Il-Papa dwar il-qrar fi żmien diffiċli


Il-Papa Franġisku fl-20 ta’ Marzu għamel spjega fil-knisja ta’ Santa Marta dwar meta jkun diffiċli ħafna biex inqerru.

qrar

“Jiena naf li ħafna minnkom, għall-Għid, tmorru tqerru biex tirrikonċiljaw ruħkom ma’ Alla. Imma ħafna bħalissa qed jgħiduli: ‘Imma jien fejn nista’ nsib saċerdot, konfessur, la ma nistgħux noħorġu mid-dar? U jien nixtieq nagħmel paċi mal-Mulej, jiena rrid li hu jħaddanni, li nirċievi t-tgħanniqa ta’ missieri… Kif nista’ nagħmlu dan jekk m’iniex insib saċerdoti?’. Inti agħmel dak li jgħid il-Katekiżmu.

 Hu ċar ħafna: jekk int ma ssibx qassis biex tqerr, tkellem ma’ Alla, huwa Missierek, u għidlu l-verità: ‘Mulej, għamilt dil-ħaġa, din, u din… Aħfirli”, u itolbu maħfra b’qalbek kollha, bl-Att tal-Indiema u agħmel proponiment: “Wara ser inqerr, imma int aħfirli issa”. U minnufih, terġa’ lura fil-grazzja ta’ Alla. Int stess tista’ tersaq lejh, lejn il-maħfra ta’ Alla mingħajr ma jkollok saċerdot fil-qrib. Aħsbu ftit intom: issa hu l-waqt! Issa hu l-waqt it-tajjeb, iż-żmien opportun. Att tal-Indiema tajjeb, u hekk ir-ruħ tagħna ssir bajda bħas-silġ”.

Meta din is-sogħba tkun imqanqla mill-imħabba għal Alla, maħbub fuq kollox u qabel kollox, tkun sogħba ‘perfetta’ (sogħba ta’ mħabba). Din is-sogħba taħfer id-dnubiet venjali u taqla’ wkoll il-maħfra tad-dnubiet mejta, jekk tkun imsieħba ma’ fehma soda li, malli jista’ jkun, wieħed ifittex li jqerr”. Għalhekk, fl-istennija li, malli ċ-ċirkustanzi jippermettu, inkunu nistgħu nirċievu l-assoluzzjoni mingħand saċerdot, huwa possibbli li b’dan l-att niġu maħfura minnufih. L-indiema msieħba mill-proponiment li wieħed imur iqerr tħabbeb mill-ġdid lill-bniedem ma’ Alla, diġà qabel wieħed jirċievi realment dan is-sagrament.

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.