Tmiem tal-Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ara

Ir-Raba’ Ġimgħa – Il-Milied

“Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla.” – Salm 66:5

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Xi skiet! X’ħemda! Fl-għerien ħiemda barra minn Betlehem, Marija u Ġużeppi huma ftit tas-sekondi biss bogħod mit-twelid tal-Feddej. Bil-bhejjem tal-maxtura kurjużi u attenti, il-ħin fl-aħħar jasal. Il-ħlas ta’ Marija iktar jintensifika, Ġużeppi jaqbdilha f’idejha. Is-sema qed jittawwal bla sabar. Waqt li ruħha tgħanni r-ritornell tagħha ta’ tifħir, Marija tfittex nifs tal-aħħar. Għajnejk miftuħa beraħ; qalbek tħabbat iżjed. It-tarbija hi sekondi ’l bogħod… u… saflaħħar… wasal… il-Messija tant mistenni twieled issa! Immaġina x-xena. Ġużeppi jilqa’ bi ħlewwa f’dirgħajh lit-tarbija li għadha kemm twieldet mill-ġuf ta’ Marija u b’mod naturali jqiegħed lil Ġesù fuq sider Marija. Hekk kif Marija tħaddan magħha lil din it-tarbija ċkejkna, fuq wiċċha tixref ħarsa li l-ommijiet biss jafu jfissru. Imma, imqar b’dik l-emozzjoni kollha fuqha, tibqa’ ssummata f’att ta’ qima li ma tistax tfissru bil-kliem, għax Marija għandha f’idejha lil Alla nnifsu. Marija qed tiċċassa lejn binha. Marija qed tiċċassa lejn Alla.

Biljuni ta’ nies kienu twieldu qabel ma ġie Ġesù, u ħadd minnhom ma ra lil Alla wiċċ imb wiċċ. Kien hemm tliet mitt miljun persuna ħajja fiż-żmien li fih twieled Ġesù, u ħadd minnhom ma ġie magħżul għal dan il-mument. Din mhijiex sempliċi tarbija, dan hu Alla. Alla mhuwiex inviżibbli. Alla għandu wiċċ; Alla għandu isem. Nistgħu naraw lil Alla f’nofsna. Kif Marija tħaddan magħha lil binha, tibqa’ mistagħġba kif Alla li jista’ kollox hu ftit ċentimetri biss bogħod minn taħt għajnejha.

Ħafna minna jsibuha bi tqila biex jaraw lil Alla. Qalb il-ġenn tal-btajjel tal-Milied spiss insibuha bi tqila naraw lil Alla. Imqar fil-ferħ tar-rigali, l-ikliet tal-familja u l-għanjiet tal-Milied, nistgħu nsibuha bi tqila biex naraw lil Alla. Meta l-ħajja ma tissodisfax ix-xewqat tagħna, nistgħu nsibuha bi tqila biex naraw lil Alla. Meta l-ħajja hi iebsa, u t-triq ħarxa, nistgħu nsibuha bi tqila biex naraw lil Alla.

Lilek ngħidlek: “Il-Milied it-tajjeb”, għax issa tista’ tara lil Alla. Alla mhuwiex inviżibbli. M’għadux moħbi. L-Għimmanuel, Alla magħna, ifakkarna lkoll li Alla jridna narawh f’ħajjitna. Illum se tkun ġurnata mimlija. F’nofs dan kollu, itlob lil Ġesù jħallik tarah fil-qalba ta’ dawn l-eqdes jiem.

Għat-talb tiegħek

Is-Salmi huma l-mużika qaddisa ta’ poplu magħżul. Is-Salmi nkitbu bħala għanjiet ta’ tifħir lil Alla. Immaġina kemm Marija u Ġużeppi għannew is-Salmi tul l-aktar lejl ta’ skiet, barra minn Betlehem. Ibda aqra bil-mod is-Salm 24:6; is-Salm 27:13; is-Salm 66:5. Aqrahom iktar minn darba. Qis ftit il-ħlewwa tal-għana. Issa, immaġina fi spirtu ta’ talb ix-xena li hemm f’Luqa 2:7. Kun fix-xena. Kun ma’ Marija u Ġużeppi. Kun ma’ Ġużeppi hekk kif bi ħlewwa liema bħalha jilqa’ lit-tarbija li għadha kemm twieldet minn ġuf Marija. Kun ma’ Ġużeppi hekk kif iħoss li għandu jqiegħed lil Ġesù fuq sider Marija. Kun ma’ Marija hekk kif tħaddan magħha lit-tarbija ċkejkna li għadha kemm twieldet. Issa, staqsi lil Marija jekk tistax int ukoll iżżomm f’dirgħajk lil binha li għadu kemm twieled. Itlob lil Marija tistax iżżomm lil Ġesù… u ftakar… int qed iżżomm lil Alla.

“Missier, nixtieq inġarrab il-ferħ b’mod li qatt ma għext qabel. Inħallik tagħtini għoġba ġdida għat-twelid tiegħek.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

ARA

“Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess. Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.” – Iżaija 7:14

Leave a Reply