Il-Papa f’Santa Marta: Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2020

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2020: Illum, fil-ftuħ tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li f’daż-żmien ta’ sofferenza, ħakmitna ħafna biża’: dik tal-anzjani waħedhom li ma jafux x’se jiġri minnhom; il-biża’ tal-ħaddiema li tilfu jew jistgħu jitilfu x-xogħol u ma jafux kif se jitimgħu lill-familja; il-biża’ ta’ tant ħaddiema soċjali, li huma fundamentali għas-soċjetà, li jistgħu jieħdu l-marda; u l-biża’ ta’ kull wieħed u waħda minna. Nitolbu l-għajnuna tal-Mulej biex insaħħu l-fiduċja u negħlbu l-biżgħat tagħna.

Fl-omelija l-Papa għamel riflessjoni dwar l-għoġol tad-deheb u l-ħafna idoli li għandna moħbijin fi qlubna.

Fl-ewwel qari għandna x-xena tar-ribelljoni tal-poplu.  Mosè tela’ fuq il-muntanja biex jingħata l-Liġi: Alla tahielu miktuba b’sebgħu fuq il-ġebel.  Imma l-poplu ddejjaq jistenna, dar fuq Aaron u qallu: ‘Ma nafux fejn spiċċa Mosè, ilu żmien nieqes u ninsabu mingħajr mexxej.  Agħmlilna alla ieħor ħalli jmexxina hu.’  Aaron talabhom id-deheb u l-fidda li kellhom u għamlilhom għoġol tad-deheb.

Fis-Salm smajna l-ilment ta’ Alla: ‘Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb, qiemu xbieha tal-metall imdewweb.  Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom, ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix.’ U f’dal-ħin, fil-post minn fejn jibda l-qari  tal-lum, il-Mulej jgħid lil Mosè: ‘Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: ‘Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu.’’  Apostasija ta’ veru!   Minn Alla l-ħaj lejn l-idolatrija.  Il-poplu ma kellux paċenzja jistenna lil Mosè jiġi lura; ried in-novitajiet, riedu xi ħaġa, spettaklu liturġiku… xi ħaġa…

Il-Papa kompla li xtaq jikkummenta ftit dwar dan.  Qabel kollox, fil-poplu kien hemm in-nostalġija idolatra.  F’dal-każ kien qed jiftakar fl-idoli tal-Eġittu: hemm in-nostalġija li jduru lura lejn l-idoli, jerġgħu lura lejn sitwazzjoni agħar, ma għarfux jistennew lil Alla l-ħaj.  Din-nostalġija hi marda tagħna wkoll.  Nibdew mexjin bl-entużjażmu li nħossuna ħielsa, imma mbagħad jibdew l-ilmenti: ‘Dan hu waqt iebes, fid-deżert qed jagħfasni l-għatx, irrid l-ilma, irrid il-laħam…  Imma fl-Eġittu konna nieklu l-basal, affarijiet tajbin li hawn m’għandniex…’ L-idolatrija dejjem hi selettiva: iġġiegħlek taħseb fl-affarijiet tajbin u taħbilek l-affarijiet koroh.  F’dal-każ, huma kienu qed jiftakru fl-imwejjed bl-ikel tant bnin li kien jogħġobhom ħafna, imma nsew li dik kienet il-mejda tal-jasar.  L-idolatrija hi selettiva.

Imbagħad ħaġ’oħra: l-idolatrija ttellfek kollox.  Biex jagħmel l-għoġol Aaron jitlobhom id-deheb u l-fidda.  Dak kien deheb u fidda mogħtija lilhom mill-Mulej meta kien qalilhom: ‘Itolbu lill-Eġizzjani jisilfukom id-deheb,’ u mbagħad baqgħu sejrin bih.  Huwa rigal tal-Mulej u b’dar-rigal huma jagħmlu idolu.  Din ħaġa kerha ħafna.  Imma dan kollu jiġri fina wkoll: meta aħna nġibu ruħna b’mod li jressaqna lejn l-idolatrija, norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ li jbegħduna minn Alla, għax nagħmlu alla ieħor bir-rigali li jkun tana l-Mulej.

L-intelliġenza, ir-rieda, l-imħabba, il-qalb… huma rigali tal-Mulej li aħna nużaw għall-idolatrija.

Xi ħadd jista’ jgħidli: ‘Jien m’għandix idoli d-dar.  Għandi l-Kurċifiss, ix-xbieha tal-Madonna, dawn mhumiex idoli…’  Le, le, f’qalbek.  Il-mistoqsija li għandna nagħmlu llum hi: liema hu l-idolu li għandi f’qalbi – dik il-ħarba moħbija fejn inħossni tajjeb imma tbegħidni minn Alla l-ħaj?  U aħna għandna atteġġjament stuż ħafna fejn tidħol l-idolatrija: nafu naħbu l-idoli kif għamlet Rakele meta ħarbet mingħand missierha u ħbiethom fis-sarġ tal-ġemel u qalb il-ħwejjeġ.  Qalb il-ħwejjeġ ta’ qalbna, aħna wkoll għandna ħafna idoli moħbija.

Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel illum hi din: liema hu l-idolu tiegħi, l-idolu tal-mondanità tiegħi? L-idolatrija tolqot id-devozzjonijiet ukoll, għax dawn in-nies l-għoġol ma riduhx biex jorganizzaw xi ċirklu: le.  Riduh biex jadurawh: ‘Niżlu wiċċhom fl-art iqimuh.’  L-idolatrija tressqek lejn reliġjożità żbaljata, anzi ħafna drabi twasslek għall-mondanità: li hi għamla ta’ idolatrija, iġġiegħlek tibdel iċ-ċelebrazzjoni ta’ sagrament u tagħmlu festa mondana. Eżempju: nimmaġinaw ċelebrazzjoni ta’ tieġ.  Ma tagħrafx hux sagrament fejn l-għarajjes jagħtu lilhom infushom għal kollox lil xulxin quddiem Alla u jwiegħdu li se jkunu fidili lejn xulxin biex jirċievu l-grazzja t’Alla, inkella tkunx sfilata tal-moda… kif inhuma lebsin dik u l-oħra, dak u l-ieħor… Il-mondanità.  Din hi idolatrija.  Dan hu biss eżempju għax l-idolatrija mhix statika, tibqa’ għaddejja.

Illum il-mistoqsija li nixtieq nagħmel lil kulħadd hi: liema huma l-idoli tiegħi?  Kulħadd għandu tiegħu.  Liema huma l-idoli tiegħi?  Fejn naħbihom?  Jalla fi tmiem ħajjitna l-Mulej ma jsibniex f’qagħda li jgħidilna: ‘Int tħassart.  Tbegħidt mit-triq li wrejtek jien.  Baxxejt rasek quddiem idolu.’

Lill-Mulej nitolbuh il-grazzja li nagħrfu liema huma l-idoli tagħna.  U jekk ma jirnexxilniex inwarrbuhom, tal-anqas inżommuhom f’rokna.

Il-quddiesa ntemmet bir-reċita tat-Tqarbina tax-Xewqa, l-adorazzjoni ewkaristika u l-barka sagramentali.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: