Il-Knisja tagħti l-Indulġenza Plenarja


Il-Knisja Kattolika qed tagħti indulġenza plenarja għall-morda bil-coronavirus u għal dawk li jieħdu ħsiebhom, fosthom impjegati fil-ħidma tas-saħħa, għall-familji tagħhom kif ukoll għal dawk li jitolbu għalihom. L-indulġenza tingħata lill-Kattoliċi qegħdin fi kwarantina d-dar jew fl-isptar, li jieħdu sehem f’devozzjoni bħal-Via Sagra.

St_Peters_Basilica_Credit_Bohumil_Petrik_CNA

Nifhmu s-sens tal-indulġenza b’dak li l-Papa Franġisku kiteb għalina fil-Misericordiæ Vultus, (Il-Wiċċ tal-Ħniena). Il-Papa jgħid li għalkemm aħna nkunu ksibna l-maħfra bil-Qrar u bl-indiema għal dnubietna, nibqgħu nġorru fil-ħajja tagħna l-konsegwenza tad-dnub tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet, li jiġu mħassra qishom qatt ma kienu, imma tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u kf naħsbu. Id-dnub għandu tingiża li tibqa’ tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll u ssir indulġenza li permezz tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun iddispjaċina għal dnubietna u nkunu qerrejna d-dnub tagħna. Alla jeħlisna minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmilna kapaċi naġixxu bi mħabba, biex nikbru fl-imħabba iktar milli nerġgħu naqgħu fid-dnub.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.