Familja li għamlet żmien homeless u refużjata


Il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2019: Omelija fil-Festa tal-Familja Mqaddsa fil-Knisja Parrokkjali Balzan.

80693854_1548450828662401_7985922681054691328_n

FAMILJA LI GĦAMLET ŻMIEN HOMELESS U REFUĠJATA

Hija familja li għal xi żmien kienet homeless u refuġjata dik li l-Knisja tqiegħed quddiemna bħala ispirazzjoni għall-ħajja tagħna.

Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, kienet familja li għaddiet minn ħafna tbatija, fost l-oħrajn, kif rajna fl-Evanġelju llum, kellha taħrab minn pajjiżha – kienet refuġjata – bis-sofferenza kollha li dan kien ifisser. Dak iż-żmien ma kinetx la faċli u lanqas xi ħaġa komda li int tagħmel dak il-vjaġġ biex tħares il-ħajja tat-tifel li kienet fil-periklu. Kien hemm diversi riskji. Minn kollox rat fit-tbatija tagħha din il-familja meta kienet refuġjata!

Ftit qabel, kienet ukoll homeless fl-iktar żmien diffiċli meta ġie biex jitwieled it-tifel. Għax meta naqraw li “ma kienx hemm post għalihom” u li twieled f’għar, ifisser li għal xi żmien bħala familja ma kellhomx fejn joqogħdu.

Għalhekk hu importanti li nifhmu li meta ngħidu “il-Familja Mqaddsa” hija din il-familja mmarkata dejjem mit-tbatija. Hi familja li tifhimna għax għaddiet minn żminijiet diffiċli ħafna.

X’kien li mexxa dejjem ’il quddiem lil din il-familja? Insemmi żewġ affarijiet li narawhom fil-Kelma ta’ Alla u li huma ta’ ispirazzjoni għalina llum.

Marija u Ġużeppi

L-ewwel nett, l-importanza tal-fiduċja f’Alla. Marija u Ġużeppi kienu mimlijin fiduċja f’Alla u fil-kelma tiegħu. Fl-Evanġelju rajna lil Ġużeppi, u nafuh ukoll f’ċirkustanzi oħra, meta ma jistax jifhem x’qed jiġri jew ikollu pjan differenti, imma meta jara x’inhi l-Kelma ta’ Alla, iqiegħed il-fiduċja fih u jimxi skont dak li jrid Alla. U Marija wkoll – f’dik il-ġrajja tant għażiża għal din il-parroċċa tal-Lunzjata – meta jidhrilha l-anġlu Gabriel u jħabbrilha li se tkun Omm Alla; hi ma setgħetx tifhem għal kollox, imma għax fehmet li ġejja minn Alla, qiegħdet il-fiduċja sħiħa fih u fil-Kelma tiegħu. Din il-fiduċja f’Alla għenet lil Ġużeppi u Marija biex jilqgħu fi ħdan il-familja tagħhom lil Ġesù, il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem.

It-tieni, tolqtok ukoll kif dejjem kienu jaħsbu f’xulxin, mimlijin imħabba lejn xulxin. Marija u Ġużeppi dejjem jaħsbu kif jistgħu jagħmlu l-ħajja tal-familja aħjar u isbaħ. Ħadd minnhom ma fittex lilu nnifsu, kif ikun komdu hu jew x’jaqbillu hu jew hi, imma fittxew dak li hu ta’ ġid għall-familja, u hekk bnew din il-komunità ta’ mħabba.

F’diversi affarijiet ma nistgħux nixbhu lil Marija u Ġużeppi, imma f’dawn it-tnejn aħna nistgħu nixbħuhom u għandna nixbħuhom, u nħallu din il-familja tkun ta’ ispirazzjoni, għalina u għall-familja tagħna.

Fiduċja f’Alla

L-ispirazzjoni li nieħdu hi l-ewwel nett li jkollna l-fiduċja f’Alla u Hu jkun preżenti fil-ħajja tagħna u tal-familja tagħna. Li Alla ma jingħatax il-ġenb jew jingħata post mhux importanti jew jibqa’ mingħajr ebda post fil-familja tagħna. Meta nqiegħdu lilu fiċ-ċentru, barka jkun hemm għall-familja tagħna. Għalhekk nitolbu flimkien bħala familja, u dejjem niftħu qalbna għal Alla biex ikun preżenti u jbierek il-familja tagħna. Kemm hi ħaġa sabiħa li hawnhekk fil-knisja, f’Jum il-Mulej, tara familji, kultant bi tfal żgħar ħafna. Ġieli jagħmlu xi ftit storbju t-tfal, u nieħu gost li jkunu hawn u mhix problema jekk kultant jagħmlu l-istorbju għax ifisser li fil-knisja hawn it-tfal li b’għożża qegħdin flimkien mal-familja tagħhom. Huwa Alla li jġib il-barka fil-familja tagħna.

L-imħabba li tfisser sensitività

Il-Familja Mqaddsa tgħallimna wkoll kemm hi importanti l-imħabba li turi ruħha fl-attenzjoni u fis-sensitività lejn xulxin. Hu b’dan il-mod li tinbena l-familja u li tinbena fl-imħabba. Nixtieq nenfasizza l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Per eżempju, kelma ta’ apprezzament u ta’ gratitudni; li nisimgħu lil xulxin, li kultant tant nieqsa fil-familja; li nitolbu maħfra fejn hemm bżonn u li naħfru; li nieħdu paċenzja b’xulxin; li naħsbu kif nistgħu nagħmlu l-ħajja tal-oħrajn isbaħ. Kliem San Pawl fl-Ittra lill-Kolossin hu sabiħ; mhuwiex kliem fl-ajru imma hu tassew reali meta ngħixuh fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Huwa hemm li tinbena l-familja, meta nagħrfu li kull persuna hi għażiża u nuruha din l-għożża.

Għal dan nixtieq nitlob illum, għalina u għall-familji tagħna. Nitolbu lill-Mulej biex jimliena dejjem b’dawn is-sentimenti sbieħ ta’ mħabba fil-familji tagħna.

Appoġġ u kompassjoni

Niftakru wkoll illum f’dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli fil-ħajja tal-familja tagħhom. Nitolbu biex huma jsibu fina appoġġ, kompassjoni, għajnuna – dak kollu li għandhom bżonn f’dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħhom.

B’dan il-mod aħna nistgħu ngħixu din il-Kelma ta’ Alla għal ħajjitna personali u l-ħajja tal-familja tagħna, u ngħinu wkoll lill-oħrajn biex jistgħu jgħixuha flimkien magħna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju