Dawn l-eroj qalbiena!


Għaddej, indur ma’ Mater Dei. Għodu għodu. Ftit wara li ħarġet id-direttiva li ma jsirx quddies. Mela xejn quddies fil-kappella u lanqas fis-swali tal-Isptar! U dan ifisser ukoll xejn tqarbin fis-swali.

U hekk għandu jkun! Id-direttiva hi ċara kristall! Mingħajr l-ebda lok ta’ interpretazzjoni oħra. Għax, kif qal tajjeb l-Arċisqof fil-messaġġ li bagħat lilna s-saċerdoti u r-reliġjużi, qiegħdin fi żmien ta’ sagrifiċċji kbir. Sagrifiċċji li jweġġgħu. Għax jaqtgħu fil-laħam il-ħaj! Għax min ħbieb jixtieq li jiġi mċaħħad mis-sagramenti mqaddsa? Min tassew, jekk dejjem qiegħed fis-sensi ta’ moħħu, ma jridx li ma jkollux il-faraġ li jagħti Alla nnifsu, f’Ġesù Kristu nnifsu, l-Iben ta’ Alla u Ħuna l-Kbir, fis-sagramenti? Li jaslu għandna mhux mill-ajru imma permezz tal-Knisja tiegħU? Imma, u biex noħorġu malajr kemm jista’ ikun minn dan l-isqaq tad-dlam li spiċċajna fih, impost kif inhu fuq id-dinja kollha mill-misħut coronavirus, hekk għandu jsir! Inkella mhu se jseħħilna qatt u qatt li naraw id-dawl tal-fejqan bħala poplu!

Indur. Niltaqa’ man-nies. Issa niltaqa’ ma’ dak li jaħdem fit-tali sala. Imbagħad ma’ dik li taħdem fl-oħra. Iva. Niltaqa.’ Fil-kurituri. Għax anki dawn huma l-postijiet tal-pastorali. U mhux le fis-swali biss. Xi dwejjaq meta rasi tkun kaxxa! U niffissa fuq idea antika u skaduta. Le! Imraħ! U terraq! Bħal Ġesù! Għax hekk iridni nagħmel il-Mulej tal-glorja. Li sar wieħed minna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. U iltaqa’ u għadu qed jiltaqa’ magħna. Iridni niltaqa.’ Mhux għax jien xi faqa’! Imma jridni niltaqa’. Min jaf? Abbli biex jgħinni noħroġ mill-għanqbut li għandi! Jew li dawruni bih! Iridni niltaqa’! Ħalli l-arja ‘sagra’ (?) tinten li biha hi nfettata ruħi titkeċċa l-barra biex tidħol, minflokha, l-arja tal-Ispirtu s-Santu. Dik l-arja li ma tafx b’moraliżmi, projbizzjonijiet, preġudizzji, preferenzi, kastigi u vendetti bil-pulit jew bil-goff! Qisu, u bħal dak li qallu, il-mewt mhux għal kulħadd qiegħdha! U t-tiranija, illum jew għada, mhux tispiċċa jkollha!

Għax l-Ispirtu s-Santu ħbieb hu l-arja tal-ħniena. Li tifhem lil kull persuna. Li taf tidħol ukoll fl-istorja ta’ min qed ibati. U mhux min, miskin, għax qed juri ħniena lil ħutu u ħutha, aktar tkompli tgħafġu u tgħaffiġha. Anki fis-sagru! (?) Le ħbieb! Mela grazzi Mulej li, għalkemm qed ngħaddu minn żmien iebes, ejjew immorru għall-ħniena u ninħelsu mill-virus tal-ħdura fis-soċjal u, wisq u wisq aktar, fis-sagru!

Għalhekk, jiena u ndur man-nies, kemm qed inħossni mgħannaq bil-vers imfawwar bil-verità tas-Salm 124: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej (S 124:8). Għax b’Ismu jien għandi l-għajnuna ħbieb! Għax f’Ismu għandu l-preżenza kollha li tabilħaqq għandi bżonn! Għax f’Ismu hemm il-ħniena! U b’Ismu jagħtini l-enerġija biex jissokta fuq li jissokta jaħdem bis-sħabi u, forsi, b’tikka bija wkoll! Għax kif tgħidli l-Bibbja stess meta tħabbarli, iswed fuq l-abjad: Iżda min jittama fil-Mulej jitħaddan bil-ħniena (S 32:10).

U hija din it-tama li lili toħroġni minn għar l-għeluq biex titfagħni fis-sagru veru: man-nies! Mal-poplu ta’ Alla. Ma dawk li, anki jekk f’ħajjithom għandhom il-kontradizzjonijiet, qatt u qall m’għalqu qalbhom għall-ħniena (S 17:10). U lilhom irrid nirringrazzja! U nirringrazzja minn qalbi! Għax lilhom insib fl-isfida li għandna quddiem wiċċna bħalissa! Intom, għeżież ħaddiema, bis-sempliċità u bl-umiltà tagħkom! Intom li, minflok li tippriedkaw u tiddittrittaw bis-suppervja tinten tax-xitan tgħixu u tmilu lejn min qed ibati. Intom li, f’dawn il-mumenti fejn uħud qed jaħsbu għal rashom taffrontaw dan kollu għalina!

Ma rridx le insemmi kategoriji ta’ nies. Għax ilkoll speċjali! Min mod u min ieħor! U intom, bil-ħniena li toħroġ minn fommkom, dejjem tgħiduli: Ikollok bżonn xi ħaġa ċempilli. Għax tafu tħennu. Bħal Ġesù!

Grazzi li intom ta’ sapport kbir għalija u għal sħabi l-patrijiet f’Mater Dei. Grazzi li, bil-qalb kbira tagħkom, lili tgħiduli minn qalbkom: Patri jkollok bżonn qabbadna! Grazzi tas-servizz tagħkom mal-pazjenti! Grazzi tal-impenn tagħkom favur Ġesù fil-marid! Anki jekk dan ifisser għalikom sagrifiċċji kbar! Ġenn! U ġiri! U, fuq kollox, riskju kbir għalikom u għall-familji tagħkom!

O Mulej! Grazzi ta’ dawn l-eroj qalbiena u siekta!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.