Lectio Divina għall-1 Ħadd tar-Randan. Sena A


Vanġelu  (Mt 4, 1-11): Meta naħsbu fuq ix-xitan, naħsbu fuq mostru tal-biża’.  Kieku jippreżenta ruħu hekk, ħadd ma jisma’ minnu.  Il-gwaj hu li fil-fatt juri ruħu  taħt forma attraenti, u mhux kulħadd jinduna bil-maskri li jinħeba warajhom.

Jiġi ħdejk u jsefsiflek: “Jien nixtieqlek il-ġid.  Irrid narak kuntent u ferħan.  Mela għamel kif se ngħidlek.”  Fil-Ġenesi, ix-xitan inpinġi bħala serp.  Mhux għall-velenu li jista’ jtina, imma għax, peress li jbiddel qoxortu kull sena, kienu jaħsbu li jġedded ħajtu mill-ġdid, u b’hekk jgħix għal dejjem.  F’xi kulturi, allura, is-serp kien meqjus li kellu s-sigriet tal-ħajja ta’ dejjem, u kellu l-qawwa li din jagħtiha lil min irid.  Anki l-Lhud fid-deżert, migdumin minn sriep velenużi, ħarsu lejn is-serp tal-bronz li għamlilhom Mose’ u fiequ.  Imma kif nafu tant tajjeb, is-serp jibqa’ velenuż, u meta l-inqas li nkunu qed nistennewha, ningidmu.  Kull tant nindunaw li jkun ingannana meta jkun tard wisq.  In-Nisrani llum irid joqgħod b’seba’ għajnejn għal b’hiex jew b’min ix-xitan se jinqeda biex iwaqqagħna biċ-ċejċa, bit-tlellix jew bil-karrotta li jdendel quddiemna.  Il-proposti tiegħu qatt m’hu se jwassluna għall-ħajja imma għall-mewt.  Ta’ spiss jgħidlek: “Issa kbirt. M’hemmx għalfejn issaqsi x’inhu ġust u x’muhiex.  Dak ħallieh għat-tfal.  U l-Kandamenti? Dawn ixekkluk u ma jħallukx tgħix ferħan fil-liberta.”

 L-anqas Ġesu bħala bniedem ma kien ħieles minn dawn it-tentazzjonijiet li, mhux biss kellu jitqabad magħhom fil-bidu tal-missjoni tiegħu, imma matul il-ħajja pubblika tiegħu.  Fil-waqt li x-xitan jinganna ħafna minna, ma rnexxilux jidħak b’Ġesu, dak li kellu jisħaqlu rasu, kif imwiegħed lil Adam u Eva fil-ġnien tal-Eden.

“L-Ispirtu ħa ‘l Ġesu fid-deżert.” Hija l-istess Identita ta’ Ġesu, i.e. dik ta’ Iben t’Alla, li mbuttatu lejn id-deżert.  Dan ifakkarna fil-mixja tal-poplu Lhudi li kien ittentat minn dawn it-tliet rejaltajiet, u ħafna drabi waqgħu għalihom.  P.e. meta ngidmu mis-sriep kien simbolu tal-waqgħat tagħhom. Id-deżert jirrappreżenta il-mixja lejn l-Art Imwiegħda. F’dan ir-Randan, il-mixja tagħna ta’ erbgħin jum (ideja aktarx meħuda mill-40 sena li l-Lhud qattgħu fid-deżert) trid issaffina sabiex inkunu ppreparati tajjeb biex niċċelebraw l-Għid.  Dejjem se nkunu ttentati.  Ġesu jissuġġerilna kif nirbħulu lix-xitan.  “Tentazzjoni” tfisser “tqiegħed għall-prova,” tittestja biex tara x’isarraf  dak li jkun.  U dax-xitan x’ikun?  Ejjew ninsew il-qrun u denbu twil.  Il-kelma “diabolos” tfisser twaddab (bolos) fin-nofs (dia). Bħal wieħed li jidħol fin-nofs ta’ bejn żewġ maħbubin biex jaqla’ l-inkwiet ħa jifridhom.  Mela xitan hu kull min jipprova jidħol bejni u bejn il-Missier Etern biex jifridni mill-Imħabba Tiegħu.  Tista’ tkun persuna, oġġett, għaqda, partit.  Ġesu darba jgħajjat lil Pietru Satana għax kien qed jipprova jwaqqfu milli jagħmel ir-rieda tal-Missier.  Ġesu sam erbgħin jum biex ma jħallix il-ħwejjeġ materjali jfixkluh milli jimmedita u jirrifletti fuq l-identita Tiegħu bħala l-Iben t’Alla, u b’hekk jipprepara ruħu sew għall-missjoni Tiegħu.

  1. Fl-ewwel parabbola għandna l-proposta tax-xitan b’kuntrast ma’ dik tal-Missier Etern.  Ix-xitan jgħid lil Ġesu: “Int l-Iben t’Alla. Mela biex tirrifletti l-wiċċ tal-Missier lill-bnedmin, ordna li dal-ġebel isir ħobż.  Inti mhux bniedem komuni.  Inti superman.”  Dil-proposta tippreżenta lil Alla skond il-kriterji, l-valuri u r-raġunar tal-bnedmin.  Alla li jbiddel il-ġebel f’ħobż  jew deheb huwa alla  falz, idolu.  Illum ukoll insibu ħafna nies li jqisu u jaduraw lil Alla b’dal-mod. “Naċċetta ‘l Alla sakemm jeħodli ħsieb il-flus fil-bank, id-dar, is-saħħa, eċċ.” Il-verb ‘tiekol’ insibuh 910 darbiet fil-Bibbja. Dan juri kemm Alla jinpurtah mill-għixien tagħna.  Ġesu jfakkarna li l-ħobż materjali (li jinkludi dak kollu li nagħmlu b’ħilitna) m’hu qatt biżżejjed biex ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Għandna bżonn ukoll, jekk mhux iktar, il-Ħobż tal-ħajja – il-Kelma u l-Ewkaristija.
  2. Fl-ewwel prova ix-xitan stieden lil Ġesu iħares ‘l isfel. Issa jgħidlu jħares ‘il fuq. Jikkwota Salm 91: “Alla jordna l-Anġli jieħdu ħsiebek.” Ix-xitan hawn qed isaqsi lil Ġesu (kif isaqsi lilna): “Inti żgur l-Iben t’Alla?  Inti żgur li m’intix iben ta’ missier bijoloġiku biss?  Mela, biex tkun żgur, ittestjah! Aqbeż minn hawn u ara jsalvakx!”  Bir-risposta tiegħu Ġesu jgħallimna li l-fidi tagħna f’Alla għandha tkun biżżejjed.  Min iħoss il-bżonn biex jittestjaH, m’għandux fiduċja assoluta fiH.  Meta żewġ għarajjes iħossu l-bżonn li jittestjaw imħabbithom, ifisser li m’hemmx imħabba assoluta lejn xulxin.  Fejn hemm imħabba vera u sinċiera m’hemmx bżonn ta’ provi.  Xi Nsara jippretendu li Alla jagħmel xi mirakli magħhom u mhux mal-pagani.  B’hekk ir-Reliġjon issir maġija, superstizzjoni. Irridu noqgħodu  b’seba’ għajnejn kif nirrikorru għand il-qaddisin, domni, relikwi u labtijiet – dawn m’humiex ‘lucky charms’! Jew dawk li għax ma jaqilgħux xi grazzja malajr jibdew isaqsu: “Imma hemm Alla jew le? Jekk iva, fejn hu?” Dan raġunar li jkun daħħalna fih ix-xitan.  Kif nindunaw li ġralna hekk, irridu nirrisponduh bħal Ġesu:  “Tintantax lill-Mulej Alla tiegħek.”
  3. Fit-tielet prova, ix-xitan jipproponi d-dominazzjoni tad-dinja. “Biex tagħmel suċċess, biex tilħaq il-fulfillment tiegħek, trid tinponi fuq l-oħrajn. Dan tasal għalih billi tinxteħet tadurani, i.e. trid taċċetta u tobdi s-suġġerimenti li qed nagħmillek. i.e. (a) tħares lejn wiċċ ħadd u, fejn ikun hemm bżonn, (b) israq, (ċ) igdeb, (d) għaffeġ fuq l-oħrajn, (e) qabbes l-oħrajn għal xi promotion, ((f) tibżax tikkontamina l-ilma jew teqred l-ambjent biex tmexxi n-negozju ‘l quddiem jew biex tibni darek fejn trid.  Id-dinja mhux hekk sejra?” Ix-xitan hu dik il-ħaġa jew xi ħadd li jħajjarni għal dan. Imma dan imur kontra dak li qal Ġesu: “Min irid ikun l-ewwel fostkom ħa jservi lill-oħrajn.  Hekk biss tkunu tistgħu tgħixu ħajja aktar umana u mhux bil-kontra.  Mela naduraw (i.e. naċċettaw u nobdu l-preċetti) lil Alla biss.  Jekk naċċettaw tax-xitan inkunu qed ninżgħu mill-umanita tagħna u naduraw lilu.

Sors:   lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.