Fit-18 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 315 sa 386.
San Ċirillu twieled fis-sena 315 minn ġenituri nsara, u ġie edukat f’Ġerusalemm. Ġie ordnat saċerdot minn San Massimu, l-Isqof ta’ Ġerusalemm. Kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem u jipprepara l-katekumeni għall-magħmudija.
Meta San Massimu miet, Ċirillu laħaq floku fis-sena 349, fi żmien meta l-Knisja kellha tħabbat wiċċha bil-kbir ma’ l-ereżija ta’ Arju, li Ċirillu kkumbatta b’ħiltu kollha.
Fis-sena 357, ġie mkeċċi minn Ġerusalemm minn Akaċju, l-Arċisqof Metropolitan ta’ Ċesarija li kien Arjan, u mar f’Tarsus. Iżda sentejn wara, il-Kunsill ta’ Selewkja ġabu lura f’Ġerusalemm. Fis-sena 360, Akaċju reġa’ keċċieh bl-għajnuna tal-Imperatur Kostanzu, iżda sena wara ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Ġuljanu (li ‘l quddiem ġie msejjaħ l-“Apostata”), li kien laħaq flok Kostanzu.
San Ċirillu ra l-attentat ta’ Ġuljanu l-Apostata jisfaxxa fix-xejn meta bi sfida għall-kliem ta’ Ġesù ried jerġa’ jibni t-tempju ta’ Ġerusalemm.
Għat-tielet darba, Ċirillu ġie mkeċċi minn Ġerusalemm. Din id-darba mill-Imperatur Arjan Valent fis-sena 367. Ħdax-il sena wara, ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Teodosju, fejn baqa’ sakemm miet fil-paċi, tmien snin wara, fit-18 ta’ Marzu 386.
Fis-sena 381, attenda l-Konċilju ta’ Kostantinopli, fejn aċċetta l-verżjoni sħiħa tal-Kredu ta’ Niċea.