Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għas-sorijiet li jirriskjaw u jagħtu ħajjithom biex jassistu lill-morda

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2020: Illum, is-solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu, it-tifkira tal-Inkarnazzjoni tal-Mulej, il-Papa Franġisku talab għas-sorijiet Vinċenzjani li jmexxu ċ-ċentru tal-foqra fil-Vatikan u għas-sorijiet kollha li jieħdu ħsieb il-morda, partikolarment f’daż-żmien tal-pandemija tal-coronavirus.

Ma naqasx li l-omelija tkun dedikata lill-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni kif jirrakkuntah San Luqa.

San Luqa seta’ kien jaf l-istorja biss minn dak li rrakkuntatlu l-Madonna, osserva l-Papa.  Aħna u nisimgħu lil Luqa konna qed nisimgħu lill-Madonna nfisha tirrakkonta dal-misteru.  Ninsabu quddiem misteru u forsi l-aħjar ħaġa li nagħmlu hi li nerġgħu naqraw dal-pass u nżommu f’moħħna li kienet il-Madonna stess li rrakkuntatu.

Dak iż-żmien Alla bagħat lill-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija jisimha Nazaret, għand xebba, għarusa ma’ raġel mid-dar ta’ David, jismu Ġużeppi.  Il-verġni kien jisimha Marija.  Meta daħal għandha qalilha: ‘Sliem għalik, mimlija bil-grazzj, il-Mulej miegħek.’  Għal dal-kliem hi tħawdet ħafna u bdiet tistaqsi lilha nfisha x’seta’ jfisser dak il-kliem.  L-anġlu qalilha: ‘Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.’

Marija qalet lill-anġlu: ‘Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?’  U l-anġlu weġibha: ‘L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.’  Imbagħad qalet Marija: ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek.’ U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Dan hu l-misteru.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Papa ntemmet bl-adorazzjoni ewkaristika u l-barka sagramentali.

Wara t-tqarbin, il-Papa Franġisku rreċita t-Tqarbina tax-Xewqa, kif ilu jagħmel mid-19 tax-xahar ’il hawn:

O Ġesù tiegħi, jien nintelaq f’riġlejk u noffrilek ir-rimors ta’ qalbi niedma, mgħaddsa fix-xejn tagħha u fil-preżenza qaddisa tiegħek.  Nadurak fis-Sagrament tal-imħabba tiegħek. Nixtieq nirċevik fid-dwejra fqajra li toffrilek qalbi.  Bl-istennija tal-hena tat-tqarbina sagramentali, irridek tkun miegħi  fl-ispirtu.  Ejja għandi Ġesù tiegħi sabiex inkun nista’ niġi jien għandek.  Jalla mħabbtek tkebbes l-eżistenza tiegħi kollha għall-ħajja u għall-mewt.  Nemmen fik, nittama fik, inħobbok.  Hekk ikun.

Ai tuoi piedi, o mio Gesù, mi prostro e ti offro il pentimento del mio cuore contrito che si abissa nel suo nulla e nella Tua santa presenza. Ti adoro nel Sacramento del Tuo amore, l’ineffabile Eucaristia. Desidero riceverti nella povera dimora che ti offre il mio cuore. In attesa della felicità della comunione sacramentale, voglio possederti in spirito. Vieni a me, o mio Gesù, che io venga da Te. Possa il Tuo amore infiammare tutto il mio essere, per la vita e per la morte. Credo in Te, spero in Te, Ti amo. Così sia.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: