Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għall-ħaddiema kollha li qed jagħtu servizz essenzjali f’daż-żmien diffiċli

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 15 ta’ Marzu 2020: Fil-bidu tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum il-Papa qal: ‘F’dat-tielet Ħadd tar-Randan nitolbu lkoll flimkien għall-morda u għal kull min qed ibati. Illum irrid noffri, flimkien magħkom ilkoll, talba speċjali għall-persuni li l-ħidma tagħhom hi garanzija li s-soċjetà tibqa’ tiffunzjona: min jaħdem fl-ispiżeriji, fis-supermarkets, fit-trasport, il-pulizija.’

Fl-omelija Franġisku għamel riflessjoni dwar l-Evanġelju ta’ dal-Ħadd: ir-rakkont tal-laqgħa ta’ Ġesù mas-Samaritana ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, pass meħud minn San Ġwann.

L-Evanġelju jtina djalogu, djalogu storiku – din mhix parabbola, dan hu fatt li ġara verament: il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ waħda mara, ma’ midinba.

Din hija l-ewwel darba fl-Evanġelju li Ġesù jiddikjara l-identità tiegħu. U dan jagħmlu ma’ mara midinba li kellha l-kuraġġ tgħidlu l-verità: ‘M’għandix żewġi’ (cfr. vv. 16-18).  U mbagħad, bl-istess argument marret tħabbar lil Ġesù: ‘Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?’ (cfr. v. 29).

Ma ġġibx argumenti teoloġiċi – kif forsi riedet tagħmel ma’ Ġesù, marret ixxandar bil-verità tagħha.  Dil-verità tqaddisha, tiġġustifikaha.  Hija dak li juża l-Mulej, il-verità tiegħu, biex iħabbar l-Evanġelju: ma nistgħux inkunu dixxipli ta’ Ġesù mingħajr il-verità proprja tagħna, dak li aħna.  Ma nistgħux inkunu dixxipli ta’ Ġesù bl-argumenti biss.

Dil-mara kellha l-kuraġġ li tiddjaloga ma’ Ġesù – għax dawn iż-żewġ popli ma jiddjalogawx bejniethom (cfr. v. 9); kellha l-kuraġġ li tinteressa ruħha fil-proposta ta’ Ġesù, f’dak l-ilma, għax kienet taf li hi bil-għatx;  kellha l-kuraġġ tistqarr id-dgħufijiet tagħha, dnubietha, anzi l-kuraġġ li tuża l-istorja tagħha bħala garanzija li dak kien profeta:  ‘Qalli dak kollu li għamilt’ (v. 29).

Il-Mulej irid dejjem djalogu trasparenti, bla ħabi ta’ xejn, mingħajr intenzjonijiet doppji.  Hekk jien, u hekk inkellem lill-Mulej, kif jien, bil-verità tiegħi.  B’hekk, mill-verità tiegħi, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, insib il-verità: li l-Mulej huwa s-Salvatur, dak li ġie biex isalvani, biex isalvana.

Dad-djalogu hekk trasparenti bejn Ġesù u l-mara jintemm b’dik l-istqarrija tar-realtà messjanika ta’ Ġesù u bil-konverżjoni ta’ dawk in-nies tas-Samarija, b’dik l-għalqa li Ġesù ra tibjad, bjuda li kienet ġejja minnu għax kien żmien il-ħsad (cfr. v. 35).

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nitolbu dejjem bil-verità, li nduru lejn il-Mulej bil-verità tagħna personali, mhux bil-verità tal-oħrajn, mhux bil-veritajiet ‘iddistillati’ bl-argumenti: ‘Minnu, kelli ħames irġiel, din hi l-verità tiegħi’ (cfr. vv. 17-18).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: