Fil-25 ta’ Diċembru l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin. Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla. Ħabbruh il-Profeti. Xtaqu l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.
Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żminijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija. Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid tal-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra tal-Ispirtu s-Santu.
Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-ragħajja. Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.
Minn dakinhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh. Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ Alla. Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.
Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja Rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal. L-insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu: ix-Xemx ta’ dejjem u d-Dawl ta’ kull bniedem.
Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna. Flimkien mar-rigali, in-nisrani jwassal ‘il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.