Kemm tinbidel il-ħajja!


Il-ħajja hi dik li hi! Filli mexjin mod u filli nispiċċaw nimxu mod ieħor. L-ewwel naqbdu triq imbagħad nafu noħroġu minnha. Abbli l-għaliex nidħlu f’mogħdija parallela biex imbagħad nerġgħu nidħlu fiha mill-ġdid b’mod ġdid ukoll!

Ħalluni ngħidilkom mill-ġdid għeżież ħbieb tiegħi: il-ħajja hi dik li hi! U, hi dik li hi mhux biss l-għaliex nagħmluha aħna. Bid-deċiżjoni tagħna. Inħoss li din hi nofs verità. Li aktar tagħmel feriti milli tagħmel il-ġid. Dan l-għaliex jekk imqar issib lil min jgħir għalik u għalija, għax jara fik u fija kwalitajiet li hu jew hi m’għandux u m’għandhiex, biżżejjed hu biex ibejtek u tbejtek f’qalbu u f’qalbha. U allura jkun lest li jagħmillek u tagħmillek gwerra u gwerra kbira bil-għan li joqtlok u toqtlok. Inkella, jekk ma jseħħlux joqtlok jew toqtlok jipprova u tipprova jkissrek u tkissrek.

Dan nixhed għalih jiena stess b’ħajti. Meta xi ħadd, l-għaliex il-Mulej tani d-don tal-kitba, fil-passat kemm ipprova ikissirni! Bil-għira kbira li kienet tixgħel ġewwa fih. Kos hux! Biex imbagħad, fl-agunija tiegħu, mbikki bil-mard li kien iġorr, ħaxixa ħaxixa aqta’ kemm beża’ li kien se jmut! Hu li f’ħajtu ma kontx tista’ tkellmu! Jaħasra l-bluha tal-bniedem! Kemm hi ta’ min tassew jitħassarha!

Illum ngħid, u ngħidu b’idi fuq qalbi u għajnejja f’għajnejn Ġesù li jsalvani minn min irid iqattagħni l-ħin kollu: Għaliex il-bniedem jagħżel li jkun pupazz f’idejn ix-xitan tal-għira hux? Mela xi jrid biex jiġi ftit f’sensih u jinduna li meta jagħżel li jiħdar għal ħuħ għax joqgħod fuq it-tixwix tal-klikka ta’ madwaru qed jibni bejta biex fiha jinqered hu stess? Is-sabiħa hi li meta dan ix-xi ħadd miet niżlet fuqi l-fewġa tal-Ispirtu s-Santu u bdiet tmexxini biex nikteb u naqsam magħkom dak li l-Mulej qed jagħtini f’qalbi għalikom. Intom, għeżież qarrejja li, l-imħabba, l-umiltà, il-fedeltà u t-tjubija ta’ qalbkom tmiss tassew ‘il qalbi u ddewwhieli mill-ġrieħi kbar li qed tiċievi bħalma tirċievi tagħkom ukoll. Kemm mid-dinja tad-dinja u anki mid-dinja tas-‘sagru’. Jekk tista’ issejjaħlu sagru. Għax fejn m’hemmx imħabba imma għejra, mibegħda, vendetta u ħakma sataniżmu hemm ħuti! Anki jekk fid-dehra tiegħu għandu l-forma tas-sagru.

Intant!… Kif jgħallimni l-Ispirtu s-Santu, l-għerf li jitmagħni permezz tal-poplu tiegħu, li parti minnu huwa intom, għeżież qarrejja umli u ta’ qalb kbira, hemm xi ħaġa oħra importanti ħafna: il-ħajja mhux biss kif tagħmilha imma kif jagħmilhielek ukoll ħaddieħor. Nafuha l-istorja hux! Tkun għaddej, tgħix fil-paċi, filwaqt li taqdi bis-saħħa li tista’ lil kulħadd. U xorta waħda issib lil min mhux talli jisimgħek talli bl-arroganza tinten ta’ Satana li toħroġ minnu, ikun lest li jgħaddi minn fuqek bla ħniena ta’ xejn. Le ħbieb! Ma jisimgħekx! Anzi! Jintefaħ. Għax jaħseb li għandu l-muskoli. U jiġi jaqa’ u jqum minn saħħtek u minn dak li tkun qed tħoss u għaddej minnu. B’azzjunietu jibqa’ għaddej minn fuqek. U jaħqrek! Jaħqrek! Jaħqrek!…

Illum nagħti raġun bil-bosta lill-pazzjenti, ħaddiema u nies li l-Mulej ilaqqagħni magħhom f’Mater Dei, anki dawk fir-restorant, meta jgħiduli: Patri! Il-ħajja kif jagħmluhielek ta’ madwarek! Illum ngħidilhom li għandhom raġun biex tbiegħ! Għax inġarrabha jiena stess! L-uġiegħ, l-inkwiet, u kull xorta ta’ nasses, trabokki, u ħażen li jkisser li jafu jinsġulek ta’ madwarek huwa tal-biża! Il-kbir Santu Wistin, li tant inħobb, jgħallimni, bir-riflessjoni tiegħu fuq ħajtu stess nirrifletti dawn il-ħwejjeġ fuq ħajti, fl-Istqarrijiet tiegħi: Il-ħażen ma jafx b’rispetti!

Jien ħbieb, meta l-Mulej tani l-grazzja li nsegwih fil-mixja tiegħi bħala Patri Kapuċċin, kien għażel lil Patri Piju tal-Pjagi biex joħodni għal warajh. Lilu kien għażel Ġesù biex idaħħalni mal-Kapuċċini! Niftakar, kien il-jum tal-Ħamis, il-jum li jien dejjem ħabbejt sa minn meta kont daqs naqra, nitrabba f’dik l-imħabba, is-sempliċità, l-umiltà u l-ferħ kbir tal-ħajja tal-familja tiegħi f’San Ġwann. Aħna, li ma kellna xejn. Familja tal-ħaddiema. Imma l-kelma ħdura tal-qalb ma konniex nafu nispelluha aħseb u ara ngħixuha f’isem Alla! Intant!…

Niftakarni nqum mir-raqda ta’ sagħtejn. Niftaħ it-televiżjoni fuq ir-RAI DUE u nsib il-quddiesa ta’ Patri Piju, f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena minn mewtu. U, waqt li qed nara dik il-ġmiel ta’ quddiesa, ħassejt dik is-sħana. Is-sħana li, min ma jemminix u għadu ma jniżżilnix, għadu sallum ma jridx jemmen li seħħet f’ħajti. Is-sħana li, għal uħud, qed toħloq problema. Għax jgħiru li l-Mulej lili, sempliċi Patri midneb u marradi, għoġbu jagħtini. Ħbieb tiegħi! Kemm hi kerha l-għira! Kemm hi kerha l-mibegħda! Kemm hu ikraħ li wieħed joqgħod bl-għassa fuq ħuħ ħa jikkontrollah! Imma kif ħija u oħti m’intix tinduna li int, bla ma taf, qed tkun Satanist u Satanista? Kif fisser tant tajjeb eżorċist famuż li ilkoll nafuh?

Emmnuni ħbieb! Anki f’dan il-mument, waqt li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini l-grazzja inniżżel dawn il-kelmtejn, ma nistax nieqaf milli nimsaħ id-dmugħ! L-għaliex, u kif il-Mulej jgħallimni b’Santu Wistin li tant inħobb, bniedem li għadda fuq li għadda, qed nintebaħ li l-Mulej jaħdem b’min irid! U ħadd le mhu se jobbligah b’min għandu jaħdem!

Ried jaħdem b’Patri Piju! Bil-karattru li kellu. Li, kif nafu, ma kienx mill-ħelwin. Kelma kien jgħidhielek. Imma l-imħabba li dan il-bniedem kbir kellu lejn in-nies ta’ madwaru kienet tant u tant kbira. L-aktar lejn il-midinbin u l-morda. Kif ħallsuh sħabu? Għaxar snin iżolament. Ma jkellmu ħadd. U dan l-għaliex kellu kariżma!

L-iktar ħaġa li tolqotni f’Patri Piju kienet il-mod ta’ kif kien jattakkah ix-xitan. Isimgħu din ix-xhieda u nħalli lilkom taslu għall-konklużjoni tagħkom waħdekom! Hekk jikteb Padre Agostino dwar kif ix-xitan nnifsu kien jidhirlu b’ħafna modi: Ix-xitan kien jidhru forma ta’ tfajliet li kienu jiżfnu għarwenin, bħala kruċifiss, bħala żgħażugħ ħabib tal-patrijiet, bħala Patri spiritwali jew bħala l-Patri Provinċjal: bħala Papa Piju X, bħala l-Anġlu kustodju, bħala San Franġisk u bħala l-Madonna.

Intessanti! Veru? Tgħid it-tfajliet iż-żgħar jiżfnu għarwenin fihom ix-xitan? Tgħid ix-xitan qiegħed fil-kurċifiss? Jew fil-ħabib żagħżugħ tal-patrijiet? Tgħix ix-xitan qiegħed fil-patri spiritwali jew fil-Patri Provinċjal? Tgħid ix-xitan jaħdem fil-Papa? Jew inkella qiegħed ix-xitan fl-Anġlu kustodju? Bilħaqq, tgħid ix-xitan qiegħed f’San Franġisk u fil-Madonna?

Jixxokjaw kemm jixxokjaw dawn il-mistoqsijiet iġagħluna tabilħaqq naħsbu fuq li naħsbu! Skont Padre Agostino x-xitan jidher fil-forma. Ovvja! Il-forma tal-Anġlu kustodju, għax qiegħed fis-sema, qatt ma jista’ jkollha x-xitan fiha. Lanqas dik ta’ San Franġisk u ta’ l-għażiża Ommna Marija. Għax dawn ilkoll fis-sema qiegħdin. U, ngħid jien, tista’ tidħol xi ħaġa mniġġża fil-glorja tas-sema?

Imma mhux fil-każ ta’ dawk li għadhom qed jgħixu fl-art! Dawn, imsieken, għax bnedmin tad-demm u l-laħam, għadhom miftuħa beraħ għat-tentazzjonijiet u l-attakki sfrenati tax-xitan. U, jekk ma joqogħdux attenti, aqta’ kif ix-xitan jaf jidħol fihom u jagħmel xalata bihom! Ajma! L-aktar jekk f’moħħhom u żgur li mhux f’ruħhom, jaħsbu li huma tajbin! Ħalliehom li l-labar tal-kuxjenzi tagħhom, minħabba l-ħniżrijiet li jistgħu jagħmlu għax jinfetħu għall-kontroll ta’ Satana għax qed jikkontrollaw persuni li qed jippruvaw jogħġbu lill-Mulej, żgur li mhux qed iħalluhom kwieti meta jiġu biex imiddu rashom fuq l-imħadda!

Kif jista’ ix-xitan ma jidħolx fit-tfajliet, jekk jiftħulu l-bieb? U kif jista’ ma jagħmilx tiegħu lil ħabib żagħżugħ tal-patrijiet? Daqskemm ma jagħmilx tiegħu lil patri spiritwali u lil patri Provinċjal, b’għerfhom kollu? Daqskemm ma jagħmilx tiegħu lill-Papa jekk dan jitlaq biss għajnejh, imqar għal sekonda, minn fuq Kristu? Kemm aktar kerha l-istorja hux ta’ dawn l-aħwa milli tal-imsejkna tfalja li, biex tfittex lil min iħobbha u jagħtiha importanza, tispiċċa fejn tispiċċa?

Il-ħażen għeżież irridu niġġieldulu bit-talb u bis-sawm! U meta ngħid sawm qed ngħid ħobż u ilma! Kemm kont xettiku dwar is-sawm! Imma meta sirt naqla’ l-attakki ta’ Satana mill-libsa u l-id tas-‘sagru’ qed ninduna kemm ix-xitan daħal u daħal ‘il ġewwa! ‘Il ġewwa fis-santwarju!

Il-ħanin Ġesù, li mhux talli uża l-poter spiritwali tiegħu biex isallab il-kuxjenzi tad-dgħafja f’saħħithom u f’ruħhom talli użah biex jgħannaqhom ma’ qalbu u jgħinhom, qalilna li ċerti xjaten joħorġu bis-sawm u t-talb! Għax daqshekk hi fonda l-problema! Daqshekk hi serjissma l-pulmonite spiritwali li teżiżti fis-‘sagru’ ħbieb! Isimgħu l-qari!

Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: ‘Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!’ U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: ‘Miet!’ Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: ‘Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?’ ‘Spirtu bħal dak,’ qalilhom, ‘ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb u bis-sawm’ (Mark 9: 25-29).

Irridu li Ġesù jhedded bl-aħrax lill-ispirti ħżiena li qed jifnu l-Knisja, il-familji u l-kunventi tagħna? Irridu li Ġesù jkeċċi minnhom dak l-ispirtu li qed iħabbat il-kunventi, il-komunitajiet reliġjużi, il-komunitajiet ta’ talb flimkien mal-familji tagħna? Irridu li Ġesù, għal darb’oħra, jitfa’ fl-infern dak l-ispirtu li qed joqtol lin-nies tal-familja, lill-patrijiet, lis-sorijiet, lil frajiet, lill-qassisin u lin-nies fil-parroċċi tagħna? Jekk irridu ejjew insumu u nitolbu!

Jaf dan kollu jfisser li l-vokazzjonijiet ikomplu jonqsu tant li nibdew ngħidu: mietet il-ħajja reliġjuża! Mietu l-patrijiet! Mietu s-sorijiet! Mietu l-frajiet! Mietu l-qassisin! Mietet il-familja! Imma, f’dan il-proċess li jidher tal-mewt ikun Ġesù li jerġa’ jqajjem mill-ġdid lill-patrijiet, lis-sorijiet, lill-qassisin, lill-frajiet u lill-famiji tagħna.

Ejjew inħobbu lill-familja, lil ħajja saċerdotali u dik ikkonsagrata billi, rasna u rasU, nitolbu u nsumu! Ħalli terġa’ tidħol il-ħniena fostna u nħallu lil xulxin ngħixu fis-sliem. Bħalma Hu jħenn għalina! Għax bil-ħniena BISS BISS U BISS se nimxu ‘il quddiem! Bil-kontroll ta’ xulxin triq waħda hemm: qerda satanika! Ejjew inħallu lil Ġesù ĦANIN ibidlilna ħajjitna ħbieb! Jekk irridu li ħajjitna VERU tinbidel! Tant li nibdew ngħidu, bi gratitudni lejn il-Mulej: Kemm tinbidel il-ħajja!

Patri Mario Attard OFM Cap