Bidu għall-Viżta Pastorali fi Fleur-de-Lys


Il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar tingħata bidu għall-Viżta Pastorali fil-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, bl-ewwel laqgħa tiegħu tkun mal-komunità ta’ Dar Ħanin Samaritan.

Capture
Messaġġ tal-okkażjoni mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi

 

Għeżież membri tal-Parroċċa ta’ Fleur de Lys, huwa ta’ ferħ kbir għalija li f’dawn il-jiem se niġi għall-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa għażiża.

Il-komunità parrokkjali tagħkom, taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Karmnu, din is-sena tagħlaq 45 sena mwaqqfa bħala parroċċa. Hija okkażjoni sabiħa ta’ ringrazzjament lil Alla għal tant ġid li sar f’dawn is-snin mill-patrijiet Karmelitani li servew din il-komunità, u minn tant nies oħra kollaboraturi f’din il-ħidma pastorali.

F’Marzu tal-2011 kienet saret Viżta Pastorali mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Pawlu Cremona O.P. Fil-Viżta Pastorali li se tibda ftit ġranet oħra, nixtieq nara mill-qrib ir-realtà li qed tgħixu bħala komunità Nisranija llum, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew mill-Viżta Pastorali tal-2011.

Se niltaqa’ mat-tfal, mal-adolexxenti, mal-familji, mal-anzjani u mal-morda. Se niltaqa’ ma’ dawk kollha li qed jaħdmu u jagħtu sehemhom b’ħafna dedikazzjoni f’oqsma differenti ta’ formazzjoni u ta’ ħidma għall-ġid tal-oħrajn, fosthom reliġjużi ta’ kongregazzjonijiet differenti.

Se jkollna l-opportunità nitolbu flimkien, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu l-ħafna sabiħ u tajjeb li qed jiffjorixxi f’din il-komunità. Nistedinkom biex flimkien nidentifikaw l-isfidi u l-opportunitajiet ġodda fil-ħidma pastorali biex din il-ħidma tissaħħaħ u nwieġbu għal dak li qed jitlob minna l-Mulej illum.

Nixtieq li ż-żjara tiegħi fostkom tkun esperjenza sabiħa għalina lkoll u tgħinna biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Għal dan nixtieqkom titolbu, b’mod speċjali fil-ġranet ta’ tħejjija għal din il-Viżta Pastorali.

Il-Mulej iberikkom.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Programm tal-Viżta Pastorali

Il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar
9:15 am        L-Isqof jiltaqa’ mal-komunità ta’ Dar Ħanin Samaritan

L-Erbgħa 22 ta’ Jannar
9:15 am        L-Isqof jiltaqa’ mal-istudenti u l-istaff tal-iskola Santa Monika
10:45 am     L-Isqof jiltaqa’ mal-grupp tal-anzjani fiċ-ċentru parrokkjali
11:20 am     L-Isqof iżur il-komunità tas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù

Il-Ħamis 23 ta’ Jannar 
10:00 am     L-Isqof jiltaqa’ mal-istudenti u l-istaff tal-iskola primarja
11:30 am     L-Isqof iżur il-komunità tas-Sorijiet Karmelitani

Il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar
5:30 pm        L-Isqof jiltaqa’ mat-tfal, adolexxenti u katekisti fiċ-ċentru parrokkjaliż
7:00 pm        L-Isqof jiltaqa’ mal-operaturi pastorali fiċ-ċentru parrokkjali

Is-Sibt 25 ta’ Jannar
5:45 pm        L-Isqof jamministra s-Sagrament tal-Qrar fil-Knisja Parrokkjali
6:30 pm        L-Isqof jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali u wara jiltaqa’ ma’ dawk preżenti

Il-Ħadd 26 ta’ Jannar
5:00 pm       L-Isqof jiċċelebra Quddiesa għall-komunità Filippina u Indjana fil-Knisja Parrokkjali
6:30 pm        L-Isqof iżur il-komunità tas-Sorijiet Agostinjani.

%d bloggers like this: