Riflessjoni dwar il-Katedra ta’ San Pietru


Il-Knisja fit-22 ta’ Frar tiċċelebra l-festa tal-Kattedra ta’ San Pietru. Fiha niċċelebraw l-għoti tal-primat lil dan l-appostlu minn Kristu nnifsu bħala vigarju tiegħu u għalhekk hija festa f’gieħ il-Papat.

Nota introduttiva fil-Liturġija tas-Sigħat tgħid hekk fuq l-oriġini tagħha: “Il-festa tal-kattedra ta’ San Pietru ilha ssir f’Ruma sa mis-seklu 4, bħala tifsira tal-għaqda tal-Knisja mwaqqfa fuq l-appostli”. It-22 ta’ Frar kien jiġi kkunsidrat bħala l-anniversarju tal-jum li fih San Pietru stqarr id-divinità ta’  Ġesù f’Qajsarija ta’ Filippu u Kristu għażlu bħala l-blata li fuqha kellha tinbena l-Knisja tiegħu. Il-Liturġiji antiki kienu jsemmu dan il-jum bħala l-għażla tiegħu. Għalkemm il-Liturġija ta’ llum ma ssemmiex dan espressament, madanakollu il-materjal li hemm kemm tal-quddiesa kif ukoll tal-Liturġija tas-Sigħat jittratta fuq l-għażla u l-missjoni ta’ San Pietru bħala viġarju ta’ Kristu.

catedra san pietroForsi wieħed jistaqsi. X’messaġġ trid twassal din il-festa bl-isem kattedra ta’ San Pietru? It-tweġiba hija sempliċi. Mhijiex is-siġġu materjali li fuqu kien joqgħod fuqu dan l-appostlu imma l-festa tal-Papat u l-għaqda tal-Knisja. San Ċiprijanu jfisser dan l-uffiċċju hekk kbir b’dan il-mod: “Alla huwa wieħed, Kristu huwa wieħed, u l-Knisja hija waħda li hija mwaqqfa mill-Mulej fuq Pietru” (Ep 43, 5).

Il-Liturġija ta’ dan il-jum tagħmel użu kbir minn tliet siltiet bibliċi li l-Kostituzzjoni fuq il-Knisja Pastor Aeternus tal-Konċilju Vatikan l, għażlet biex tiddefinixxi l-primat ta’ San Pietru. Dawn huma: “U qallu Ġesù: “Imbierek int, Xmun, Bar Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm għarrfek, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jien ngħidlek li int Pietru u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi, u bwieb l-infern ma jegħlbuhiex. U lilek nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet; u dak li torbot fl-art, ikun marbut fis-smewwiet; u dak li tħoll fl-art, ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 17-19). Dan Kristu għamlu wara li San Pietru stqarr li huwa kien l-Messija. Din is-silta tant hija importanti li proprju tinqara fil-Vanġelu ta’ din l-festa. It-tieni silta hija mill-Vanġelu ta’ San Ġwann (Gw 21, 15-19) fejn Ġesù jistaqsi lil San Pietru għal tliet darbiet  jekk iħobbux u kull darba li kien iwieġbu ‘iva’, kien jgħidlu : “Irgħa n-ngħag tiegħi”. Hawnhekk Kristu, qiegħed wara li qam mill-imwiet u qabel ma tela’ s-sema, ipoġġi lil Pietru bħala ragħaj tal-insara floku. Ma ninsewx li Sidna Ġesù Kristu qabbel lilu nnifsu wkoll mar-ragħaj it-tajjeb. It-tielet silta hija meħuda minn San Luqa: “Xmun, Xmun, ara x-xitan irid jaqbadkom biex igħarbilkom bħall-qamħ; imma jien tlabt għalik, biex twemminek ma jonqosx. U int, meta terga’ fik innifsek, wettaq ‘il  ħutek” (Lq 22, 31-32).

Barra minn dawn it-tliet siltiet hekk importanti jeżistu oħrajn. Fit-Testment il-Ġdid l-isem ta’ Pietru jidher dejjem l-ewwel fil-lista tal-appostli. Il-Vanġeli jixdhulna li huwa kien jitkellem f’isimhom. Kien huwa li daħal l-ewwel fil-qabar wara li Kristu rxoxta u flimkien ma’ San Ġwann fisser l-Iskrittura li Ġesù qam mill-imwiet. Meta San Pawl fl-ittra lill-Korintin jgħid li Kristu deher  lil ħames mitt ruħ, isemmi l-ewwel lil San Pietru. Barra minn hekk l-Atti tal-Appostli juruh bħala mexxej tal-Knisja speċjalment fis-sehem tiegħu fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm.

Għalhekk jidher ċar mill-Iskrittura li Sidna Ġesù Kristu ħalla lil San Pietru minfloku. Xi teoloġi mhux Kattoliċi ġie li argumentaw li dan l-uffiċċju ngħata lilu biss. lżda l-Knisja dejjem emmnet li l-uffiċċju tiegħu ntiret mill-Isqof ta’ Ruma jew il-Papa. Ta’ min ifisser li nkunu niżbaljaw jekk ngħidu li l-Papa huwa s-suċċessur ta’ San Pietru  biss,  iżda huwa l-Vigarju ta’ Kristu wkoll. Kif San Pietru kien flok Kristu, il-Papa huwa bħalu flok Kristu.

Għalhekk dik il-persuna li toqgħod fuq il-kattedra ta’ Ruma tissejjaħ Papa u qiegħda tkompli l-missjoni ta’ San Pietru. Dan peress li dan l-appostlu mar Ruma u flimkien ma’ San Pawl ħa l-martirju f’din il-belt. Illum wara tiftix arkeoloġiku din l-verità tidher aktar ċara. Barra minhekk l-Knisja sa mill-ewwel żmenijiet għarfet il-primat tal-Isqof ta’ Ruma. Jekk noqogħdu nidħlu fl-irqaqat tal-istorja niktbu volum iżda ftit fatti storiċi huma biżżejjed biex juruna dan il-fatt.

Lejn l-aħħar tal-ewwel seklu kien hemm l-inkwiet fil-Knisja ta’ Korintu. Il-Papa San Klement indaħal biex jerġa jġib il-paċi u kitbilhom ittra fejn juri s-sens ta’ responsabiltà għall-Knisja kollha. Din l-ittra kienet miżmuma b’ħaġa kbira fit-tieni seklu u llum tagħmel parti mill-kitbiet tal-Padri Appostoliċi.

Missier Appostoliku ieħor li jixhed il-primat tal-Papa huwa Sant’Injażju ta’ Antijokja. Jargumenta li s-sede ta’ Ruma tgawdi l-primat peress li San Pietru kien igħix u wettaq il-missjoni appostolika tiegħu f’din il-belt. Jkompli jgħid li l-Knisja ta’ Ruma tgħallem iżda ma tirċievi tagħlim mingħand ħadd.

Sant’Irinew ta’ Lyons jgħid li l-Knisja ta’ Ruma ġiet imwaqqfa minn San Pietru u San Pawl u għalhekk hija appostolika. Tertulljanu u Sant’Ippolitu jgħidu li San Pietru kien l-ewwel Isqof ta’ Ruma. San Ċiprijanu jiddefendi l-primat ta’ Ruma. Santu Wistin fil-kitbiet tiegħu jafferma s-setgħa tal-Knisja ta’ Ruma li taqta l-kwistjonijiet li jkun hemm fil-Knisja.

Il-Papiet tal-ewwel żmenijiet tal-Knisja baqgħu jaffermaw il-missjoni l-primat tas-Sede ta’ Ruma fosthom il-Papa Vitor u  San Stiefnu I. Mir-raba’ seklu ‘l quddiem il-Papiet  San Siricius (384-98), Innoċenzu l (402-17) u Zozimu (417-18) affermaw din il-verità b’qawwa kbira sakemm il-Papa San Ljun l taha form aktar ċara tant li fil-Konċilju ta’ Kalċedonja l-Padri stqarrew dan, wara li nqrat l-ittra tiegħu: “Din hija l-fidi tal-Padri. Din hija l-fidi tal-appostli. Pietru tkellem permezz ta’ Ljuni.”

B’hekk rajna fuq fuq mingħajr ħafna dettalji li l-Papa huwa l-vigarju ta’ Kristu u qiegħed ikompli l-missjoni ta’ San Pietru li jmexxi lill-Knisja. Il-Papat li skont Arnold Tonybee huwa “l-akbar istituzzjoni Ewropeja” għadda minn ħafna kriżjiet “Matul l-istorja, taħt diversi ċirkustanzi, il-Papiet żdiedilhom ħafna xogħol, li kien jinkludi t-tmexxija tal-istati papali. Imbagħad kif il-kundizzjonijiet soċjali, kulturali u politiċi tbiddlu, il-Papiet ħelsu bil-mod minn dawn ix-xogħlijiet, mhux mingħajr il-biża’ li t-telfa tas-setgħa temporali kienet ser tfixkel il-missjoni spiritwali tagħhom. Il-forma tas-setgħa papali titbiddlet skond l-esiġenzi tal-Knisja. Hija determinata ukoll mill-kultura li tinbidel mal-istorja, kif ukoll mhux anqas mal-karattru tal-papa preżenti” (Encyclopedia of Theology, A Concise Sacramentum Mundi, p1243, edited by Karl Rahner, Kent 1993). Madankollu s-sustanza tal-missjoni tal-Papa ma titbiddilx.

L-insara kollha huma fid-dmir li jobdu l-Papa kemm meta jitkellem b’mod infallibbli ex cathedra kif ukoll fil-magisteru ordinarju tiegħu. Tkun suppervja jekk in-nisrani jargumenta li huwa jobdi l-maġisteru infallibbli tal-Papa u imbagħad l-maġisteru ordinarju tiegħu ma jagħtix każu.

San Ġorġ Preca kellu venerazzjoni lejn il-Papa tant li kien jixtieq li jsiefer biex jarah. Fil-ktieb il-Pulptu ta’ Patri Franku jikteb: “Kbira kienet sa minn dejjem il-qima tal-fidili u speċjalment tal-qaddisin lejn il-Papa, u kull min infired minnu kien dejjem b’kastig ta’ Alla li jirreżisti lis-suppervji” (Pulptu ta’ Patri Franku Nru 43, 6).

Minn Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.