku. Biżżejjed niftakru x’għaddew minnu dawk li kienu abbord it-Titanic nhar il-31 ta’ Mejju 1911.

Madankollu, u kif ngħidu bil-Malti, kull deni ħudu b’ġid! L-għaliex, għalkemm għaddejna minn ħasda u anki xokk kbir bl-ilma li ħarġe, iżda l-għajnuna ġiet u ġiet bil-bosta. Nixtieq l-ewwel nett nuri l-apprezzament kbir tiegħi lill-awtoritajiet tal-Isptar li, kif xammew x’kien qed jiġri, f’ħakka t’għajn mill-ewwel wieġbu għas-sejħat tagħna biex jgħinuna. Wara relattivament ftit ħin mill-ewwel rajniehom fuq il-post biex jagħtu l-ewwel għajnuna. Dik xhieda ta’ servizz bil-fardal! Skont kif irid Kristu!

X’effett pożittiv tħalli meta ċċempel biex jgħinuk u min ikun qed iwieġbek, fuq it-telefon, il-Mulej jurieh kif għandu jikkalmak! Ibda’ biex l-għaliex jieħu t-telefonata fil-pront u ma jħallikx iċċempel fil-vojt u hekk jibda’ jiżdied fik kemm il-biża’ u kif ukoll il-paniku. It-tieni nett, din il-persuna ta’ qalb kbira tieħu l-ħin biex, fi ftit sentenzi mitqâla b’għerf kbir, tagħraf tfissirlek x’inhu jiġri tabilħaqq fis-sitwazzjoni. Il-kliem għalqi u li jassigura tagħha jgħinek tifhem li int parti minn problema. U mhux il-problema kollha! U allura, mhux int biss li tkun fil-problema imma hemm oħrajn li miegħek qiegħdin jgħumu fl-istess ilma. It-tielet nett, din il-persuna mbierka mis-sema tassigurak li l-għajnuna qiegħdha fit-triq. Għax ġejja għandek! Mela, mintix minsi u minsija! Bdew jgħinuk diġà!

Personalment apprezzajt bil-bosta x-xogħol li wettqu l-ħaddiema tekniċi tal-Isptar biex isibu soluzzjoni ta’ dak li kien qiegħed jiġri. Nerġa’ ngħid, ma konniex aħna l-patrijiet biss dawk li ntlaqtu minn dan l-inċident. Bħalma qalu l-bulettini tal-aħbarijiet kien hemm partijiet oħrajn li ġew affettwati. Għalhekk, illum ma nistax ma nirringrazzjahomx minn qalbi lil dawn in-nies għorrief u qalbiena li mal-ħaġra t-tajn ġew għandna, ħa jgħinuna nsolvu l-problema. U dan minkejja li s-sitwazzjoni kienet iebsa l-għaliex kienet mifruxa ma’ partijiet imbiegħda oħra fl-Isptar. Grazzi Mulej li bihom waqqaftilna għal kollox l-ilma li kien għaddej f’kamritna u mal-kuritur kollu.

B’rabta ma’ dan apprezzajt ukoll iż-żjara ta’ rappreżentanza mill-awtorità tal-Isptar. Meta rajt lil dawn l-aħwa jinqalgħu mill-uffiċini tagħhom u jiġu fil-post fejn konna mgħarrqin, biex jaraw b’għajnejhom dak li kien qed iseħħ u anki kif jistgħu jgħinuna, tassew li rajthom anġli quddiemi! Preżenza ta’ dan it-tip tnissel faraġ u fiduċja kbira f’min ikun qed ibati f’dak il-mument ta’ traġedja mill-aktar kbira.

Il-preżenza tagħhom tat frott mill-aktar bnin l-għaliex, ftit minuti wara, il-Mulej, b’dawn l-aħwa, bagħtilna l-cleaners, li, bix-xogħol iddedikat u tajjeb tagħhom, qaxxrulna kulma hemm! Kemm apprezzajt li rajt kemm cleaners, supervisors tagħhom u saħansitra xi membri mill-awtoritajiet stess, li għenuna nnadfu l-Quarters sakemm is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Kos hux! Kemm f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, li għaddejna minnha, ħareġ turrun ġid minnha! L-ewwel nett l-għaliex issewwiet il-ħsara fis-sistema tal-ilma. U, fuq kollox, l-għaliex il-qlub infetħu għal xulxin waqt il-bżonn. Lil dawk kollha li għenuna ma nixba’ qatt ngħidilhom GRAZZI! U NITLOB MINN QALBI GĦALIHOM U GĦALL-FAMILJI TAGĦHOM! Ħbieb, il-bżonn inessina l-ponn li ġieli, u jaħasra, nagħmlu għal xulxin! Le! Ejjew ningħaqdu bejnietna! Għax, u wara kollox, dan hu l-Milied: il-festa tas-solidarjetà ma’ min qed ibati. Li illum nista’ inkun jien u għada tista’ tkun int!

Għalija, l-għajnuna li rċevejt meta kważi sfajt bla dar minħabba l-‘għargħar’ li kelli f’kamarti, hi l-aqwa u l-isbaħ priedka li stajt nirċievi għal dan il-Milied! Għax jekk il-Milied ma jkunx festa ta’ solidarjetà u ħniena ma’ min qiegħed jiġġarrab allura x’Milied ikun?

Patri Mario Attard OFM Cap

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.