Hekk kif bdiet is-sena l-ġdida kelli l-grazzja li nżur, bħalma nagħmel f’ħafna mill-jiem tas-sena, lil għażiża ommi. Jekk hemm xi ħaġa bil-wisq għażiża fil-ħajja hi, ċertament, l-omm! U għalhekk, sakemm il-Mulej qed jagħtini grazzja li din ommi, dik li ġabitni fid-dinja u tellgħetni f’tant ħniena u għożża, għadha magħna, inħoss li issa huwa ċ-ċans li ngawdieha. Għax, u kif tgħallimni l-esperjenza tal-ħajja, kemm hi kiefra li niftaħ il-bieb u ngħajjat: Mà! u kulma jkolli hu tweġiba mill-baħħ! Tassew tal-biża’ esperjenza bħal din!
Intant!… Mort għandha. Sellimtilha. Qgħadt bilqiegħda. Tħaddittna. U ġie ħin l-ikel! Nistħajlek titbissem meta qed tismagħni nitkellem hekk! Nimmaġinak tgħidli: Waqa’ l-għażż! Imma ħbieb l-ikla dejjem ikla! Wara kollox, anki l-Mulej Ġesù, l’Alla tal-allat, ‘l Alla veru, il-Filosfu tal-filosfi, il-Ħassieb tal-ħassieba u l-Mexxej tal-mexxejja, mhux hekk ta lilu nnifsu lilna? Fl-ikel? Għax, fl-ikel, tassew li jista’ jibni intimità tassew kbira magħna. Mela mhux biżżejjed le li jitmagħna bil-Kelma Setgħana tiegħu, il-Bibbja! Saħansitra, jasal li jitmagħana b’Ġismu u b’Demmu! Bl-ikel u x-xorb!
Illum nara l-għerf ta’ xi ċiviltajiet tal-qedem li kienu jiddiskutu l-aktar ħwejjeġ importanti proprju madwar il-mejda tal-ikel. Ħu l-Persja, jew l-Iran tallum, li bħalissa aqta’ kemm qed tissemma’ fl-aħbarijiet! F’dan l-imperu kbir, li għalih il-Mulej kien għażel lil Ċiru biex isalva lill-poplu magħżul tiegħu, il-poplu Lhudi, u li għall-istess Ċiru kien qal: Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu, lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija biex inrażżan il-ġnus quddiemu u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten; niftaħ il-bibien quddiemu u ebda bieb ma jibqa’ magħluq: “Quddiemek nimxi jien, u l-mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek; nċarrat il-bibien tal-bronż, u l-istaneg tal-ħadid inqatta’. Nagħtik it-teżori fid-dlam moħbija, il-ħażniet fil-moħbiet mistura, biex tkun taf li jien il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li sejjaħtlek b’ismek (Is 45:1-3), il-ħwejjeġ tal-amministrazzjoni pubblika u politika mhux waqt l-ikel kienu jiġu diskussa? Għax l-ikel iressaq lin-nies lejn xulxin. U, waqt l-ikel, dejjem hemm iċ-ċans li n-nervi jittrażżnu l-għaliex l-istonku jiġi mmelles bl-ikel li jidħol fih. Hekk, nirraġunaw aħjar għax nimlew il-ħawsla, qiegħdin f’ambjent ta’ sliem u anki ninsabu f’qagħda li l-affarijiet nirraġunawhom. Moħħ jaħdem fuq stonku komdu. U, b’riħet l-ikel, nidħlu fi klima ta’ kollaborazzjoni u qatt fil-misħuta konfrontazzjoni li ġġib magħha l-vleġeġ, il-kanuni, il-lanez, il-katapulti u x’ma nafx aktar!
Wara li qgħadt nitħaddet ma’ l-għażiża ommi u nieħu gost induq l-ikel tassew bnin li ħejjietli, ġejna għad-diżerta. Ħu waħda, qalti, hekk kif ippreżentathieli fuq il-mejda. U le Mà! weġibtha jien. Issa l-ħawsla diġà mimlija daqs bajda! Imma l-omm dejjem omm tibqa’! U int ħudha! reġgħet insistietli. Wara t-tieni u, fuq kollox, it-tielet insistenza, ma stajtx nibqa’ ngħid le. Dan l-għaliex din iċ-ċikkulatina ma kinitx waħda mill-ħafna. Anzi! Ma’ din iċ-ċikkulatina dejjem hemm marbut messaġġ. U, jekk l-istonku għandu bżonn li jimtela’ taħsbu intom li l-moħħ, il-ħsieb, u, aktar u aktar, ir-ruħ, m’għandhomx bżonn ta’ kelma tajba? Kelma li toħroġ mill-Fomm għall-fomm? Mill-Qalb għall-qalb? Minn Nifs għan-nifs?
Ħadtha! U ħadtha mhux biss l-għaliex waqegħtli żaqqi għaliha iżda l-għaliex għaraft il-ħtieġa li tabilħaqq għandi bżonnha għal ħajti. Għalhekk, wara li ressaqt mal-ġenb il-platt u kilt propju l-aħħar karawetta (għax għall-karawett żaqqi mhux biss taqagħli iżda titgerbibli wkoll!), ftaħt din iċ-ċikkulatina. U xi nsib fiha ħbieb? Din kienet il-bingo li kien hemm maħżuna fiha bħal teżor: For ever is made up of many nows. F’kelma waħda: l-eternità hi magħmula minn ħafna issat.
Tajba din! Sabiħa! X’ħin qrajtha ma stajtx ma nerġax naqraha mill-ġdid. Din is-sentenza messittli u daqqittli l-korda l-aktar ġewwiena ta’ qalbi! Iva ħbieb! L-eternità hi magħmula minn ħafna issat! Għax il-ħajja hi eżattament bħal bini li noqgħodu fih. Irrilevanti jekk dan il-bini hux mibni bil-ġebla Maltija tal-franka nkella bil-bricks. Xorta waħda fih hemm l-istess prinċipju! Dak li tgħid l-għanja tal-film ta’ San Franġisk: tqiegħed ġebla fuq ġebla oħra u fl-aħħar tasal fuq nett. X’għerf fih għeżież dan il-kliem qaddis!
Tqiegħed. Mela mhux titfa’. Ejja ħa mmorru! U fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat! Le! L-affarijiet ma jimxux hekk! Kollox irid żmienu. Kollox irid jieħu ħinu. Kollox għandu t-teknika tiegħu. U, iva, kollox jinħtieġlu jiżfen iż-żifna eżiżtenzjali tiegħu. Int, jekk tara lil xi ħadd jiżfen kif għandu jiżfen, u mhux jikkummiedja għax ikollu balla’ xorb fuqu jew fuqha u ma jafux x’se jaqbu jagħmlu bihom infushom, x’tinnota? It-teknika. Ġest tekniku wara l-ieħor u ż-żifna ma jkunx ħaqqa għajr l-applawż kbir u mistħoqq!
L-istess jekk tħobb il-football u tara l-players ta’ klassi kbira jilgħabu. Dawn x’jagħmlu ħbieb? Mill-esperjenza sabiħa li għandi ta’ meta segwejt xi kummentarju ta’ xi logħba mportanti bl-ilsien Malti fuq xi stazzjon lokali dejjem ftaħt par widnejn daqshiex għall-kummentarju tagħha. U, ħaġa tal-iskantament, kważi f’kull kummentarju dejjem smajt din il-frażi: is-set pieces li għamlu fit-training. Tajba din! Mela l-famuż goal, li għalih aħna ngħajtu: goal! jew inkella li sempliċiment inqumu minn quddiem is-sett tat-televiżjoni kull darba li t-team li nżommu miegħu miskin jaqilgħu, (bħalma nagħmel jien kull darba li t-team li nżomm miegħu jien jinqala’ miċ-champions league!), dak dejjem jinħadem! Anzi! Jinħadem b’ħafna u ħafna reqqa!
Issa, jekk l-isport tant popolari tal-football qed jurina li ballun jinħadem bis-set pieces, li, minnhom infushom huma magħmula minn ħafna issat tekniċi, u mhux ixxuttja bl-addoċċ ‘il fuq, għax l-aqwa li ntellgħu l-ballun in-naħa tal-avversarji tagħna, sakemm dawn iwasslu biex isir il-goal, u goal bis-sens, tant li jaf ikun il-goal deċisiv, aħseb u ara mela kemm ħajti u ħajtek għandha tabilħaqq bżonn li tinħadem minn ħafna issat. Għax, dawn l-issat, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jafu ikunu determinanti! U, bħal biċċa mużajk mill-aqwa, kull issa hi importanti, anzi importantissma! Għax jekk dik l-issa ta’ dak il-mument ma tkunx f’postha allura hemm jibda’ jinbet il-gwaj ħbieb!
Din iċ-ċikkulatina għallmittni fuq li għallmittni li l-ġejjieni tiegħi hu mibni minn deċiżjonijiet li nagħmel fil-mument ta’ issa. U, kif qed naraw, il-preżent hu magħmul minn għadd kbir ta’ issat li, bħas-somma tal-matematika, jiddeterminaw ir-riżultat aħħari. Fil-ħajja ħbieb ġieli l-Mulej jibgħatilna bosta messaġġi biex jurina jekk il-mod ta’ kif qed ngħixu l-issa tagħna hux skont qalbU jew le! Dan imqar jgħaddilna dik il-kelma xi ħadd li tassew iridilna l-ġid u mhux xi ħadd li jġib ruħu ta’ qaddis u qaddisa basta jtemm ix-xewqa ta’ qalbu u qalbha li jarana u tarana midħuna ma’ ħajt!
Il-Mulej jibda’ jurina. B’ħafna modi. Biex induru lejh. Darba, raġel għaref għallimni hekk: Aħjar il-Mulej jurini milli jkellimni. Nistħajlek tistaqsini: X’inhi d-differenza Patri bejn turini u tkellimni? Biex turini mhux bilfors li trid tkellimni? Inkella, jekk ma tgħidlix, kif tridni nkun naf? Fil-verità ħuti nkun naf. Mingħajr ma jkollok bżonn tkellimni. Inkun naf għax l-affarijiet jibdew ġejjin għal saqajhom. Inkun naf għax ikun hemm it-tqanżieħ fl-affarijiet u dawn ma jibqgħux le jseħħu b’mod naturali. U anki jekk ikun hemm l-isforz fihom is-soltu kienu jħallu paċi kbira. Imma meta din il-paċi tibda’ tgħib u t-taħwid jibda’ iseħħ fl-imħuħ, fil-qlub u fl-azzjonijiet, allura l-Mulej jibda’ juri. Għax liema Missier ma jurix lill-uliedu meta dawn jaqbdu it-triq l-imgħawġa? Liema Missier irid lill-għeżież uliedu li jitkissru minn sensiela ta’ għemejjel li ma jagħmlulhomx ġieħ? Li jkissruhom? Li jċapjrulhom id-dinjità tagħhom?
Allura l-Missier taħsbu li se joqgħod b’idejH fuq żaqqu għall-biċċa xogħol bħal din? Żgur li le! Jara kif jagħmel u javża lil uliedu. Anzi, iwiddibhom! Għax iħobbhom! Mela, eżattament bħalma tgħid il-Bibbja stess: Ibni, tistmerrx it-tagħlim tal-Mulej, u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu, għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ‘l ibnu l-maħbub (Prov 3:11-12). Ovvja li jagħmel hekk! L-għaliex il-Mulej ikun qed jiffrankalna x-xebgħa li nieħdu mill-azzjonijiet tagħna li ma jkunux fiH. Li ma jmurx naqgħu fil-mistħija li nitperrċu ma’ kulħadd. Kif mela jgħid il-Mulej permezz tal-profeta Naħum għall-belt ta’ Ninwè li tbegħdet bil-kif minnu minħabba ħtijietha: Ara, jiena kontrik, oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti, jiena ntellagħlek djulek sa fuq wiċċek, nikxef quddiem il-ġnus il-għera tiegħek f’wiċċ is-saltniet għawarek għad inberraħ; nwaddab il-ħmieġ fuqek, u ġieħek inwaqqagħlek, u nagħmel wirja minnek (Naħ 3:5-6).
Huwa f’dan il-każ meta l-Mulej jitkellem. U meta jitkellem leħnu jinstama’ ma’ kullimkien. Għax qdusit għemilu joħroġ fil-ġustizzja li jagħmel. L-aktar fejn l-għemil ikun tad-dlam u mhux tad-dawl. Mela, le! Meta l-Mulej jurini li miexi u mixja ħażin ħa ndawwar triqti! Għax aħjar jurini milli jkellimni! Aħjar inċedi issa milli mbagħad ikolli nċedi bil-forza! Hijiex din imħabbtu fl-issa? U, huwiex l-issa l-waqt fejn qiegħed, ta’ Alla li hu, jgħallimni, għax veru jħobbni, bħalma kien jgħallem tant tajjeb San Ġorġ Preca: Aħseb dejjem x’jiġi wara? Jiġifieri, aħseb ISSA fil-konsegwenzi ta’ għemilek u għemili?
Ir-responsabbiltà tagħna ta’ kif għandna ngħixu l-issa m’għandiex le iddaħħalna f’biża’. Anzi! Għandha timliena b’ħafna u ħafna kuraġġ! L-ewwel nett għandha timliena bit-tama! Jiġifieri, b’dik it-tama li l-Mulej, jekk insejħulu, se jweġibna fuq li jweġibna. Mhux ħa jħallina mingħajr tweġiba! KelmtU setgħana tiżgurana minn dan meta tgħidilna: Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek ‘Hawn jien’ (Is 58:9).
Imma anki fit-tweġiba tal-Mulej termini u kundizzjonijiet japplikaw! U dawn huma t-termini u l-kundizzjonijiet skont il-KelmU setgħana: Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b’ilsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket, mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar (Is 58:9-10).
Ejjew mela nħawwru l-mument tal-issa b’din it-tip ta’ tama li tnissel fiduċja! U fiduċja vera! Għax hija l-Ħniena Divina fil-prattika! U, b’rasna ‘il fuq, ħa nħarsu ‘il quddiem lejn din is-sena li għadna kif bdejna u ngħajtu, minn qalbna u b’għemilna, għax veru nemmnu: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!
X’ċikkulatina dik sieħbi għas-sena l-ġdida!
Patri Mario Attard OFM Cap