It-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2020: Fl-omelija li għamel il-Papa Franġisku llum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, huwa tkellem dwar il-ferħ nisrani. Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari meħud mit-tieni Ktieb ta’ Samwel fejn insibu r-rakkont tal-festa li għamlu David u l-poplu tiegħu meta l-Arka tal-Patt ittieħdet lura f’Ġerusalemm.
L-Arka kienet inħatfet, u r-ritorn tagħha kien ifisser ferħ kbir fost il-poplu li kien iħoss lil Alla qribu. Ir-re David jingħaqad mal-poplu tiegħu u jmur f’ras il-purċissjoni u joffri bħala sagrifiċċju gendus u għoġol imsemmen. Flimkien mal-poplu, jgħolli leħnu, ikanta u jiżfen b’kemm kellu saħħa.
Kienet festa: il-ferħ tal-poplu t’Alla għax Alla kien miegħu. U David? Jiżfen quddiem il-poplu bla ma jistħi. Hu l-ferħ spiritwali tal-laqgħa mal-Mulej: Alla reġa’ lura fostna u dan jimliena b’ferħ kbir. David ma jqisx li hu r-re u li bħala re kellu jkun merfugħ min-nies, ‘il-maestà tiegħu’, iżomm ’il bogħod…
David iħobb lill-Mulej. Hu hieni minħabba dil-ġrajja, li ġieb lura l-Arka tal-Mulej. Il-ferħ tiegħu jurih biż-żfin u l-kant flimkien mal-poplu.
Jiġri lilna wkoll li nħossu l-ferħ meta ‘nkunu mal-Mulej’ u n-nies jagħmlu festa fil-parroċċa jew fl-ibliet u fl-irħula.
Franġisku semma wkoll episodju ieħor fl-istorja ta’ Iżrael, meta nstab il-Ktieb tal-Liġi fi żmien Neħemija. Dakinhar ukoll il-poplu beka bil-ferħ u kompla l-festa fi djaru.
Is-silta tal-Profeta Samwel tkompli bid-deskrizzjoni ta’ meta David daħal lura d-dar u sab waħda min-nisa tiegħu, Mikal, bint Sawl, li laqgħetu biċ-ċanfir.
Meta rat lir-re jiżfen stħat minnu u ċanfritu: ‘Imma int ma stħajtx tiżfen qiesek wieħed mill-poplu?’
Dan hu d-disprezz lejn ir-reliġjożità ġenwina, osserva l-Papa, l-ispontanjetà tal-ferħ li bniedem iħossu qrib tal-Mulej. David jispjegalha: ‘Ara, kienet okkażjoni ta’ ferħ għax l-Arka reġgħet lura lejn id-dar.’ Imma hi tibqa’ ċċanfru u l-Bibbja tgħidilna li dil-mara baqgħet ħawlija minħabba mġibitha. Il-Mulej ikkastigaha.
Meta n-Nisrani jkun nieqes mill-ferħ, dak in-Nisrani ma jkunx għammiel; meta qalbna tkun nieqsa mill-ferħ, ma nkunux għammiela.
Il-Papa nnota li l-festa tal-poplu ma kinitx biss spiritwali, kienet ukoll kondiviżjoni. Wara li ta l-barka, David qassam ħobża, biċċa laħam u ċappa żbib lil kulħadd, ħalli kulħadd ikompli l-festa f’daru. Il-Kelma t’Alla ma tismellx il-festa.
Hu minnu li xi minn daqqiet hemm il-periklu li l-festa taqbeż il-limiti u naħsbu li din hi kollox. Le, qal Franġisku, din hi biss l-arja tal-festa. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Evanġelii Nuntiandi San Pawlu VI jitkellem dwar dan l-aspett u jħeġġeġ il-ferħ.
Il-Knisja ma tistax timxi ’l quddiem, l-Evanġelju ma jistax jixtered jekk l-evanġelizzaturi jkunu tedjużi, qalbhom maqtugħa. Il-Knisja, l-Evanġelju jimxu ’l quddiem b’evanġelizzaturi ferħanin, mimlijin ħajja.
Hemm il-ferħ aħna u nirċievu l-Kelma t’Alla, il-ferħ li aħna nsara, il-ferħ li mexjin ’il quddiem, il-ħila li nagħmlu festa bla ma nistħu, bla ma nkunu bħal dil-mara, Mikal, insara formali, insara lsira tal-formalità.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.