Sara s-sewda u ż-żewġ Marijiet


Fil-Vanġelu, fir-rakkont tal-Passjoni, minbarra Marija omm Ġesù, jissemmew xi nisa bl-isem ta’ Marija, fosthom Marija Salome u Marija ta’ Ġakobb. “Fosthom kien hemm Marija l-Madaliena, Marija, omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żabdi.” (Mt 2756); “Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, foshom Marija Madaliena u Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salome.” (Mk 1541); “Meta għadda s-Sibt, Marija l-Madaliena, Marija, omm Ġakbu u Salome xtraw il-fwejjaħ biex jiġu jidilkuh.” (Mk 16)

Hemm leġġenda, marbuta wkoll ma’ festival reliġjuż u folkloristiku, li għadu jsir fil-villaġġ Saintes-Maries-de-la-Mer. Il-leġġenda tgħid li tgħid li Marija Salome u Marija ta’ Ġakobb sabu ruħhom f’din in-naħa ta’ Franza.

SARA S-SEWDA U Ż-ŻEWĠ MARIJIET

Saintes-Maries-de-la-Mer

Qatgħa fjammingi lewn roża huma reqdin f’xifer l-għadira mmellsa mill-ewwel raġġi tax-xemx; żwiemel jiżhru waqt li jduru qalb barrin bla sabar. Ix-xenarju hu l-wesgħat li jagħtu għal Saintes-Maries-de-la-Mer (Il-Qaddisin Marijiet tal-Baħar). Dan hu villaġġ żgħir tas-sajjieda fuq il-Côte d’Azur fin-naħa t’isfel ta’ Franza, f’Camargue, bejn Montpellier u Marsilja fir-reġjun ta’ Provence. L-abitanti ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer jgħoddu madwar 2,300 filwaqt li l-popolazzjoni fis-sajf titla’ għal 50,000. Għal Mejju l-baħar Mediterran, fid-daħla tax-xmara Rhone, jifforma għadajjar mielħa u rqajja ta’ tajn fix-xtajta tal-villaġġ.

1
L-istatwa ta’ Marija Salome u Marija ta’ Ġakobb

Kien hawn li, skont tradizzjoni tar-reġjun, Marija Salome u Marija ta’ Ġakobb, xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu, waslu Gallja (kif kienet imsejħa Franza f’dak iż-żmien) bil-baħar flimkien maz-ziju tagħhom Ġużeppi minn Arimatea wara li kienu salpaw minn Lixandra, fl-Eġittu.

Jista’ jkun li l-ħsieb tagħhom kien li jaslu hemm f’dik ix-xtajta u jista’ jkun ukoll li l-bastiment li kienu fuqu ġie mkaxkar `l hemmhekk mill-mewġ. Fiż-żmien, il-villaġġ kien magħruf bħala s-Sinjura Tagħna tad-Dgħajsa, li mbagħad inbidel għas-Sinjura Tagħna tal-Baħar. Fl-1838, tawh l-isem kif inhu llum ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer.

Madwar 10,000 żingari, bejn Rom, Tsigani, Manouches u Gitani jinġemgħu mill-erbat irjieħ tal-Ewropa għall-festival reliġjuż f’ġieħ Santa Sara u ż-żewġ Marijiet u biex jitolbuhom il-favuri li jixtiequ. F’Saintes-Maries-de-la-Mer iż-żingari huma aċċettati, għall-kuntrarju ta’ bnadi oħra fl-Ewropa. Hekk Saintes-Maries-de-la-Mer isir il-qalba tal-komunita’ ta’ żingari flimkien man-nies tal-post u viżitaturi li wara l-vjaġġ, kulħadd bil-mod tiegħu, jieħdu sehem f’dak li jsir fil-festival reliġjuż u folkloristiku. Għal ġimagħtejn il-medda tal-Cote d’Azur li tagħmel ma’ Saintes-Maries-de-la-Mer tkun miżgħuda b’karovani, bil-karrrijiet kuluriti taż-żingari u b’dak kollu li ż-żingari jġorru magħhom. Dan fost l-irwejjaħ ta’ ikel li qed jinxtewa, iż-żfin improviżat minn tfal, żgħażagħ u kbar li jiffurmaw ċrieki fiż-żifna tagħhom. L-ilbiesi tal-Ġitani, b’ilwien aħmar qroll, ikħal tourquoise u isfar jixgħel, iperpru magħhom waqt li jiżfnu għar-ritmu tal-Flamenco fil-misraħ ta’ quddiem il-knisja.

Sara u ż-żewġ Marijiet

F’Mejju l-villaġġ ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer ikun id-destinazzjoni għal għadd ta’ nies, l-aktar żingari, li jiġu minn naħat oħra tal-Ewropa ħalli jqimu lil Marija Salome, lil Marija ta’ Ġakobb u lil Santa Sara s-Sewda, bid-djalett Sara-la-Kali. Iċ-ċelebrazzjonijiet idumu minn 8 sa’ 10 ijiem li matulhom it-tradizzjoni u r-Reliġjon jkunu ċelebrati b’mod teassew kulurit.

2
Il-wiċċ tal-istatwa ta’ Santa Sara

Kien fis-seklu 15 meta fl-oqbra tal-villaġġ ‘instabu’ r-relikwji ta’ Marija Salome u ta’ Marija ta’ Ġakobb, u n-nies tal-villaġġ dejjem emmnu li r-relikwji jmorru lura għall-ewwwel seklu. Interessanti li l-500 anniversarju mis-sejba tar-relikwji ġiet kommemorata fis-seklu 20 mill-Papa Ġwanni XXIII. Il-festa ta’ Sara s-Sewda tiġi ċelebrata fl-24 ta’ Mejju u l-għada ssir dik taż-żewġ Marijiet. Fil jiem ta’ qabel isiru attivitajiet marbuta mal-kultura tal-lokal. It-tradizzjoni tgħid li Sara, b’karnaġġjon ismar kif inhi wkoll fl-istatwa, kienet il-qaddejja ta’ Marija Salome u ta’ Marija ta’ Ġakobb u laqgħethom meta waslu fix-xatt. Hawn min jgħid li kienet Eġizzjana jew mara mil-lokal. L-istatwa ta’ Santa Sara hi miżmuma fil-kripta tal-knisja ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer.

Il-knisja li hemm illum f’Saintes-Maries-de-la-Mer inbniet bejn id-9 u t-12-il seklu, bħala fortizza u kenn għall-abitanti. Tidher minn 10 kilometri ‘l bogħod. Għandha bir b’ilma ġieri,  imħaffer għal meta l-abitanti kienu jingħalqu fil-fortizza biex jinħbew mill-ħallelin tal-baħar. Fid-9 seklu, il-villaġġ kellu ħbit mill-Vikingi u mis-Saraċini. Il-belt ma ntmissitx mill-pesta tal-1720. Fi żmien il-kampanja antiklerikali tar-Rivoluzzjoni Franċiża, parti mill-knisja ġiet meqruda  biex il-ġebel tagħha jintuża għal bini ieħor.

Festival ta’ reliġjon u kultura

Kien ftit wara l-1838, meta l-villaġġ issemma Saintes-Maries-de-la-Mer, li beda jsir il-pellegrinaġġ. It-taħlita ta’ reliġjożita’ popolari, il-folklor, l-ispettaklu ta’ żwiemel u barrin għenu biex il-pellegrinaġġ isir magħruf u n-nies żdiedu hekk li għall-1891 kien hemm tren jivvjaġġa bejn il-villaġġ u Arles.

3
Rikkieba fuq iż-żwiemel jagħtu l-kulur lill-festival

Il-festival jasal fl-aqwa tiegħu fl-24 ta’ Mejju, meta tiġi ċelebrata l-festa ta’ Santa Sara, u l-għada, il-festa taż-żewġ Marijiet. Kmieni wara nofsinhar, il-folla timla’ l-knisja, biex tqim ir-relikwji li fil-bqija tas-sena huma moħbija mill-għajnejn, f’kappella fil-għoli. Fil-kripta, l-istatwa ta’ Santa Sara tistenna biex joġorġuha fil-purċissjoni.

Ir-relikwarju hu mniżżel bil-mod bi ħbula għall-qima tan-nes. Filwaqt li l-kaxxa bir-relikwji titqieħed f’postha, il-kant tal-Ġitani jinstema’ qawwi waqt li jżommu xemgħat twal f’idejhom, f’talba ħerqana li huma konvinti li qed tasal ‘il fuq. It-tislima li jtennu b’leħen għoli għal ħafna drabi: “Viva l-Qadddisin Marijiet! Viva Santa Sara” tinħass iddamdam donnha trid tħarrek il-ħitan qodma taċ-ċentru storiku tal-villaġġ. Nies li xi darba kienu hemm f’dan il-mument jgħidu li diffiċli tiddeskrivi l-atmosfera tal-folla. It-talba ta’ dawn in-nies lil Alla permezz tad-devozzjoni lejn Sara s-Sewda u ż-żewġ Marijiet hi xi ħaġa li tinħass. Kulħadd jgħaddi minn quddiem l-istatwa u jmissilha wiċċha.

Purċissjoni sal-baħar

Imbagħad il-folla tibda miexja u takkumpanja l-istatwa ta’ Santa Sara sal-baħar merfugħa minn erba żingari. Li jidher minn Santa Sara hu biss wiċċha għax hi imlefilfa f’mant kbir u b’ilwien jgħajtu. Jgħidu li nqalgħu ħafna grazzji bl-interċessjoni tagħha. L-uċuħ taż-żingari, bil-lewn samrani tagħhom immarkat bil-ħajja fil-beraħ u bt-tbatija ta’ kuljum huma rifless tal-istatwa ta’ Santa Sara. Hi wkoll wiċċha iswed, għalhekk Sara s-Sewda. Iċ-ċkejkna seftura, bi gwardjani Kamargiżi (abitanti tar-reġjun ta’ Camargue) madwarha, timxi ‘l quddiem, bħala reġina f’nofs il-poplu li jakklamaha u juriha l-imħabba entużjasta tiegħu.

4
Żingari u nies oħra jinżlu huma wkoll fil-baħar

Il-purċissjoni tasal sal-baħar. F’nofs l-għanjiet tal-kleru u ta’ folla marsusa, ir-reffiegħa jgħaddu l-istatwa minn fuq il-mewġ, filwaqt li l-Ġitani jinżlu bil-ferħ fl-ilma. Dan ir-rit, li jorigina mill-Indja, hu ġest ta’ purifikazzjoni u fih is-simboliżmu tal-Magħmudija, li għandhu post speċjali fil-festa għax il-Ġitani ħafna drabi jagħżluh biex jintroduċu lil uliedhom għall-ħajja fil-knisja. It-tfal, li jiżfnu qalb il-kbar u t-trabi reqdin f’ħoġor ommhom, huma parti integrali tar-ruħ tal-pellegrinaġġ. Il-preżenza tagħhom tixhed l-ispirtu.tat-tfulija u l-freskezza ta’ fidi sempliċi u vibranti li fiha l-pellegrin jmtela’ b’kuraġġ spiritwali.

L-istess isir l-għada, il-25 ta’ Mejju, il-festa ta-żewġ Marijiet, meta din id-darba tkun l-istatwa ta’ Marija Salome u Marija ta’ Ġakobb li tkun akkumpanjata bl-istess mod fi proċessjoni lejn il-baħar. Wara d-dħul lura fil-knisja, il-villaġġ jibda bil-mod il-mod jitbattal. Iż-żingari jlestu għall-vjaġġ – min jaf għal fejn! – u l-viżitaturi jimxu mal-programm tas-safra tagħhom. Żgur li ħafna jħarsu lura u jagħtu l-au-revoir għal sena oħra lill-villaġġ ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer, li issa jerġa’ lura għall-ħajja kwieta tiegħu.

Joe Galea

 

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.