It-Tlieta, 4 ta’ Frar 2020: ‘Ibni, Absalom! Aħjar mitt jien minflokok!’ Din hija l-għajta mnikkta ta’ David li jibki l-aħbar tal-mewt ta’ ibnu. Fl-ewwel qari tal-liturġija tal-lum mislut mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel, insibu deskrizzjoni tal-battalja twila li Absalom mexxa kontra missieru David biex joħodlu t-tron.
David kien imnikket minħabba dik il-gwerra mibdija minn ibnu wara li dan kien ipperswada lill-poplu biex jiġġieled favur tiegħu tant li David kellu jaħrab minn Ġerusalemm biex isalva ħajtu.
David kien ħafi, b’rasu mgħottija, insultat minn xi wħud, waqt li oħrajn kienu jitfgħulu l-ġebel, għax in-nies kollha kienu ma’ ibnu li kien qarraq bihom, kien serqilhom qalbhom b’ħafna wegħdi.
Fis-silta tal-lum naraw lil David jistenna l-aħbarijiet mill-front tal-battalja u l-wasla tal-messaġġier li jgħidlu li Absalom kien miet waqt it-taqbida.
L-aħbar theżheż lil David li mriegħed beka lil ibnu u stqarr li aħjar miet hu minflok Absalom.
Kull min kien miegħu baqa’ mistagħġeb b’dir-reazzjoni. Staqsewh għala kien qed jibki meta ibnu kien ħadha miegħu, kien kontrih, ċaħdu, ċaħad lil David bħala missieru, insultah, ippersegwitah. Pjuttost, qalulu ta’ madwaru, aħjar tagħmel festa għax int irbaħt.
Imma David baqa’ jibki u jsejjaħ lil ibnu. Dal-biki ta’ David hu fatt storiku imma wkoll profezija. Jurina l-qalb t’Alla, jurina x’jagħmel il-Mulej meta nitbiegħdu minnu, kif iħossu l-Mulej meta aħna nkissru lilna nfusna bid-dnub, nitilfu t-triq.
Il-Mulej hu Missier li qatt ma jiċħad dil-paternità. Hu, bħal David, jibki lil ibnu.
Aħna niltaqgħu ma’ dan il-biki ta’ Alla meta mmorru nqerru dnubietna għax il-qrar mhux bħal meta tieħu xi ħaġa għad-dry cleaning biex tneħħi tebgħa, imma tkun qed tmur għand il-Missier li jibki minħabba fik, għax hu missier.
Dak li jgħid David dwar ibnu hu profetiku iżda f’Alla jsir realtà.
L-imħabba t’Alla l-Missier hi tant kbira li miet minflokna. Sar bniedem u miet għalina. Meta nħarsu lejn il-Kurċifiss dan għandna nimmeditaw: ‘Aħjar mitt jien minflokok.’
U nisimgħu leħen il-Missier li f’Ibnu jgħidilna: ‘Ibni, ibni int.’ Alla qatt ma jiċħad lil uliedu, il-paternità ma jinnegozjahiex.
L-imħabba t’Alla tasal aktar lil hinn mill-ibgħad trufijiet. Dak li hemm fuq is-salib huwa Alla, Iben il-Missier li ntbagħat biex jagħti ħajtu għalina.
Ikun ta’ ġid għalina jekk fil-waqtiet koroh ta’ ħajjitna – ilkoll kemm aħna ngħaddu minnhom – fil-ħin tad-dnub, meta nitbiegħdu minn Alla, nisimgħu dal-leħen fi qlubna: ‘Ibni, binti, x’qed tagħmel? Toqtolx ruħek b’idejk, jekk jogħġbok. Jien mitt għalik.’
Ġesù beka meta ra lil Ġerusalemm. Ġesù jibki għax aħna ma nħalluhx iħobbna.
Għalhekk, fil-ħin tat-tentazzjoni, fil-waqt tad-dnub li bih inkunu qed nitbiegħdu minn Alla, nippruvaw nisimgħu dal-leħen jgħidilna: ‘Ibni, binti, għaliex?’
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.