Corona Virus, grazzi.

Ilkoll kemm aħna bħalissa għaddejjin mill-istess esperjenza.  Int min int … int fejn int.

Ilkoll qed naqsmu din l-esperjenza li tbeżżgħana u anke twerwirna … l-esperjenza tal-qilla tal-corona virus … dan il-virus li b’għajnejna ma narawhx imma nafu li qiegħed hemm …nafu li qiegħed hemm mhux biss għax jgħidulna bih it-tobba imma fuq kollox għax għalkemm lilek m’aħniex narawk imma qed naraw u nsofru l-effetti qerrieda tiegħek.

Għażiż Corona virus!!!

Kemm sirt popolari … ħadt fama mondjali … id-dinja kollha saret taf bik … u malajr … fi ftit ġranet kulħadd jitkellem fuqek u dwarek … kulħadd isaqsi għalik … kulħadd irid ikun jaf aktar fuqek … kulħadd isaqsi: Min int? Minn fejn ġejt? Kif twelidt jew minn welldek? Min hi ommok u l-ġuf li trabbejt fih u minnu ħriġt? X’inhi l-identità tiegħek? Kif  tagħmel biex minn persuna tgħaddi għall-oħra…minn dar għall-oħra…minn raħal għall-ieħor…minn belt għall-oħra .. .saħansitra minn pajjiż għall-ieħor u minn kontinent għall-ieħor … u dan kollu b’ħeffa li tgħaġbek!!!

Kulħadd isaqsi fuqek u dwarek … mhux għax qed togħġobna, tafx … nixtiequ nagħmlu ħbieb tiegħek… mhux għax għandek fik xi kwalitajiet li bihom issaħħarna u tiġbidna lejk … imma għall-kuntrarju … insaqsu dwarek … irridu nkunu nafu aktar fuqek u dwarek sabiex neqirduk … neħilsu minnek … inwarrbuk… inbegħduk minna … niġġildulek u ma nħallukx tinxtered u tirbaħ hekk kif għadek qed tagħmel sa issa.

U propju meta naraw il-ħerba u l-vittmi li qed tħalli warajk

tbeżżgħana – twerwirna – ddaħħlna f’paniku – f’inċertezza ta’ l-għada … tal-futur! IMMA madanakollu … għalkemm ġejna wiċċmb’wiċċ mall-kruha tiegħek … int l-imsejjaħ ‘corona virus’ … u mall-beżgħat li qed tiżra’ fina u madwarna xorta waħda irrid ngħidlek “grazzi”

Għażiż Corona Virus

Ma rridx inħares lejk biss b’attitudni negattiva billi nilmaħ fik il-qerda … il-beżgħat li qed toħloq fl-umanità u l-vittmi li qed titfa’ f’qiegħ ta’ sodda … fis-swali tal-isptarijiet … fis-swali tat-terapija intensiva … saħansitra l-vittmi li qed titfa’ fl-oqbra fejn jindifnu bla ma tagħtihom iċ-ċans li jaraw, isellmu u jgħannqu lill-għeżież familjari u ħbieb tagħhom … vittmi li qed jindifnu bla funeral dinjituż hekk kif dejjem ħolmu u xtaqu li jkollhom.

Mater Dei Hospital

Imma madanakollu xorta waħda nixtieq ngħidlek “grazzi”

Għażiż Corona Virus,

Grazzi… kos!!!….mn’Alla kont int!

Jiddependi kif inħares lejk!

Nista’ nħares lejk mill-aspett ta’ biża’ u qerda…mill-aspett tal-mard li qed toħloq u l-qerda li qed tiżra’.

Imma llum nixtieq inħares lejk mill-aspett pożittiv u nerġa’ ngħid….mn’Alla kont int!

Nixtieq inħares lejk bħal ‘perla’ … bħal ‘ġawrha prezzjuża’. Din fil-mixja tal-ħolqien tagħha l-arzella li twellidha tgħaddi mill-uġigħ ta’ oġġett mhux mixtieq … barrani jidħol ġewwa fiha. Frott l-uġiegħ l-istess arzella trabbi bħal qoxra madwar l-oġġett mhux mixtieq … barrani. U hekk bil-mod il-mod titwieled u tiġi ffurmata l-’perla’ … il-’ġawrha prezzjuża’.

Hekk irrid inħares lejk għażiż Corona virus … proċess … mixja ta’ tbatija … ta’ uġigħ. Imma frott din it-tbatija … dan l-uġigħ ser jitwieled dak li hu ġdid u mġedded … dak li hu sabiħ … dak li konna tlifna. Almenu f’dan tinsab it-tama tiegħi.

Mn’Alla kont int…

Għax qed iġibna f’sensina … qed tqajjimna mir-raqda li għal snin twal ilna fiha reqdin … qed tqajjimna mit-telfa li fiha konna mitlufin … konna storduti u qed iġġibna f’sensina … konna mitlufin f’ħajja mgħaġġla … f’ħajja sfrenata … f’ħajja fejn għandna ħin għal kollox minbarra għal Alla … minbarra għall-familja li ngħidu li tant inħobbu … għandna ħin għal kollox minbarra għalina nfusna …

Konna wisq impenjati, mitlufin, illupjati u aljenati, għaddejjin f’ħajja mgħaġġla bla ma stajna nagħmlu l-ebda waqfa. Il-ħajja mgħaġġla … wisq mgħaġġla … ta’ spiss ngħidu: “Il-ħajja kemm saret mgħaġġla” — hekku nippruvaw dejjem inwaħħlu f’xiħadd … u nwaħħlu fil-ħajja u ngħidu li l-ħajja saret mgħaġġla u mhux li aħna għamilniha mgħaġġla … donnu l-ħajja hija realtà li ssir weħeda u ninsew … jew jaqblilna taparsi ninsew li l-ħajja hija dik li nagħmluha aħna … aħna l-protagonisti tal-ħajja … ninsew li aħna naħsdu dak li niżirgħu … huwa aħna li qed nagħmluha mgħaġġla!

Imma inti issa … għażiż Corona Virus qed iġagħalna nindunaw bil-ħajja mgħaġġla li konna qed ngħixu … ħajja tant mgħaġġla li qatt ma konna kapaċi nwaqqfuha … imma issa iva … aħna ma konniex jew aħjar qatt ma ridna nwaqqfu l-ħajja mgħaġġla – għalkemm ingergru bil-ħajja mgħaġġla imma konna kuntenti għax m’għamilna qatt xejn  biex inwaqqfuha.

Kelllek tiġi int għażiż Corona Virus biex twaqqaf il-ħajja sfrenata li konna għaddejjin biha.

Irridu u ma rridux kellna nieqfu … nieqfu mix-xogħol … nieqfu mid-divertiment … mill-ħruġ bla rażan … u saħansitra obbligajtna nagħalqu l-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet fejn stajna niddevertu, il-lukandi lussużi, u ningħalqu fi djarna. Obbligajtna ninqaflu fi djarna … u jekk le … nistgħu nimirdu bik jew immardu lill-oħrajn … jekk le, nidħlu f’riskju li tibgħatna l-qabar.

Kellek tkun int għażiż Corona Virus …

Sabiex tikkonvenċina li l-ħajja hija rigal … rigal mogħti lilna mill-Krejatur … rigal li jiftaħ toroq ġodda … opportunijiet ġodda … opportunitajiet sabiex nitgħallmu ngħixu aktar milli neżistu.

Sakemm ġejt inti Sur Corona Virus … sakemm ġejt inti aħna konna qed neżistu aktar milli ngħixu. Kellek tiġi inti biex iġibna f’sensina u tgħallimna ngħixu l-veru ħajja aktar milli sempliċiment neżistu …

Qed tagħtina opportunitajiet ġodda li jkabbruna … li jimmaturawna … għax dan konna qed nitilfuh. Kellek tkun int li ġġibna f’sensina u għalhekk ngħidlek “grazzi”. Issa bil-miġja tiegħek fostna irnexxielek iġġibna f’postna … niżżiltna għarkubbtejna … niżżilt għarkubtejhom lilna lkoll: inklużi lis-setgħanin li kienu qed jaħsbu li għalihom ħadd ma

jista’ … lill-politiċi li kienu jaħsbu li huma biss jippjanaw … li r-riedni tal-ħajja huma f’idejhom u li l-iżvilupp tal-ekonomija huwa totalment u unikament f’idejhom. Niżżilt għarkubtejha l-ekonomija … minn qliegħ u ossessjoni għall-qliegħ … jiswa’ kemm jiswa’ u jiswa’ x’jiswa’ … għal falliment.

Niżżilt għarkkubtejhom lix-xjenzati għax huma wkoll quddiemek baqgħu maħsuda … inċerti … nnifishom maqtugħ … issaqsu bla ma jsibu tweġibiet … ipparalizzati … ix-xjenza qed tħossha telliefa … umiljata … muta … bla kliem … bla soluzzjonijiet!

U għal dan ngħidlek iva grazzi għażiż Corona Virus …għax qed iġagħalna mill-ġdid niskopru li fuq Alla m’hemm ħadd … aħna konna qed inwarrbu lil Alla u nagħmlu lilna nfusna allat … imma x’ġid kbir qed tagħmel magħna billi qed tniżżilna għarkubbtejna quddiem Alla Ħallieq … Alla Setgħani … Alla li għad għandu f’idejh l-istorja tal-ħajja tal-umanità … l-istorja ta’ ħajti u tal-ħajja ta’ kull maħluq.

Grazzi għażiż Corona Virus … għax ġibtna f’sensina biex nużaw aħjar issa, il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Dawn konna qed nużawhom biex ngħajru lil xulxin … biex noffendu lil xulxin … biex numiljaw lil xulxin … konna qed nużawhom biex inbaxxu lill-bniedem bil-pornografija … konna qed nużawhom għall-qliegħ tal-flus … għal gwadann politiku … għaż-żieda fil- kummerċ … kienu qed isiru mezz ta’ ħakma u ħafna drabi propaganda falza … qarrieqa … giddieba … egoista … u b’hekk konna qed nsiru skjavi ta’ dawn l-istess mezzi li għanda f’idejna.

Imma issa qed nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li għandna għad-disposizzjoni tagħna:

  • Biex nitolbu aktar u aħjar,
  • Biex inwasslu informazzjoni utli dwarek u kif neħilsu minnek sur Corona Virus…..u kif nibżgħu aktar għall-ħajjitna,
  • Biex nagħtu aktar kuraġġ lil xulxin,
  • Biex nuru aktar solidarjetà bejnietna,
  • Biex inferħu lil xulxin anke billi b’sens umoristiku ngħaddu xi ċajta lil xulxin bil-għan li niksru l-ansjetà …il-biżgħat u t-tensjoni li minħabba fik qed jirkbuna.

Grazzi għażiż Corona Virus għax kellek tkun int biex tgħallimna nużaw aħjar l-internet … il-facebook … it-twittier … il-messenger … il-whatsup u kull mezz ta’ komunikazzjoni biex nagħmlu bihom aktar ġid milli ħsara.

Konna separati minn xulxin … egoisti … individwalisti … ma jimpurtanhix mill-ieħor u mill-oħra … m’għandnhiex ħin għal xulxin. Imma issa obbligajtna ningħalqu d-dar u b’hekk qed ngħixu aktar qrib xulxin u ma’ xulxin, moħħna biex nieħdu ħsieb xulxin, għandna aktar ħin għal xulxin.

Irnexxielek, għażiż Corona Virus, tqajjem fina sens ta’ solidarjetà … qed niskopru aktar lil xulxin … qed ngħarfu u napprezzaw aktar lil xulxin … fuq kollox qed napprezzaw aktar il-valur tax-xogħol tat-tobba u l-infermiera. Kellek tkun int Corona Virus biex noħorġu fit-twieqi u l-gallariji tagħna sabiex nagħtu ċapċipa mistħoqqa lit-tobba tagħna … qatt m’għamilniha qabel … konna neħduhom wisq  ‘for granted’!

Kellek tkun int biex iġġibna f’sensina ħalli nieħdu aktar bis-serjetà u bl-akbar responsabiltà saħħitna u nibżgħu għaliha.

Kellek tkun int sur Corona Virus biex tressaqna aktar lejn Alla li konna qed inwarrbu … issa li t-tempji tal-knejjes tagħna huma magħluqin qed iġagħalna nħossu n-nuqqas tagħhom. Meta kienu miftuħin ma konniex imorru jew meta morna għamilna dan bi drawwa u mhux b’konvinzjoni. Issa li huma magħluqin qed nissamru quddiem it-televiżjoni u nieħdu sehem mhux f’quddiesa waħda…imma anke tnejn jekk mhux tlieta.

Il-knejjes magħluqin … qed ngħixu ‘bil-bibien magħluqa’. U forsi din ir-realtà anke lilna l-qassisin … lilna l-insara tatna fastidju. Konna nsejna li int wellidt il-Knisja tiegħek Oh Alla tagħna proprju meta l-appostli kienu ‘ġewwa bil-bibien magħluqin’. J’Alla frott din l-esperjenza tal-’bibien magħluqin’ titwieled Knisja ġdida … Knisja mġedda bħal dik tal-bidu. U dan ġara nhar l-ewwel Pentekoste … bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu … akkost li l-’bibien kienu magħluqin’.

Issa li darba konna tbiegħedna mill-qrar, qed insaqsu x’irridu nagħmlu biex imorru nqerru ladarba l-knejjes magħluqin.

Issa qed iġġibna iżjed f’sensina sabiex napprezzaw aktar t-talb … lis-saċerdoti … il-quddies ta’ kuljum … l-Ewkaristija u t-tqarbin.

Nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi billi mill-ġdid …

Għażiż Corona Virus ngħidlek grazzi … dak li għandek mhuwiex kollu ħażin … hemm fik it-tajjeb … u ta’ dan it-tajjeb nixtieq ngħidlek grazzi.

Grazzi li bil-mawra tiegħek fostna qed iġġibna aktar

  • Qrib ta’ Alla Ħallieq … Sid is-sema u l-art … il-mexxej tal-istorja tal-umanità … tiegħi u ta’ kull wieħed mill-bnedmin.
  • Qrib tagħna nfusna … konna nsejna kif u x’għandna nagħmlu biex inħobbu lilna nfusna … nieħdu ħsieb tagħna nfusna billi aktar ngħixu milli neżistu.
  • Qrib tal-familji tagħna li konna qed nabbandunaw … imma issa qed ikollna aktar ħin flimkien … aktar ħin għal xulxin.
  • Qrib tal-oħrajn speċjalment ta’ dawk li qed ibatu … qed isofru għax huma morda … u qed tgħallimna nkunu aktar solidali ma’ kulħadd. Qed tgħallimna nħobbu aktar lil xulxin billi filwaqt li nieħdu ħsieb saħħitna nifhem li nkunu qed nieħdu ħsieb is-saħħa tal-oħrajn.
  • Qed iġibna wkoll qrib l-ambjent li konna għall-egoizmu tagħna, qed neqirduh. Kemm ilek li ġejt inti…Corona Virus …id-dinja waqfet…waqfu l-ajruplani…il-karozzi…il-vapuri…il-fabbriki bid-dħaħen li kienu qed jarmu…u b’hekk issa l-arja issaffiet … m’għadhiex daqshekk kontaminata … imniġġsa! Iva kellek tiġi int biex nindunaw li konna qed inkissru id-dinja li fiha qed ngħixu u lin-natura li hija l-pulmun tal-ħolqien.

Grazzi għażiż Corona Virus … għandek fik innifsek qawwa qerrieda li tbeżża’ u li twerwer … imma fik hemm ukoll kwalitajiet li bihom qed tagħmlilna ħafna ġid …

Fittex itlaq, illum qabel għada,  minn ġo fina u minn fostna ħalli tispiċċa din il-biża’ li hemm fina, li f’qabar tista’ titfgħana  … imma meta titlaq … nittamaw li miegħek ma titlaqx ukoll it-tagħlima li tajtna … u għalhekk it-tajjeb li tkun ħallejt warajk inkomplu ngħożżuh … nibżgħu għalih … ngħadduh lil ta’ warajna … ngħixuh … ħalli qatt u qatt ma nirrepetu l-żbalji li ħadna fl-imgħoddi.

Tgħid sejrin nitgħallmu minn din l-esperjenza tal-miġja tiegħek Corona Virus? Jew forsi ninsew u nirritornaw għall-ħajja sfrenata u egoista ta’ qabel?

Jiddependi minni…. minnek…minn kull wieħed u waħda minna.

Fr. Philip Cutajar OFMCap

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.