Vanġelu (Ġw 1, 29-34): Ġwanni kien jistieden lill-Lhud biex, mill-Lvant tal-Ġordan, jinżlu jitgħammdu fix-xmara, u mbagħad jitilgħu u jaqsmu għall-Punent. Dan simbolu ta’ meta Ġożwe’ għamel l-istess ħaġa 1200 sena qabel, biex b’hekk daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda. Hawn spiċċa għalihom il-jasar u bdew jgħixu ta’ nies liberi.
Issa Ġwanni qed idaħħal il-Lhud fuq art mhux biss materjali imma f’Ordni Ġdid li dalwaqt ser iwaqqaf Ġesu Kristu, il-Mose il-Ġdid. Ġwanni l-Evanġelista ipproklama lill-Battista mhux bħala prekursur imma bħala xhud tad-Dawl li se jibda jiddi. Hu ma kienx id-dawl imma għaraf u ta xhieda tad-Dawl li kien se jdawwal id-dlamijiet ta’ dak iż-żmien. Ġurnata qabel, grupp ta’ qassisin u Leviti minn Ġerusalemm marru jsaqsu lil Ġwanni: “Min int?” Għamlu hekk għax kulma kien jgħid lin-nies biex jagħmlu kienu jobduh. Mela kellu ċerta poter, tant li Erodi kien jibża’ minnha dil-ħaġa. Allura, bħala awtorita’ reliġjuża, il-qassisin riedu jkunu jafu min hu Ġwanni. Hu kien ċar mill-ewwel: “M’hinix il-Messija. Dan se jiġi warajja, u m’hinix dehen inħollu l-qorq.”
“L-għada” għandna r-rakkont tal-lum. Kif jitfaċċa Ġesu, il-Battista biss jagħrfu bħala l-Iben t’Alla. Għalhekk jindikah lill-Lhud u lilna fil-bidu ta’ sena ġdida biex inżommuh quddiem għajnejna u nikkontemplaw dan il-Ħaruf t’Alla tul is-sena kollha. J’Alla qatt ma nneħħu l-ħarsa tagħna minn fuqu. Ta’ min jinnota li Ġesu ma jgħidx kelma. Iħalli f’idejn Ġwanni jagħti x-xhieda tiegħu: “Jien rajt l-Ispirtu …. dan hu l-Iben t’Alla.” Kemm-il darba int u jien nitħabtu biex inkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni. Ġwanni mhux hekk: jitfa’ l-attenzjoni kollha fuq Ġesu, għax hu se jkun li jurina t-triq li għandna nimxu fuqha.
1. X’jiġifieri Ħaruf? Ġwanni ma jgħajjatlux “Ġesu, Bin David” imma Ħaruf. (a) Id-demm tal-ħaruf tal-Għid tal-Lhud, imċappas mal-koxox tal-bibien, ħelishom mill-Kastig tal-mewt. Fid-dinja l-qadima kien jirrenja l-poter miksub bil-forza. Għal dan il-poter kienu anki jiżbranaw lil xulxin bħall-bhejjem salvaġġi. Fid-dinja l-ġdida, mela, jfeġġ ħaruf, ġwejjed u mans, li jħalli ‘l min joqtlu biex, permezz tad-demm tiegħu, isalvaw il-bnedmin. Mela biex teqred id-dinja l-antika tal-bhejjem salvaġġi ma ġietx bhima aktar salvaġġa imma ħaruf. F’did-dinja ġdida il-bhejjem salvaġġi jridu jsiru ġwejjed bħall-ħrief. Min jimxi wara l-Ħaruf iqiegħed ħajtu (u forsi mewtu) għas-servizz tal-oħrajn. (b) “Dawk li lebsin l-abjad (kulur id-dawl) huma dawk li ħaslu ħwejjiġhom fid-demm tal-Ħaruf,” i.e. għexu ħajja ta’ mħabba u għaqqdu t-tbatijiet tagħhom ma’ dawk ta’ Ġesu (Apok). (ċ) “Il-ħaruf li jmur kwiet kwiet għall-qatla” (Is). Dan il-Ħaruf se jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Id-dnub kien il-loġika tad-dinja l-qadima. Dawk li jridu jkunu parti mid-dinja l-ġdida jridu joqogħdu ‘l bogħod mid-dnub bl-għajnuna tal-Ħaruf.
2. Ġwanni kif irnexxielu jagħraf lil Ġesu? Bin mastrudaxxa żgur kellu jdejh mimlijin kallu. Bil-Grieg blempo tfisser tħares lejn xi ħadd jew xi ħaġa minn barra. Emblempo tfisser tħares fil-ġewwieni, fil-qalb. E.g. meta Ġesu ħares lejn Pietru appena dan ċaħdu – ħarsa li tinfed il-qalb. Ġwanni jħares lejn Ġesu u jiskopri l-identita tiegħu. Ġwanni jgħid darbtejn: “Jien ma kontx nafu”. Imma issa, wara li għamel ċertu mixja, għarfu. Aħna wkoll mistednin biex din is-sena nagħmlu din il-mixja. Forsi mingħalina li nafuh sew lil Ġesu. Imma kif? Minn barra biss? Superfiċjalment? X’se nagħmlu biex insiru nafuh aktar intimament? Hu ċaħad kull egoiżmu u, b’imħabba kbira tana kollox, ta lilu nnifsu kollu kemm hu.
3. Ġwanni jkompli: “Rajt (ikkontemplajt) l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.” L-evanġelista Ġwanni ma jsemmix il-magħmudija ta’ Ġesu imma hawn qed jirreferi għaliha. “Joqgħod fuqu” i.e. jgħammar fih, u se jibqa’ jgħammar f’Ġesu ħajtu kollha. Huwa dan l-Ispirtu qaddis li se jmexxi ‘l Ġesu fil-ħajja tiegħu ta’ ħaruf. Il-Battista jagħraf dan kollu għax min għandu qalbu safja jara l-invisibbli, jara l-ġewwieni. “Imberkin ta’ qalbhom safja għax jaraw lil Alla.”
4. “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.” Ġesu mhux se jgħaddasna fl-ilma tal-Ġordan imma fl-Ispirtu s-Santu, i.e. fil-ħajja Divina li se tgħinna biex ngħixu l-ħajja tal-Ħaruf, ‘il bogħod mill-eġoiżmu, u mimlijin imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
5. “Dan hu l-Iben t’Alla.” L-Iben jixbaħ lill-Missier. Jekk irridu nħarsu lejn wiċċ Alla, biżżejjed inħarsu lejn wiċċ Kristu. Qabel it-Tqarbin, l-istedina hi: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla.. henjin dawk li huma mistednin għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf.” Meta nieklu l-Ħobż mibdul fi Kristu, dan jiġi assimilat fil-ġisem tagħna. Ejjew inkunu konxji li ma’ kull tqarbina aħna nġeddu l-wegħdiet tagħna tal-Magħmudija u tal-Griżma fejn konna kkonfermajna li kuljum se nimxu fuq il-passi tal-Ħaruf.
Sors: lachiesa.it/liturgia/data/cerca/omelie/fr fernando armellini