Illum il-Knisja tfakkar lil San Lawrenz Ġustinjani


Fit-8 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Lawrenz Ġustinjani, Isqof, Konfessur u Patrijarka ta’ Grado li għex bejn is-snin 1381 sa 1455.

Twieled Venezja minn familja nobbli. Ommu baqgħet armla kmieni, b’ħafna wlied u għażlet li titqaddes billi tati ruħha għall-edukazzjoni tagħhom bla ebda ħsieb li terġa’ tiżżewweġ. Fiċ-ċkejken Lawrenz kixfet minn kmieni ruħ nobbli u ġeneruża u għalhekk bdiet minn kmieni tiżra’ ż-żerriegħa ta’ ħajja devota u ta’ perfezzjoni. Iċ-ċkejken kien iwieġeb ‘l ommu li bil-grazzja t’Alla kien irid isir qassis.

Ta’ 19-il sena sema’ s-sejħa t’Alla u bil-parir ta’ zijuh Don Querini, wara li rrifjuta ż-żwieġ, daħal mal-kongregazzjoni tal-Kanonċi Sekulari ta’ San Ġorġ fil-kunvent ta’ Alga, gżira żgħira ħdejn Venezja. Kien ġa hekk imrawwem fil-mortifikazzjoni, li s-superjuri kellhom inaqqsuhomlu minflok ma jġagħluh iżidhom. Kien għal kulħadd xempju ta’ faqar, ta’ mortifikazzjoni, ta’ ġabra u ta’ umiltà. Kien iħobb imur jitlob il-karità bil-ħorġa fuq spaltu, bla ma jistħi minn ħadd.

Wara li ordna saċerdot (1406) ġie magħżul bħala pirjol tal-komunità u ftit wara bħala ġeneral tal-kongregazzjoni. Għamel riforma tad-dixxiplina u daħħal kostituzzjoni ġdida li biha l-kanonċi minn sekulari saru regulari. Il-fama tiegħu ta’ qaddis u ż-żelu tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ ġibdu fuqu l-attenzjoni ta’ Ewġenju IV, li fit-22 ta’ Mejju 1433 għamlu isqof ta’ Castello.

Kellu jaċċetta fuq qalbu; iżda ħa l-pussess hekk bil-kwiet li ħbiebu ma sarux jafu bih qabel maċ-ċerimonja kienet ġa spiċċat. Bħala isqof, kif ukoll bħala reliġjuż, baqa’ eżemplari fil-ħeġġa tal-imħabba lejn Alla u tal-karità mal-fqar. Ġedded knejjes imġarrfin, waqqaf parroċċi ġodda, għen il-fondazzjoni ta’ kunventi ġodda u rriforma l-ħajja u d-dixxiplina tal-kanonċi taħtu.

Iżda fuq kollox kienet tiddi l-karità nisranija u l-ġenerożità tiegħu. Kull ma kien jaqla’ kien jagħtih lill-fqar, waqt li hu nnifsu kien jgħix ħajja sempliċi u ta’ faqar. Meta wħud osservawlu li kien imissu joqgħod aktar attent għal ġieħu, tal-Knisja u tar-repubblika, kien iwieġeb li l-virtù kienet l-unika żina tal-karattru ta’ isqof u li l-fqar kollha tad-djoċesi kienu membri tal-familja tal-isqof. Ma kienx iżomm miegħu ħlief ħamsa min-nies.

La kellu arġenteriji u lanqas ilbies fin – sodda tat-tiben imgħottija bi gverta ħarxa. Hekk seta’ jikseb ir-rispett u l-imħabba ta’ kulħadd u r-riformi l-aktar iebsa fost il-kleru u l-poplu. Kien ifittex il-progress tal-ħajja Nisranija sew bil-predikazzjoni kemm bil-kitba. Kienu jqimuh id-dinjitarji sew tal-Knisja, kemm tal-istat u sew ta’ ġo pajjiżu u kemm ta’ barra pajjiżu.

Meta fl-1451 miet il-patrijarka ta’ Grado, il-Papa Nikola V ħatru bħala s-suċċessur, billi neħħa s-sedi ta’ Castello li kienet taħt il-patrijarka ta’ Grado u ttrasferixxa Venezja s-sedi ta’ Grado. Għalhekk il-qaddis hu wkoll magħruf bħala l-ewwel patrijarka ta’ Venezja, għad li dan it-titlu ma bediex qabel l-1751.

L-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu għaddihom b’dan il-piż fuq spallejh, li hu aċċetta bl-ordni tal-Papa u mitlub mid-doġe ta’ Venezja. In-neputi tiegħu, Bernardu Ġustinjani, li kiteb ħajtu bil-Latin, jirrakkonta bosta mirakli u profeziji tal-qaddis. Kien għadu kemm temm jikteb l-opra tiegħu. “Gradi tal-Perfezzjoni” meta qabdu deni qawwi. Riedu jpoġġuh fuq sodda tajba, iżda ma riedx jibdilha mat-tiben.

Talbuh jagħmel testment iżda ma kellu xejn xi jħalli. Biss wissa lil kulħadd biex ikunu tajbin u ordna li jidfnuh bla pompi, bħala reliġjuż, fil-kunvent ta’ San Ġorġ, iżda s-senat oppona ruħu għal dan wara mewtu. Marċellu, dixxiplu tiegħu u ta’ familja nobbli, beda jolfoq u jibki bħal tifel. Il-qaddis farrġu u qallu li fil-Għid ta’ wara jkunu flimkien. Miet fit-8 ta’ Jannar tal-1455. Ġismu, bl-ordni tas-senat, jinsab fil-bażilika ta’ San Mark, Venezja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.