L-Erbgħa, 1 ta’ April 2020: Illum nixtieq li nitolbu għal kull min jaħdem fil-qasam tal-midja, li jaħdmu biex jikkomunikaw ħalli llum in-nies ma tħosshiex iżolata, għall-edukazzjoni tat-tfal, għall-informazzjoni, biex ngħinuhom jissaportu dan iż-żmien ta’ għeluq.
Omelija
F’dal-jiem, il-Knisja qed twasslilna t-tmien kapitlu ta’ San Ġwann: hemm id-diskussjoni mqanqla ħafna bejn Ġesù u d-dutturi tal-Liġi. Fuq kollox Ġesù qed jipprova juri l-identità. Ġwanni jipprova jressaqna lejn dik it-taqbida biex jiċċara l-identità kemm ta’ Ġesù kif ukoll l-identità tad-dutturi. Ġesù jqegħidhom daharhom mal-ħajt għax jispjegalhom il-kuntradizzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar, huma ma jifdlilhom ebda triq oħra biex joħorġu mis-sitwazzjoni ħlief l-insult – din hi paġna ta’ swied il-qalb kbir, hija dawgħa: jinsultaw lill-Madonna.
Imma hu u jitkellem dwar l-identità, lil-Lhud li kienu emmnu fih Ġesù jgħidilhom: ‘Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi’ (Ġw. 8, 31). Terġa’ tfiġġ dik il-kelma ‘ibqgħu’ tant għal qalb il-Mulej, li hu jtenni bosta drabi u mbagħad fl-Aħħar Ikla: ‘Ibqgħu fija.’ Nibqgħu fil-Mulej. Ma jgħidx: ‘Studjaw sew, tgħallmu argumentaw tajjeb’: dan għalih huwa for granted. Imma jmur dritt lejn l-aktar ħaġa importanti, l-aktar ħaġa perikoluża għall-ħajja jekk ma ssirx: ibqgħu. ‘Żommu fi kliemi.’ Dawk li jibqgħu fil-kelma ta’ Ġesù, l-identità tagħhom hi nisranija. U liema hi? ‘Intom dixxipli tiegħi’ (Ġw. 8, 31). L-identità tan-Nisrani mhix biċċa karta li tgħid, ‘Jien nisrani’ – karta tal-identità. Hija d-dixxipulat. Jekk inti tibqa’ fil-Mulej, fil-ħajja tal-Mulej, tkun dixxiplu. Jekk ma tkunx, tkun bniedem li għandu simpatija mad-duttrina, li jkun jimxi wara Ġesù – bħalma bniedem li jagħmel ħafna karità, ikun bniedem tajjeb, għandu l-valuri tajbin – imma d-dixxipulat huwa l-veru identità tan-Nisrani.
U jkun dan id-dixxipulat li jagħti l-ħelsien: id-dixxiplu hu bniedem ħieles għax jibqa’ fil-Mulej. U xi jfisser tibqa’ fil-Mulej? Ifisser li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxik. Id-dixxiplu jħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxih. Għalhekk id-dixxiplu huwa dejjem bniedem tat-tradizzjoni u tan-novità: huwa bniedem ħieles. Qatt immexxi mill-ideoloġiji, minn duttrini fil-ħajja nisranija, duttrini miftuħin għad-diskussjoni… jibqa’ fil-Mulej u huwa l-Ispirtu li jnebbaħ. Meta nkantaw lill-Ispirtu, ngħidulu li hu mistieden tar-ruħ (cfr. Innu: Veni Sancte Spiritus). Imma dan iseħħ biss dment li nibqgħu fil-Mulej.
Nitlob lill-Mulej jgħallimna dan l-għaqal li nibqgħu fih u jgħallimna nsiru familjari mal-Ispirtu: l-Ispirtu s-Santu li jtina l-libertà. U din hija d-dilka. Min jibqa’ fil-Mulej huwa dixxiplu, u d-dixxiplu huwa midluk, midluk mill-Ispirtu, huwa dak li rċieva d-dilka tal-Ispirtu u jmexxiha ’l quddiem. Din hi t-triq li jurina Ġesù kemm għall-ħelsien kif ukoll għall-ħajja. Id-dixxipulat hu d-dilka li jirċievu dawk li jibqgħu fil-Mulej.
Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan, li mhux faċli: għax id-dutturi ma kinux fehmuh. Ma nistgħux nifhmuh biss bil-moħħ; nifhmuh bil-moħħ u bil-qalb. Dan l-għerf tad-dilka tal-Ispirtu s-Santu li jagħmilna dixxipli.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.