150 Sena: San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. 1870 – 2020


Qegħdin fix-xahar ta’ Marzu: ix-xahar ta’ San Ġużepp. Din is-sena 2020 qed jiġi ċċelebrat għeluq il-150 anniversarju minn mindu l-qaddis Patrijarka San Ġużepp ġie ddikjarat bħala Patrun Universali tal-Knisja.

Huwa anniversarju ta’ min ifakkru u jiċċelebrah bil-għan li

  • nkomplu nitolbu lill-missier putattiv ta’ Ġesù sabiex ma jieqaf qatt iħares u jipproteġi lill-Knisja,
  • inkomplu niskopru l-identità unika ta’ dan il-qaddis,
  • u fuq kollox inpoġġuh bħala mudell ta’ qdusija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

MUMENTI DIFFIĊLI GĦALL-KNISJA

Kien proprju f’mument diffiċli għall-Knisja, meta kienet qed isofri theddid minn barra permezz tal-Liberaliżmu u theddid minn ġewwa fl-isfond tal-Moderniżmu. Kien proprju f’dan il-mument tal-istorja meta l-Knisja ta’ Kristu b’leħen il-kbir Beatu l-Papa Piju 9, fit-8 ta’ Diċembru fl-1870, ħatret lil San Ġużepp bħala Patrun tagħha. Il-Papa Piju 9 kiteb: “Alla bis-setgħa bla qies… għaqqad biż-żwieġ lil San Ġużepp ma’ l-Immakulata Verġni Marija u minnha bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu twieled Sidna Ġesù` Kristu…. li kif kien xieraq għall-kobor tad-dinjita` tiegħu, Ġużeppi mhux biss rah, imma kellmu u biesu u bl-akbar ħerqa għanqu bi mħabba ta’ missier u pprovda l-għajxien lil Dak li l-insara kellhom jirċevuh bħala l-ħobż li niżel mis-sema u minnu jiksbu l-ħajja ta’ dejjem.” (ara S. Rituum Congreg., «Quemadmodum Deus», die 8 deċ. 1870: «Pii IX P. M. Acta», pars I, vol. V, 283).

STORJA TA’ KULT LEJN SAN ĠUŻEPP

Huwa interessanti u ta’ kontribut għalina lkoll meta nagħtu ħarsa lejn il-kult ferm antik u mifrux ta’ dan il-bniedem ġust.  Id-devozzjoni tibda biex ngħidu hekk mill-Palestina u tieħu spinta fiż-żmien il-Kruċjati; liema devozzjoni tibda ftit tard imma malajr il-Knisja għarrfet il-qofol ta’ dan it-teżor moħbi f’Ġużeppi.

San Alfons De Liguori juri l-kobor ta’ San Ġużepp billi jgħid li liema qaddis hu daqshekk venerat, li kien venerat anke minn Alla nnifsu, minn Sidna Ġesù Kristu.

Santa Teresa ta’ Avila tiddedika 13-il monasteru li waqqfet proprju lil San Ġużepp.

U xi ngħidu għad-devozzjoni li kellu s-saċerdot taż-żgħażagħ, San Ġwann Bosco? Proprju fis-Santwarju tal-Bażilika ta’ Santa Marija Awżiljatriċi ġewwa Torin, insibu altar partikulari ddedikat lil San Ġużepp, inawgurat u mbierek mill-qaddis stess nhar is-26 t’April 1874.  Il-kwadru li hemm f’dan l-altar juri lil Ġesù` b’ċestin mimli ward, f’dirgħajn San Ġużepp, liema ward Ġesù jagħtih lil San Ġużepp biex jxerrdu u jbierek il-knisja ta’ Torin.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, tgħid ukoll li kemm xtaqet tipperswadi lill-bnedmin kollha tad-dinja biex isiru devoti ta’ dan il-glorjuż Patrijarka.  Hija stess ġarrbet fiha l-ġid bla qies li San Ġużepp jaqla’ minn għand Alla. Fil-kitbiet tagħha din il-qaddisa tgħidilna: “San Ġużepp huwa għalliem tat-talb, strument ċert li jgħaqqadna ma’ Marija u ma’ Ġesù, għandu setgħa ta’ interċessjoni universali, setgħa li hija superjuri u differenti minn dik tal-qaddisin l-oħra”.

IL-QADDIS TA’ KULĦADD

San Ġużepp matul l-istorja tal-Knisja jmur jingħata l-kult li jistħoqqlu bħala il-qaddis ta’ kulħadd:

Huwa l-Patrun tal-Familji nsara, speċjalment tal-missirijiet nsara, li fih isibu mudell bil-għan li kull familja, kull missier, kull dar issir knisja domestika mogħnija bil-preżenza ħajja ta’ Alla u kull missier jħares lejn Ġużeppi bil-mod kif għex il-ministeru patern tiegħu;

Huwa l-Patrun tal-Ħaddiema li fih huma wkoll isibu l-mudell ta’ kif il-bniedem ħaddiem huwa msejjaħ sabiex anke fl-istess xogħol isib it-triq tal-qdusija;

Huwa l-Patrun tar-Reliġjużi. L-ikkonsagrati kollha huma msejjħa sabiex f’San Ġużepp isibu l-isbaħ u l-akbar mudell speċjalment fl-ubbidjenza totali tiegħu lejn ir-rieda ta’ Alla, il-kastità li għex flimkien mall-Verġni Marija u mhux inqas il-faqar imsieħeb mall-umiltà u s-sempliċita tal-qaddis Ġużeppi;

Huwa l-Patrun tal-Kontemplattivi għaliex is-sejħa tagħhom hija l-istess bħal dik ta’ Ġużeppi, jiġifieri li jgħixu kontinwament qrib Ġesù, ma’ Ġesù, fl-għożża u l-intimità ta’ Ġesù;

Huwa wkoll il-Patrun tas-Seminaristi għaliex hekk dan il-qaddis mar jaqdi bl-akbar fedeltà billi jħares lil Ġesù u b’hekk jippreparah bil-għan li jkun s-Saċerdot etern li joffri lilu nnifsu fuq is-Salib, hekk San Ġużepp iħares u jipprepara lis-seminaristi tagħna fi triqthom għas-saċerdozju;

Huwa wkoll il-Patrun tal-Moribondi – hu li kellu l-isbaħ agunija u l-itjeb mewta akkompanjat minn Marija, l-għarusa tiegħu u mhux inqas minn Ġesù li tiegħu hu kien il-missier putattiv, hekk lill-moribondi jaqlgħalhom il-grazzja ta’ mewta bħal tiegħu;

U mhux inqas huwa l-Patrun Universali tal-Knisja… għax hekk kif matul ħajtu Alla afdalu l-akbar opra għażiża għalih, jiġifieri l-ħarsien tal-familja ta’ Nazareth, lill-Marija Omm u lill-istess Ibnu magħmul bniedem, hekk issa mis-sema huwa afdat bil-ħarsien tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù li huwa l-Knisja.

PATRI PIJU U D-DEVOŻŻJONI TIEGĦU LEJN SAN ĠUŻEPP

Patri Piju minn Pietrelċina ma kienx biss devot tal-Madonna, imma anki ta’ San Ġużepp, ir-raġel ġust u l-missier putattiv ta’ Ġesù. Aktarx kienet ommu Peppa li nisslet fih din id-devozzjoni. Nafu li Francesco Forgione, ta ħames snin, diġà kien beda jidħol f’estasi, u ta’ spiss kien ikollu dehriet ta’ Anġli u Qaddisin. Kien jaħseb li kulħadd kien ikollu minn dawn id-dehriet, speċjalment tal-Madonna, u għalhekk qatt ma ħass il-bżonn li jitkellem ma’ xi ħadd dwarhom.

Maż-żmien bejn San Ġużepp u Francesco Forgione, Patri Piju, kibret relazzjoni ta’ mħabba li kienet tidher filli Patri Piju kien mhux biss jammira il-kobor spiritwali tar-raġel ta’ Marija, imma kien ifittex jimita il-virtujiet tiegħu u lejh idur fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tiegħu fejn bl-interċessjoni tiegħu kien jaqla’ grazzji kbar. Min-naħa l-oħra, San Ġużepp ma kienx jibqa’ lura milli jidhirlu u jkun miegħu u jgħinu.

NIMITAWH

Tajjeb li nieħdu din l-okkażjoni tal-150 anniversarju li San Ġużepp ġie ddikjarat Patrun Universali tal-Knisja sabiex fina filwaqt li tikber fina d-devozzjoni awtentika lejn dan il-qaddis, infittxu li miegħu nħobbu lill-Knisja bħala l-Ġisem Mistiku ta’ dak li hu kien il-missier putattiv. San Ġużepp jgħallimna kif għandna nħobbu lill-Knisja, niddefenduha, nkunu kburin li aħna wlied il-Knisja u għal hekk ma nieqfux  naħdmu magħħha u għaliha.

Kitba ta Fr. Philip Cutajar OFMCap

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.