Il-Papa f’Santa Marta: Min jgħid li jħobb ‘l Alla imma ma jħobbx lil ħuħ huwa giddieb

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Jannar 2020: L-ewwel qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, idur mat-tema tal-imħabba. Dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar dan il-qari. Fl-Ittra l-Appostlu jgħidilna kif għandna nħobbu u kif aħna maħbubin.

Hemm żewġ affermazzjonijiet ċari, osserva l-Papa.  L-ewwel waħda hi l-pedament tal-imħabba: aħna nħobbu lil Alla għax Hu ħabbna l-ewwel.  L-imħabba tibda minnu.  Jien nibda nħobb jew nista’ nibda nħobb għax konxju li Hu ħabbni qabel.  Kieku Hu ma ħabbniex żgur li aħna ma konniex inkunu nistgħu nħobbu.

Kieku tarbija tat-twelid, ta’ ftit jiem, setgħet titkellem, żgur li kienet tispjegalna dir-realtà: ‘Jien maħbuba mill-ġenituri tiegħi.’  Dak li jagħmlu l-ġenituri mat-tarbija għamlu magħna Alla: Hu ħabbna l-ewwel.  Dan inissel fina u jkattrilna l-ħila li nħobbu.  Din hi tifsira ċara tal-imħabba: aħna nistgħu nħobbu lil Alla għax kien Hu li ħabbna l-ewwel.

It-tieni ħaġa li jgħid l-Appostlu, bla tidwir ta’ kliem, hija din: ‘Jekk wieħed jgħid li jħobb lil Alla imma jobgħod lil ħuh, ikun giddieb.’  Il-Papa osserva li Ġwanni ma jgħidx ‘ikun maledukat’ jew ‘ikun qed jiżbalja’, imma juża l-kelma ‘giddieb’ u aħna wkoll jeħtiġilna nitgħallmuh dan.

Jien inħobb lil Alla, forsi nidħol f’estasi… imbagħad niskarta lill-oħrajn, jew ma nħobbhomx, jew indifferenti.  L-Appostlu juża l-kelma ‘giddieb’.  Fil-Bibbja dil-kelma hi ċara ħafna għax li tkun giddieb hi mġiba li tagħmlek tax-xitan: hu l-Akbar Giddieb, jgħidilna t-Testment il-Ġdid, hu missier il-gideb.  Din hi d-definizzjoni ta’ Satana li ttina l-Bibbja.  U jekk inti tgħid li tħobb lil Alla imma tobgħod lil ħuk, int tinsab in-naħa l-oħra.  F’dan m’hemmx kompromessi.

Ħafna jfittxu jiġġustifikaw għaliex ma jħobbux.  Xi ħadd jista’ jgħid: Jien ma nobgħodx imma hemm bosta nies li jagħmluli l-ħsara u jien ma nistax naċċettahom għax maledukati, goffi.

Il-Papa kkummenta li, infatti,Ġwanni jurina l-konkretezza tal-imħabba meta jikteb:  ‘Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li ma jarahx?’  U jkompli jafferma: ‘Jekk inti m’għandekx ħila tħobb lil ħaddieħor, ibda minn min hu qribek u spiċċa f’dawk imbiegħda, ma tistax tgħid li tħobb lil Alla: int giddieb.’

Imma m’hemmx biss is-sentiment tal-mibegħda, jista’ jkun hemm ukoll ir-rieda li ‘ma tindaħalx’ fl-affarijiet ta’ ħaddieħor.  Imma dan mhux sewwa għax l-imħabba tfisser li inti għandek tagħmel il-ġid.

Jekk xi ħadd jgħid li biex ikun nadif jixrob biss ilma distillat, imut, għax dan mhux tajjeb għall-ħajja.  L-imħabba vera mhix ilma distillat: hi l-ilma ta’ kuljum, bil-problemi, l-affetti, l-imħabbiet u l-mibegħda.  Din hi l-imħabba.  Inħobbu bil-konkretezza mhux bl-imħabba tal-laboratorju.  Hekk jgħallimna ċar u tond l-Appostlu.

Imma hemm mod ieħor – ftit jew wisq mistur – kif bniedem ma jkunx iħobb lil Alla u lill-proxxmu: l-indifferenza.  ‘Jien ma rridx dan, irrid l-ilma distillat’ – jien ma nindaħalx fil-problemi tal-oħrajn.’  Biex tgħin int għandek titlob.

San Alberto Hurtado, issokta l-Papa, kien jgħid: ‘Tajjeb li ma tagħmilx id-deni, imma jekk ma tagħmilx il-ġid mhux sew.’  L-imħabba ‘vera’ għandha timbuttak biex tagħmel il-ġid… u tħammeġ idejk bl-opri tal-imħabba.

Mhux faċli, imma bit-triq tal-fidi hemm il-possibiltà li tirbaħ id-dinja, il-mentalità tad-dinja li ma tħalliniex inħobbu.  Din hi t-triq, afferma l-Papa.  Hawnhekk m’hawnx lok għall-indifferenti, għal min jaħsel idejh mill-problemi, għal min ma jridx jindaħal fil-problemi biex jgħin, biex jagħmel il-ġid; m’hawnx lok għall-mistiċi foloz, għal dawk li qalbhom hi distillata bħall-ilma, li jgħidu li jħobbu lil Alla imma jevitaw li jħobbu lill-proxxmu.

Jalla l-Mulej jgħallimna dawn iż-żewġ veritajiet: iċ-ċertezza li jien kont maħbub minn qabel u l-kuraġġ li nħobb lil ħuti.

Miġjub għalll-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading