Raġel ieħor liebes l-abjad

Print Friendly, PDF & Email

Iċ-ċelebrazzjoni straordinarja tal-Urbi et Orbi li saret mill-Papa Franġisku nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu ġiet imfakkra b’diversi kitbiet sbieħ, bħall-poeżija Ho visto un uomo, ta’ Giuseppe Messe u l-artiklu ta’ John L. Allen Francis on Friday delivered an iconic image that stirred a country’s soul. Il-poeżija ta’ Giuseppe Messe, li ġiet tradotta minnufih bil-Malti, tibda “Rajt raġel liebes l-abjad”, filwaqt li fl-artiklu tiegħu John L. Allen isemmi l-pjazza vojta, bil-Papa waħdu, liebes l-abjad.

Id-deskrizzjoni ”liebes l-abjad” iġġib f’moħħi ktieb ta’ ftit folji, bl-isem ta’ Il Mistero del Piccolo Stagno (Il-Misteru tal-Vaska Ċkejkna), li jsemmi ieħor liebes l-abjad, il-Papa Emeritu Benedittu XVI. Il-Misteru tal-Vaska Ċkejkna’, li kien inawgurat fil-Vatikan f’Diċembru tal-2012, hu l-ktieb tal-pittriċi ritrattista ta’ Ġwanni Pawlu II u ta’ Benedittu XVI, Natalia Tsarkova.

Il-pittriċi Russa tagħtina l-opportunità li naraw lill-Papa Benedittu mill-għajnejn tat-tfal. Bit-tpenġijiet tagħha toħodna ħdejn l-ilma tal-funtana ta’ Castel Gandolfo, fejn il-Papa Benedittu kien imur fis-sajf, u tlaqqagħna ma BIANCO, goldfish li twieled f’dak l-ilma kalm. Bianco jħobb id-dawl u l-ilwien li jirriflettu fil-vaska tiegħu.

Jum wieħed intebaħ bir-rifless tal-istatwa bajda tal-Madonna. Bianco u missieru bdew kuljum jersqu lejn dan ir-rifless. Darba oħra bdiet tidher figura oħra, liebsa l-abjad, Benedittu XVI, qed jgħid ir-Rużarju. Imbagħad i-Papa jitma’ l-ħut bil-frak tal-ħobż. Minn hemm ‘il quddiem, Bianco għex jistenna ż-żjara tal-Papa.

Lanqas in-nies tal-midja,  bil-cameras tagħhom, qatt ma ħarsu hekk lejn il-Papa. Bianco jara persuna kwieta titlob għalina lkoll fis-skiet tal-villa. Sar jaf lir-raġel ġentili li jħobb in-natura u l-ħlejjaq li fiha. Il-preżenza tleqq tal-Papa tnissel ferħ u konfort lil dawk li jaraw bil-għajnejn tal-innoċenza. Meta l-Papa jħalli l-villa biex jerġa’ lura Ruma, Bianco jħossu waħdu, kif ir-Rumani jħossuhom meta l-Papa jmur għas-sajf Castel Gandolfo jew bħal meta miet il-Papa Ġwanni Pawlu II.

Imma Bianco jaf li r-raġel bl-abjad dejjem jerġa’ jiġi. Qatt ma domna ħafna mingħajr Papa. Hekk turina l-istorja ta’  2000 sena, li l-Papa talab għalina u jibqa’ jitlob għalina. Ix-xbihat sbieħ li tagħtina Tsarkova jġibu sens ta’ paċi u juru l-intensità tad-devozzjoni ta’ Bianco lejn il-Papa.

Minbarra l-gost ta’ dan il-ktieb ċkejken, bi ftit kliem u ftit pitturi, wieħed jikkonferma l-konvinzjoni ta’ kemm il-Papa Emeritu Benedittu XVI hu persuna tassew simpatika. Żgur li f’dawn il-ġranet, il-Papa Benedittu qed jitlob għad-dinja, liebes il-libsa bajda tiegħu, sinjal ta’ kjarezza fil-kitbiet prezzjuż tiegħu u sinjal ukoll tal-purità tal-qalb tiegħu.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: