Il-Ħadd, 26 ta’ Jannar 2020: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fl-Għoti tal-Lettorat lis-Seminarista Gabriel Vella, fil-Knisja arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat, nhar, l-ewwel Ħadd tal-Kelma ta’ Alla.
IT-TPESPISA TA’ ALLA F’WIDNEJNA
Il-qawl Malti jgħid li “d-drawwa li titrabba fina, il-kefen biss ineħħiha”. Dan jgħodd kemm għad-drawwiet tajba u kemm għal dawk ħżiena. Għalhekk dwar tal-aħħar nistgħu ngħidu li d-difetti li jitrabbew fina, il-mewt biss tneħħihomlna. Dan jixhed kemm huwa diffiċli li nikkoreġu d-difetti tagħna. Jien naf lili nnifsi u inti taf lilek innifsek: ilkoll nafu kemm irridu negħrqu d-demm biex innaqqu ċerti difetti f’ħajjitna. Fil-fatt, hemm min jaqta’ qalbu u jarmi l-ankri. Hemm min li, minkejja li jkun stinka qatigħ biex jikkoreġi lilu nnifsu, jibqa’ ma jarax riżultat, u jaħseb li huwa xi hopeless case!
Quddiem din il-qagħda nisma’ l-eku ta’ dak li Ġesù jgħidilna fil-Vanġelu: “Indmu għax is-Saltna tas-smewwiet waslet” (Mt 4:14). Fi kliem ieħor Ġesù qed jgħidilna: Taqtgħux qalbkom għax is-saltna ta’ Alla tinsab qribkom. Mhix ’il bogħod minnkom. Is-saltna ta’ Alla tista’ tintlaħaq minn kulħadd. Mhux diffiċli li tidħol fiha. Kulħadd jista’ jasal għaliha – ħadd ma huwa eskluż. Din is-saltna waslet għandna mingħajr ma sejjaħnielha. Hija don li Alla tana mingħajr ma qagħad iqis il-merti tagħna. Ġesù qed jgħidilna biex ma nibżgħux, għax Alla hu qrib tagħna. Ġesù mhux tant imbiegħed li jistgħu jilħquh biss dawk li huma “kbar” spiritwalment.
Għalhekk, jekk Alla huwa daqshekk qrib tagħna, hu ser jgħinna biex nirbħu n-nuqqasijiet u d-difetti tagħna. L-imħabba tiegħu laħqet lil kulħadd. Għalhekk, għal min jemmen fih, ma jgħoddx il-qawl li l-kefen biss itemm id-difetti tagħna. Kieku bil-ħila tagħna biss, bir-raġun ngħidu hekk; imma Alla huwa viċin tagħna. Alla jinsab madwarna u ħdejna. Din iċ-ċertezza tagħtina qawwa biex nagħmlu passi li umanament jistgħu jidhru tqal ħafna jekk mhux ukoll impossibbli.
Hemm ħafna modi kif Alla jkun preżenti fostna. Il-Kelma ta’ Alla (il-Bibbja) hija waħda minn dawn l-għamliet ta’ preżenza. Fil-Bibbja għandna r-rakkont ta’ kemm Alla jħobb lill-umanità. Il-Bibbja hija l-Ktieb ta’ Alla u fl-istess waqt il-Ktieb tal-poplu ta’ Alla għax fiha nsibu n-nisġa tar-relazzjonijiet li seħħew bejn Alla u l-poplu tiegħu. Ħjiel tat-teżor li hemm fil-Kelma ta’ Alla nsibuh f’din it-talba li kiteb ta’ San Efrem: “Mulej, min għandu l-ħila jifhem l-għana kollu ta’ mqar waħda mill-kelmiet tiegħek? Huwa ħafna iżjed dak li jaħarbilna minn dak li jirnexxilna nifhmu. Aħna sewwasew bħal nies għatxana li jixorbu mill-għajn. Il-kelma tiegħek toffri ħafna sfumaturi differenti, kif ħafna huma l-perspettivi ta’ dawk li jgħarbluha. Il-Mulej lewwen il-kelma tiegħu bi ġmiel ta’ kull xorta, biex dawk li jgħarbluha jistgħu jikkontemplaw dak li jixtiequ minnha. Satar fil-kelma tiegħu t-teżori kollha, biex kull wieħed minna jsib għana f’dak li jikkontempla” (Tifsir fuq id-Diatessaron, 1, 18). Il-Kelma ta’ Alla tinsab f’ħoġorna u f’idejna. Hija t-tpespisa ta’ Alla f’widnejna. Mhix xi ktieb ipprivileġġjat għal ftit. Ma għandu jkun hawn ħadd li jħossu mċaħħad minn din il-Kelma li hija għajnuna li jagħtina Alla biex indawlu d-dlamijiet tal-ħajja u niksbu viżjoni li tagħti tifsira dinjituża lill-istorja individwali u soċjali tagħna.
Sakemm il-Bibbja ma tkunx ktieb sabiħ biex iżejjen l-ixkaffa fil-librerija jew fil-vetrina, imma tkun il-bastun li jweżinna fil-mixja fid-dinja u l-mediċina li tfejjaq il-ġerħat u tqawwina, għandha qawwa ġġib bidliet kbar. Pietru u Indrì kellhom id-drawwiet tagħhom bħala sajjieda fuq il-Baħar tal-Galilija; imma għall-kelma ta’ Ġesù f’ħajjithom seħħew bidliet li huma stess qatt ma setgħu jobsru: telqu kollox u marru warajh! Dik il-Kelma li ġabet din ir-riforma fil-ħajja ta’ dawn l-Appostli hija l-istess kelma li nsibu fil-Bibbja.
Għażiż seminarista Gabriel Vella, li llum ser tirċievi dan il-Ministeru tal-Lettorat, il-Knisja qed tafdalek ħidma biex inti tressaq il-Kelma ta’ Alla viċin il-bnedmin. Meta fil-Vanġelu naqraw li Ġesù telaq minn Nazaret biex mar Kafarnahum, dan ifisser li l-Kelma li saret laħam (Ġesù) kienet qorbot lejn dawk li kienu mbegħdin. Il-Kelma ta’ Alla inkarnat fil-periferija tal-Galilija – f’ambjent li ma kellu xejn reliġjuż!
Nirrakkomandalek għalhekk li qabelxejn tkun konxju li l-Kelma ta’ Alla hi qrib tiegħek u fik. Hija din il-Kelma li twieżnek fl-għażliet ta’ ħajtek. Ħa tiltaqa’ ma’ sfidi kbar, anki fil-Knisja tagħna (għax fil-Knisja wkoll hemm drawwiet li l-kefen biss donnu jista’ jeħlisna minnhom); imma taqtax qalbek! Ftakar li s-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib u għalhekk il-konverżjoni pastorali hija possibbli. Kun ġeneruż magħna. Agħmel li bil-ministeru li qed tirċievi llum, il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla, il-poplu ta’ Alla jkun jista’ jgħid tassew li “s-Saltna tas-smewwiet waslet” fostna.
Mulej, inti dewwaqtna l-benna tas-Sema, ħassejna l-qawwa fejjieda tiegħek. Għaldaqstant, għandna l-kuraġġ li ninbidlu u nibdlu madwarna.