Illum il-Knisja tfakkar lil San Ethelbert


Fl-24 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Ethelbert, Re ta’ Kent li miet għall-ħabta tas-sena 616.

Ethelbert inħatar Re ta’ Kent fil-560, u estenda s-setgħa tiegħu għan-naħa ta’ isfel tal-Ingilterra. Huwa żżewweġ lill-prinċipessa nisranija Bertha, bint Charibert Re tal-Franki. B’hekk daħlet għall-ewwel darba l-fidi nisranija fl-Ingilterra Anglo-Sassona għaliex missier Bertha insista li bintu tkun tista’, bil-libertà, tipprattika t-twemmin tagħha f’dak il-pajjiż.

Meta Santu Wistin ta’ Canterbury wasal l-Ingilterra, fil-597, flimkien mal-40 irħieb Benedittini li kienu ntbagħtu hemm mill-Papa San Girgor il-Kbir, hu kellu merħba sabiħa mir-Re Ethelbert minkejja li sa dak iż-żmien kien għadu pagan, u tahom is-setgħa li jippriedkaw il-Vanġelu kemm iridu.

Imqanqal mill-eżempju tal-fidi ta’ martu, kif ukoll mill-ħeġġa ta’ Santu Wistin u l-irħieb tiegħu, Ethelbert għażel li jħaddan il-fidi nisranija, u rċieva l-magħmudija nhar l-Għid il-Ħamsin tal-istess sena (597) minn idejn Santu Wistin. Dan jixhdu wkoll San Beda l-Venerabbli. B’hekk Ethelbert sar l-ewwel Re nisrani ingliż, u minn dak inhar ‘il quddiem ta s-sapport tiegħu għall-kawża ta’ Kristu fis-saltna tiegħu.

Kontra s-slaten ta’ żmienu li kienu jimponu t-twemmin tagħhom fuq is-sudditi tagħhom, Ethelbert kien ħalla lis-sudditi fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex kien iżomm li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera konverżjoni, u inkoraġġixxa l-ħidma tal-missjunarji nsara. Għad li ma sforza lil ħadd isir nisrani bilfors, kienu ħafna mis-sudditi tiegħu li saru nsara fis-saltna tiegħu, li kienet tikkomprendi l-parti kbira tal-Ingilterra. Kien il-fundatur tal-katidrali ta’ Canterbury.

San Ethelbert kien kontinwament ħsiebu biex iġib ‘il quddiem il-ġid tal-poplu tiegħu. Huwa ħareġ liġijiet siewja li baqgħu miżmumin b’għożża fl-Ingilterra fiż-żminijiet li ġew wara. Huwa ħabrek biex jeqred il-paganiżmu fis-saltna tiegħu, u kien mezz biex ukoll ikkonverta Sebert, ir-Re ta’ East Saxony, flimkien man-nies tiegħu, kif ukoll lil Redwald, Re ta’ East Anglia.

San Ethelbert miet fl-24 ta‟ Frar 616, wara li kien ilu re 56 sena, u ġie midfun fl-abbazija ta’ San Pietru u San Pawl ta’ Cantebury maġenb Santu Wistin, l-ewwel arċisqof ta’ dik il-Belt.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com