Il-logo ta’ Ħadd il-Kelma ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd li ġej, 26 ta’ Jannar 2020, li jaħbat ukoll it-Tielet Ħadd tas-Sena Liturġika, il-Knisja Kattolika mad-dinja kollha ser tiċċelebra flimkien għall-ewwel darba, Ħadd il-Kelma ta’ Alla.

Dan qed isir wara li l-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, publikata mill-Papa Franġisku fit-30 ta’ Settembru 2019, tistabbilixxi li “t-III Ħadd fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena jkun iddedikat għaċ-ċelebrazzjoni, ir-riflessjoni u t-tixrid tal-Kelma ta’ Alla.

Dakinhar, wara l-quddiesa tiegħu fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa Franġisku ser jagħti l-Bibbja lil 40 rapprezentant ta’ realtatijiet differenti mis-soċjetà, ġest maħsub biex ifakkar lill-Insara kollha dwar l-importanza tal-Kelma ta’ Alla fl-oqsma differenti tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

logo_hadd_il_kelmaX280Il-logo

Il-logo ufficjali maħruġ mill-Vatikan għal dan il-jum juri lil Kristu Rxoxt miexi maż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws.  Iż-żewġ dixxipli rappreżentati minn Kleofa u martu Marija jidhru jħarsu lejn wiċċ Kristu li qiegħed bejniethom.

Kristu li huwa nnifsu huwa l-Kelma, qiegħed iżomm l-iskroll tal-Kelma ta’ Alla f’idejh ix-xellugija filwaqt li b’dik il-leminija qed juri t-triq ‘il quddiem.

Kleofa, ir-raġel, qed iġorr bastun, li jindika l-pellegrinaġġ tagħhom, filwaqt li martu Marija tidher li b’idha qed tmiss lil Ġesù nnifsu.

It-tlieta qegħdin fuq ċirku ta’ kulur isfar jixhel, li juri x-Xemx tiela’ li hija tifsira profonda tar-rebħa tad-Dawl fuq id-dlam li seħħet bil-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

Maġenb it-tliet personaġġi, u ftit il-quddiem minnhom tidher il-Kewkba tal-Evanġelizzazzjoni, it-titolu li kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II, kemm il-Papa Benedittu XVI u kemm il-Papa Franġisku taw lil Marija Omm Ġesù

Imdawwar maċ-ċirku hemm il-kliem, Il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla. Maġenb it-tliet personaġġi, u ftit il-quddiem minnhom tidher il-Kewkba tal-Evanġelizzazzjoni.

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: