Il-Papa f’Santa Marta: It-talba ċkejkna li biha Alla jħossu mqanqal

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 16 ta’ Jannar 2020: Il-Mulej huwa qrib, bil-mogħdrija tiegħu jieħu fuq spallejh il-problemi tagħna, dnubietna, il-mard interjuri tagħna. Il-Papa Franġisku qal dan fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, f’kumment dwar l-Evanġelju tal-ġurnata li fih naqraw dwar il-fejqan tal-lebbruż.

‘Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.’  It-talba tal-lebbruż hi talba sempliċi, att ta’ fiduċja  u fl-istess ħin sfida.  Kienet talba ħerqana ġejja minn qiegħ qalb il-lebbruż, li turina wkoll kif jaħdem il-Mulej meta jħoss il-mogħdrija: ‘isofri magħna’ u jieħu fuqu t-tbatija tagħna biex itaffiha u jfejjaqha f’isem l-imħabba tal-Missier.

Bir-riflessjoni li għamel dwar il-fejqan tal-lebbruż, il-Papa Franġisku jħeġġiġna biex nifhmu l-mogħdrija ta’ Ġesù li ġie biex jagħti ħajtu għalina midinbin.

Fl-istorja sempliċi tal-lebbruż, li lil Ġesù jgħidlu ‘jekk trid’, hemm talba li tiġbed l-attenzjoni ta’ Alla, u hemm ukoll soluzzjoni.

Hija sfida imma wkoll att ta’ fiduċja: ‘Jiena naf li Hu jista’ u għalhekk qed nintelaq f’idejh.’  Imma għaliex dar-raġel ħass li seta’ jagħmel din it-talba?  Għax kien jara kif kien jaġixxi Ġesù.  Dar-raġel kien ra l-mogħdrija ta’ Ġesù.  Mogħdrija, mhux piena.  Dan jittenna bosta drabi fl-Evanġelju: fil-wiċċ tal-armla ta’ Najn, tas-Samaritan it-Tajjeb, ta’ Missier l-iben il-ħali.

Il-mogħdrija tiġbed, tiġi mill-qalb u ġġiegħlek tagħmel xi ħaġa.  Il-mogħdrija tfisser li tbati ma’ dak li jkun, tagħmel tiegħek it-tbatija tal-ieħor biex issolviha, tfejjaqha.  Din kienet il-missjoni ta’ Ġesù.

Ġesù ma ġiex biex jipprietka l-liġi u wara telaq lil hemm.  Ġesù ġieb miegħu l-mogħdrija, jiġifieri ġie biex isofri flimkien magħna u biex jagħti ħajtu.  Tant hi kbira l-imħabba ta’ Ġesù li l-mogħdrija wasslitu sas-salib, wasslitu biex jagħti ħajtu.

Il-Papa għamlilna stedina biex intennu dis-sentenza qasira: ‘Ġietu ħniena.’  Ġesù jitwaħħad man-niket, mal-problemi tal-oħrajn, għax għalhekk ġie.  Ma ġiex biex jaħsel idejh, jagħmel tlieta, erba’ prietki, u jitlaq ’il hemm.  Hu jinsab dejjem qribna.

‘Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni, jekk trid tista’ taħfirli, jekk trid tista’ tgħinni.’   Inkella, jekk irridu, issokta l-Papa, ngħidu: ‘Mulej, jiena midneb, ikollok ħniena minni, għadirni.’  Talba sempliċi li nistgħu ntennuha ħafna drabi matul il-ġurnata.  ‘Mulej, jiena midneb/midinba, ikollok ħniena minni.’  Intennuha bosta drabi dit-talba f’qalbna, bla ma ninstemgħu: ‘Mulej, jekk trid, tista’.  Ikollok ħniena minni.’  Intennuha ħafna drabi.

Bit-talba sempliċi u mirakoluża tiegħu, il-lebbruż qala’ dak li talab bis-saħħa tal-mogħdrija ta’ Ġesù li jħobbna anke meta nkunu fl-istat tad-dnub.

Hu ma jistħix minna.  ‘Padre, jien midneb/midinba, kif se mmur ngħidu dan…?’  Tant aħjar, osserva l-Papa, għax Hu ġie proprju għalina midinbin u aktar m’int midneb kbir, il-Mulej ikun aktar qrib tiegħek, għax ġie għalik, l-akbar midneb, ġie għalina lkoll.

Nieħdu din id-drawwa li ntennu dit-talba, temm il-Papa, intennuha dejjem: ‘Mulej, jekk trid, tista’!’ Intennuha bil-fiduċja li l-Mulej jinsab qribna u l-mogħdrija tiegħu tieħu fuq spallejha l-problemi, id-dnubiet, il-mard interjuri tagħna, kollox.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: