Il-Papa f’Santa Marta: Ngħidu le lill-ispirtu tad-dinja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 7 ta’ Jannar 2020: Illum, il-Papa Franġisku reġa’ beda jiċċelebra l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Huwa fakkar li, kif jgħidilna San Ġwann l-Appostlu, l-Ispirtu s-Santu huwa l-garanzija li Alla dejjem magħna u li m’għandniex nagħtu widen lill-ispirtu tad-dinja għax dan iraqqdilna l-kuxjenza b’mod li ma nibqgħux nagħmlu distinzjoni bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Il-ħajja nisranija tfisser li aħna nibqgħu f’Alla bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu u mhux skont l-ispirtu tad-dinja.

Il-Papa Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-qari tal-liturġija tal-ġurnata li fih l-evanġelista San Ġwann itenni t-twissija li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu: ‘Ibqgħu fil-Mulej.’

Nistgħu nkunu ngħixu f’belt midinba għall-aħħar, f’soċjetajiet l-aktar atei, imma jekk il-qalb tibqa’ f’Alla, dak ir-raġel, dik il-mara jġibu s-salvazzjoni.

Il-Papa fakkar fl-episodju li naqraw fl-Atti tal-Appostli meta, kif waslu f’belt u ltaqgħu mal-Insara mgħammdin minn Ġwanni, staqsewhom: ‘Irċevejtuh l-Ispirtu s-Santu?’, u dawn in-nies mank kienu jafu min kien!

Kemm Insara llum ukoll lill-Ispirtu s-Santu jarawh biss bħala ‘ħamiema’ u mank jafu li proprju Hu jgħinek biex tibqa’ fil-Mulej, huwa l-grazzja, il-qawwa biex nibqgħu marbutin ma’ Alla!

Hawn, imbagħad, il-Papa għadda biex jitkellem dwar l-ispirtu tad-dinja li hu l-kuntrarju tal-Ispirtu s-Santu.

Fl-Aħħar Ikla, Ġesù ma jitlobx lill-Missier biex lid-dixxipli jneħħihom mid-dinja, għax il-ħajja nisranija tinsab fid-dinja, imma, qal Franġisku, jitlob biex il-Missier iħarishom mill-ispirtu tad-dinja.

L-ispirtu tad-dinja huwa agħar mid-dnub, osserva l-Papa, għax imewwitlek il-kuxjenza u int ma tibqax tagħmel għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Iżda biex nibqgħu f’Alla għandna nitolbu għal dan id-don, għall-Ispirtu s-Santu li hu garanzija.

U kif nistgħu nindunaw li għandna fina l-Ispirtu s-Santu?, staqsa l-Papa.  San Pawl jispjegalna u jtina parir: ‘Tnikktux lill-Ispirtu s-Santu.’  Meta aħna nersqu lejn l-ispirtu tad-dinja, innikktu lill-Ispirtu s-Santu, inwarrbuh, u ħajjitna tibda miexja fi triq oħra.

L-ispirtu tad-dinja jnessina x’inhu d-dnub.  Għax id-dnub ma jbegħdikx minn Alla jekk int ma tkunx konxju tiegħu u titlob maħfra, iżda l-ispirtu tad-dinja jnessik x’inhu d-dnub.

F’dal-punt il-Papa qal li ftit jiem ilu saċerdot urieh filmat ta’ Nsara li kienu qed jiffesteġġjaw is-sena l-ġdida f’pajjiż nisrani.  Kienu qed jiċċelebraw b’mondanità terribbli u ħala kbira ta’ flus u ta’ affarijiet oħra.  Allura dan dnub?  Le, qal il-Papa, hu xi ħaġa agħar: huwa korruzzjoni.

L-Ispirtu s-Santu jmexxik lejn Alla u jħarsek, jgħinek terġa’ tqum, iżda l-ispirtu tad-dinja jiħdok lejn il-korruzzjoni b’mod li ma tibqax tagħżel bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.  Għalik kollox isir l-istess, kollox jgħaddi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

Leave a Reply

%d bloggers like this: