Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa offra l-quddiesa għall-operaturi sanitarji li tilfu ħajjithom kemm ilha li bdiet il-pandemia

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 18 ta’ Marzu 2020: Fil-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku talab b’mod speċjali għall-operaturi sanitarji li mietu fil-qadi ta’ dmirijiethom mal-morda bil-COVID-19.

.

Fl-omelija l-Papa qal li ż-żewġ siltiet tal-qari tal-ġurnata jitkellmu dwar il-Liġi.  Il-Liġi li Alla ta lill-poplu tiegħu.  Il-Liġi li Alla ried jagħti lilna u li Ġesù wassalha għall-milja tagħha.

Iżda hemm xi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni: il-mod kif Alla ta dil-Liġi.  Mosè jgħid: ‘Liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna, kull xħin insejħulu?’

Il-Mulej jagħti l-Liġi lill-poplu b’atteġġjament ta’ qrubija.  Mhumiex regoli mogħtijin minn xi gvernatur, li jista’ jibqa’ mbiegħed, li jista’ jkun dittatur. Le. Hemm il-qrubija u r-rivelazzjoni tgħidilna li hi qrubija paterna, ta’ missier li jakkumpanja lill-poplu tiegħu meta jtih id-don tal-Liġi.  Alla huwa qrib.

Alla tagħna hu Alla ta’ qrubija, hu Alla qrib li jimxi mal-poplu tiegħu.  Ix-xena tad-deżert, dik is-sħaba, il-kolonna tan-nar biex iħarsu lill-poplu: Hu jimxi mal-poplu tiegħu.

Mhuwiex Alla li jħalli r-riċetti miktubin u jibqa’ għaddej.  Jagħti r-regoli, kitibhom b’idu stess fuq il-ġebla, tahom lil Mosè, imma ma tahx ir-regoli u telaq ’l hemm: jimxi, huwa qrib.  Alla tagħna hu Alla ta’ qrubija.

U l-ewwel tweġiba tal-bniedem, fl-ewwel paġni tal-Bibbja, hija żewġ atteġġjamenti ta’ nuqqas ta’ qrubija.  It-tweġiba tagħna hi dejjem li nitbiegħdu, nitbiegħdu minn Alla.  Hu jersaq qribna u aħna nitbiegħdu.

L-ewwel atteġġjament ta’ Adam u martu hu li jinħbew: jinħbew mill-qrubija tagħhom lejn Alla, jistħu għax dinbu għax irroftaw il-qrubija.  U bosta drabi nagħmlu t-teoloġija ‘tal-imħallef’, u għalhekk nitbiegħed: nibża’.  It-tieni atteġġjament uman għall-proposta tal-qrubija t’Alla lejna hi l-qtil.  Toqtol lil ħuk: ‘Jien m’iniex l-għassies ta’ ħija!’  Żewġ atteġġjamenti li jħassru kull qrubija.  Il-bniedem jirrifjuta l-qrubija ta’ Alla għax irid ikun hu li jmexxi r-relazzjonijiet – u l-qrubija dejjem iġġib magħha xi ftit tad-dgħufija.

‘Alla qrib’ isir dgħajjef u aktar ma joqrob lejna donnu jidher aktar dgħajjef.  Meta jiġi għandna, jiġi joqgħod magħna, isir bniedem, wieħed minna: isir dgħajjef u din id-dgħufija jġorrha miegħu sal-mewt, mewt mill-aktar krudili, il-mewt tal-assassini, il-mewt tal-akbar midinbin.  Il-qrubija lil Alla tumiljah.  Hu jumilja ruħu biex ikun magħna, biex jimxi magħna, biex jgħinna.

‘Alla qrib’ ikellimna dwar l-umiltà.  Alla mhux xi kbir; huwa qrib, wieħed ta’ ġewwa.  Dan narawh f’Ġesù, Alla magħmul bniedem, qrib sal-mewt mad-dixxipli tiegħu: jakkumpanjahom, jgħallimhom, jikkoreġihom bl-imħabba.  Per eżempju, naħsbu ftit dwar kemm kien qrib id-dixxipli ta’ Għemmaws imnikktin għall-aħħar:  kellhom qalbhom sewda, ħassewhom telliefa u Hu jersaq ftit ftit biex ifehemhom il-messaġġ tal-ħajja, tal-qawmien.

Alla tagħna hu Alla qrib u lilna jitlobna nkunu qrib xulxin, jitlobna biex ma nitbegħdux minn xulxin.  U f’dal-mument ta’ kriżi li għaddejjin minnu minħabba l-pandemija, jitlobna biex dil-qrubija nseddquha, nuruha aktar.  Forsi ma nistgħux nersqu qrib wisq ta’ xulxin fiżikament minħabba li nistgħu nittieħdu, imma dan għandu jqanqal fina atteġġjament ta’ qrubija bejnietna: bit-talb, bl-għajnuna, b’tant modi oħra ta’ qrubija.

U għaliex għandna nkunu qrib xulxin?  Għax Alla hu qribna, ried jakkumpanjana fil-ħajja.  Hu Alla tal-qrubija.  Għaldaqstant  aħna m’aħniex persuni iżolati: aħna qrib xulxin għax dan hu l-wirt li rċevejna mingħand il-Mulej, il-ġest tal-qrubija.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu qrib xulxin; li ma ninħbewx minn xulxin; li ma naħslux idejna, kif għamel Kajjin, mill-problemi tal-oħrajn.  Qrubija: infatti, ‘Liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna, kull xħin insejħulu?’

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading