Il-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2020: Illum, fl-introduzzjoni tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li dal-ġranet waslu aħbarijiet dwar nies li qed jgħinu lil min jinsab f’diffikultà u qed jaħsbu fil-familji li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja, fl-anzjani waħedhom, fil-morda fl-isptarijiet, u qed jitolbu biex tiżdied l-għajnuna. Inroddu ħajr lill-Mulej biex ikompli jħeġġeġ dawn is-sentimenti fil-qlub tal-fidili tiegħu.
Fl-omelija Franġisku osserva li l-ewwel qari huwa kważi rakkont ta’ dak li kellu jgħaddi minnu Ġesù. Hu profezija. Donnu deskrizzjoni storika ta’ dak li ġara wara.
X’jgħidu n-nies ħżiena? ‘Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna, hu kontra l-għemejjel tagħna, iċanfarna għax niksru l-Liġi, jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna. Jgħid li jagħraf ’l Alla, u jsejjaħ lilu nnifsu ‘Bin il-Mulej’. Għalina hu ċanfira tal-fehmiet tagħna; narawh biss taħt għajnejna, idejjaqna. Għax mhijiex bħal tal-oħrajn ħajtu, u ma tixbah lil ta’ ħadd l-imġiba tiegħu. Lilna jgħoddna ta’ nies foloz, jistmell drawwietna bħal ħaġa moqżieża. Hieni jsejjaħ it-tmiem tal-ġusti, u jiftaħar li Alla missieru. Ħa naraw hux veru kliemu, naraw fl-aħħar x’se jsir minnu. Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.’
Niftakru x’kienu qed jgħidu lil Ġesù fuq is-Salib: ‘Jekk int Iben Alla, inżel minn hemm; ħa jiġi Hu u jeħilsek.’ Imbagħad l-istrateġija: ‘Ngħadduh mill-prova, inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija, biex naraw xi tjubija għandu u nkejlu sa fejn jasal sabru. Naqtgħuhielu għal mewt tal-mistħija għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu.’
Din hi profezija ta’ dak li ġara. U l-Lhud kienu jfittxuh biex joqtluh, jgħidilna l-Evanġelju. Kienu qed jaraw kif se jarrestawh – iżid jgħidilna l-Evanġelju – ‘imma ħadd ma midd idejh fuqu għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.’
Dil-profezija miżgħuda bid-dettalji; il-pjan ta’ azzjoni ta’ dawn in-nies ħżiena jinsab proprju fl-irqaqat tad-dettalji. Ma nħallu xejn għas-sogru: inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija biex inkejlu sa fejn jasal sabru… nikkalunjawh, indaħħluh f’nassa biex naraw jekk jiġġarrabx… Din mhix sempliċi mibegħda, mhix pjan ta’ azzjoni diżgustanti ta’ partit kontra ieħor: din hi ħaġ’oħra. Dan insejħulu akkaniment: meta d-demonju jkun qed jaħdem. Dejjem, wara kull akkaniment, hemm id-demonju li dejjem ifittex li jeqred b’kull mezz possibbli. Niftakru fil-bidu tal-Ktieb ta’ Ġob, li dwar dan huwa profetiku: Alla hu kuntent bil-ħajja li qed jgħix Ġob u x-xitan jgħidlu: ‘Minnu, imma għax ma jonqsu xejn, mhux imġarrab! Ipprova ġarrbu!’ L-ewwel ix-xitan jeħodlu l-ġid kollu li kellu, imbagħad jeħodlu saħħtu u Ġob qatt u qatt ma tbiegħed minn Alla. Imma x-xitan dak jagħmel: l-akkaniment. Dejjem. Wara kull akkaniment hemm id-demonju li jrid jeqred l-opra t’Alla. Wara kull diskussjoni jew tilwim, jista’ jkun li fil-bogħod hemm id-demonju bit-tentazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Imma meta hemm l-akkaniment, m’hemmx għalfejn niddubitaw: hemm il-preżenza tad-demonju.
L-akkaniment jidħol fin, fin. Niftakru kemm id-demonju hu stinat mhux biss kontra Ġesù iżda wkoll fil-persekuzzjoni kontra l-Insara; kif ifittex l-aktar mezzi sofistikati biex iressaqhom lejn l-apostasija, biex jitbiegħdu minn Alla. Kif ngħidu fil-lingwaġġ ta’ kuljum: dan hu dijaboliku; hekk hu, intelliġenza dijabolika.
Xi isqfijiet ta’ wieħed mill-pajjiżi mmexxijin minn dittatorjat ateu semmewli kif il-mexxejja kienu jaslu għall-persekuzzjoni bi strateġiji fini, sa dettalji bħal dawn: it-Tnejn tal-Għid l-għalliema kellhom jistaqsu lit-tfal x’kielu l-ġurnata ta’ qabel. It-tfal bdew jirrakkuntaw x’kielu. Uħud qalu, ‘kilna l-bajd.’ Dawk li qalu li kielu l-bajd sfaw ippersegwitati biex jaraw humiex Insara, għax f’dak il-pajjiż kien hemm id-drawwa li f’Ħadd il-Għid jieklu l-bajd. Sa hawn jaslu biex jispjunaw, biex jitkixxfu fejn hemm l-Insara biex joqtluhom. Dan hu l-akkaniment tal-persekuzzjoni, u dan hu kollu ħidma tax-xitan.
U fil-waqt tal-akkaniment x’se nagħmlu? Nistgħu nagħmlu biss żewġ affarijiet: impossibbli niddiskutu ma’ dawn in-nies għax għandhom ideat fissi, ideat imħawlin f’qalbhom mix-xitan. Smajna x’inhi l-istrateġija tagħhom. X’nistgħu nagħmlu? Nagħmlu dak li għamel Ġesù: nisktu. Ħaġa li tolqtok fil-qari tal-Evanġelju hi li quddiem dawn l-akkużi kollha, quddiem dan kollu, Ġesù jiskot. Quddiem l-ispirtu ta’ akkaniment, is-silenzju biss, qatt il-ġustifikazzjoni. Qatt.
Ġesù tkellem, spjega. Meta fehem li ma seta’ jgħid xejn aktar, siket. U Ġesù għadda l-Passjoni tiegħu fis-skiet. Huwa s-silenzju tal-ġust iffaċċjat mill-akkaniment. U dan jgħodd ukoll – biex insejħulhom hekk – għall-akkanimenti tal-ħajja ta’ kuljum. Meta xi ħadd minna jinduna li hemm is-seksik dwaru, kontrih – imbagħad jispiċċa biex minn dak li jingħad ma jkun hemm xejn – jiskot. Silenzju. U jaċċetta, jittollera l-akkaniment tat-tqassis. It-tqassis ukoll huwa akkaniment, akkaniment soċjali: fis-soċjetà, fil-kwartier, fil-post tax-xogħol, imma dejjem jgħidu fuqu. Dan mhuwiex akkaniment ta’ ċertu piż, imma huwa akkaniment bl-għan li jkisser lil dak li jkun għax ikun ta’ xkiel, jagħti fastidju.
Nitolbu l-Mulej il-grazzja li nagħrfu nitqabdu mal-ispirtu malinn; li niddiskutu meta għandna niddiskutu, imma quddiem l-ispirtu tal-akkaniment ikollna l-kuraġġ nisktu u nħallu lil ħaddieħor jitkellem. L-istess quddiem dawn l-akkanimenti żgħar tal-ħajja ta’ kuljum bħas-seksik: ħallihom jgħidu. Fis-skiet, quddiem Alla.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.