Coronavirus: opportunità tad-deheb!


Tiftaħ gazzetta u dlonk tarah quddiem wiċċek! Jaqq! Il-coronavirus! Iva! Il-virus li tant nobgħod b’qalbi kollha! U nobogħdu daqskemm nobgħod lix-xitan! Għax mard ħi! U l-Mulej kontra l-mard! Kieku kif fejqu għadu u għadu jfejqu? Għalkemm jippermettih iżda l-Mulej il-mard żgur li ma jridux! U ma jridux b’saħħa!

Apposta ħbieb għażilt li nibda’ bil-goff illum ħbieb! Għax ma niflaħx le, bħala Patri u wieħed mill-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei, u dejjem mal-morda, nara nies imkissrin quddiem wiċċi! U dan mhux qed ngħid biss għal nies li l-Mulej abbundawh u issa qiegħdin għar-rkupptejthom bl-effetti tal-biża’ li ħolqot din is-sitwazzjoni fl-erba’ irjieħat tad-dinja! Għax, li kieku kien hekk, kieku żgur wieħed u waħda, waħedhom, u fil-fond ta’ qalbhom, ma jibqagħlhomx ħaġa oħra għajr li jħabbtu fuq sidirhom u jgħidu: Mia colpa! Ħtija tiegħi għax abbandunajt lill-Mulej! U, jekk jagħmlu hekk, sewwa jkunu qiegħdin jagħmlu! Għax hi bluha tal-bluhat li titlaq lill-Mulej! Li minnu aħna ġejna, fih ngħixu u bih irridu nidħlu fil-ħajja li ma tintemm qatt!

Iżda illum qed nitħaddet fuq nies li dejjem narahom jitolbu fil-kappella tal-Isptar. Kemm qabel, fil-break u anki wara x-xogħol. F’kelma waħda qed nirreferi għall-persuni li dejjem narahom jimlew il-bankijiet tal-Kappella! Kull meta jiġu Mater Dei biex jagħtu l-jum tax-xogħol tagħhom. Iva! Għal dawn qed ngħid!

U dan mhux qed ngħidu mill-ajru tafux iżda qed mill-ħajja ta’ kuljum! Bħalissa qed titlagħli fuq l-iscreen ta’ moħħi persuna. Li naf li hi mara ta’ fidi. U fidi kbira. Almenu hekk nafha fi żminijiet aktar trankwilli. L-inċident bqajt niftakru tajjeb. Għax ma nistax inneħħieħ minn quddiem għajnejja. Daqskemm għadu frisk! Mela, hekk kif temmejt ix-xift ta’ billejl, nara ġejja lejja. Ħamra nar. U bid-dmugħ f’għajnejha u mifqugħa bil-biki. Miskina! Ma felħitx aktar: Ħa niġġennen! Qaltli imbikkija. X’ħa nagħmel b’dawk it-tfal? Jekk jaqbadhom xi ħaġa? X’se jiġri mill-familja tiegħi? Tista’ tlumha lil din il-mara twajba u tal-familja? Li, minn qalbha, tagħti l-jum tax-xogħol tagħha b’ħafna u ħafna mħabba? Għidli ftit: x’ħa taqbad tgħidilha? Nista’ infendilha kelma? Jew għandi nagħlaq ħalqi u ma ngħid xejn? Li ma jmurx …?

Dan il-ħsieb jew, aħjar, din l-attitudni ta’ defeatism, lili tagħmilli d-deni! U anki tweġġagħli żaqqi! U l-istonku ta’ ruħi aqta’ kif tqallibhuli! Mhux għax il-Mulej għandu bżonn xi avukat biex jiddefendih tafux! Imma, quddiem din l-arroganza kbira tax-xitan, li huwa hu u ħadd ħliefu, il-perċimes numru wieħed wara kull mard li hawn jiġri fostna, ma nistax le nibqa’ sieket. U qisu m’hu qed jiġri xejn! Mhux sewwa li l-Mulej Ġesù, li tant iħobbna, jispiċċa l-oġġett tar-rabja u l-mibegħda tagħna. Jekk trid tirrabja irrabja kemm trid. Imma mhux le kontra Ġesù iżda kontra x-xitan! Jekk trid tobgħod obgħod kemm trid! Imma mhux lil Ġesù iżda lix-xitan! Għax hu, u ħadd ħliefu, m’hu qed iġib dan kollu fuqna! Intant!…

U għax ix-xitan? Diġà għedtlek ħija, oħti, bħalma qed ngħid lili nnifsi issa, l-ewwel wieħed: hu x-xitan li, tant kemm jobgħod lilek u lili li qed jipprova jmarradna, jiżolana minn xulxin, sakemm joqtolna, waħedna. Bħal ħnieżer! Huwa hu, u ħadd ħliefu, li qed inisslilna din il-biża kollha. Għalhekk iva quddiemu ma nistgħu nibqgħu siekta! Nikkritikaw tant nies li huma YES man jew YES woman? Nagħmlu tant plejtu fuqhom? U nagħmlu sewwa? Iva lix-xitan ħa noqogħdulu? Se noqgħodu ngħidulu YES? Se nħalluh jagħmilna ilsiera tiegħu? Għax ħa noqogħdu ninqaflu fil-kmamar tagħna u noqogħdu hemm, nibżgħu? U ma nkellmux lil xulxin? U narmaw ngħajtu ma’ xulxin jekk xi ħadd ikellem lil xi ħadd? Dan x’taħwid hu?
Minix qiegħed ngħid li l-kwaratina ma nagħmluhiex tafux! U lanqas biex il-prekawzjonijiet ma nieħduhomx. Ir-responsabbiltà lejn xulxin għandha tkun! Inkella għalfejn għandna l-ispeċjalisti fil-qasam tas-saħħa? Dawn qiegħdin hemm għal xi ħaġa? U ngħidx hijiex xi ħaġa? Huma huma li qed jaffrontaw sidirhom mal-pazzjenti. Flimkien ma’ ħafna nies oħra, inklużi magħna, il-patrijiet Kapuċċini, f’dawn il-mumenti iebsa għal kulħadd. U dan qed ngħidu mhux biex nieħdu xi applawż! Għalkemm l-applawżi napprezzawhow napprezzaw ferm u ferm aktar it-talb u l-viċinanza tan-nies li jieħdu ħsiebna b’mod personali u mhux b’mod ‘il bogħod. Bħal ta’ żmien il-pesta. Intant!…

Issa ħbieb huwa żmien li nsarrfu l-kelma solidarjetà fil-prattika! Dik is-solidarjetà li ma tagħmilniex egoisti. Tweġġa’ ħafna l-attitudni li hawn tiġri ta’ uħud fostna li jgħidulek: Metru ‘il bogħod jekk jogħġbok! U, jekk allaħares qatt tmur naqra ‘il ġewwa mill-metru tispiċċa ħati u ħatja li tajthom il-virus int! Ħallieha li jafu huma li jkollhom il-virus u ma jkunux jafu! Huma li qed jagħmlu plejtu insolenti! Eh! Kemm hi kera n-nuqqas ta’ karità! U kemm tagħmel ħsara! U tweġġa’ qlub? Tgħidilha din iġene? Int li tagħmel plejtu fuq l-iġene u lsienek fabbrika tax-xfafar?

Le ħbieb! Dan iż-żmien hu opportunità tad-deheb li nagħmlu kuraġġ lil xulxin! Li nkunu qrib ta’ xulxin! Li niftħu għajnejn xulxin bl-imħabba u mhux b’biża li jkexkex u li jagħmel tant ħsara għax jiftaħ ġrieħi ġodda fil-qlub! Ejjew nibqgħu nippowstjaw it-talb fuq Facebook, whatz up, tweeter, instagram u l-bqija! U nħallu, fuq kollox, dan il-messaġġ mill-isbaħ li tagħtna Ommna Marija f’Medjugorje, nhar l-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2020, jkun ir-ruħ ta’ kif nitkellmu u nġibu ruħna ma’ xulxin:

Għeżież uliedi, Ibni, bħala Alla, dejjem ħares lil hinn miż-żmien. Jien, bħala Ommu, permezz tiegħu, nara fiż-żmien. Nara affarijiet sbieħ u ta’ niket. Iżda nara li għad hawn l-imħabba. U għandha bżonn l-azzjoni biex tkun magħrufa. Uliedi, ma tistgħux tkunu ferħana jekk ma tħobbux lil xulxin, jekk ma jkollkomx mħabba f’kull sitwazzjoni u f’kull mument ta’ ħajjithom. Jien ukoll, bħala ommkom, qed niġi għandkom permezz tal-imħabba – biex ngħinkom issiru tafu l-imħabba vera, li issiru tafu lil Ibni. Għalhekk qed insejħilkom, dejjem mill-ġdid, biex tixxenqu aktar għall-imħabba, għall-fidi u għat-tama. L-għajn waħdanija li minnha tistgħu tixorbu hi l-fiduċja f’Alla, f’Ibni. Uliedi, f’mumenti ta’ nuqqas ta’ paċi u ċaħda intom fittxu biss wiċċ Ibni. Għixu biss kliemU u la tibżgħux. Itolbu u ħobbu b’sentimenti sinċiera, b’għemejjel tajba. U agħtu daqqa t’id ħalli d-dinja tinbidel u biex qalbi tkun tista’ tirbaħ. Bħal Ibni, jiena wkoll qed ngħidilkom: ħobbu lil xulxin l-għaliex mingħajr imħabba m’hemmx salvazzjoni. Grazzi uliedi.

X’opportunità tad-deheb għandna li nsalvaw lil xulxin billi nħobbu lil xulxin waqt il-coronavirus! X’opportunità tad-deheb għandna! Ejjew naħtfuha!

Patri Mario Attard OFM Cap