Il-leġġenda tal-pitirross

Kull meta tersaq il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira, tiġini f’moħħi l-istorja tal-pitirross. Ma niddejjaq ngħidha qatt. Araw kemm hi sabiħa… Darba waħda kien hemm għasfur ċkejken li telaq mill-bejta biex ifittex l-ikel għaż-żgħar tiegħu. Waqt li kien qed jittajjar, wasal fuq il-Għolja tal-Kalvarju, fil-ħin li Ġesù kien qed imut fuq is-salib. L-għasfur straħ fuq il-għuda tas-salib u beda jħares, b’qalbu sewda, lejn ix-xena ta’ niket li kien hemm madwaru.

Ra nies qalbhom iebsa qed jidħku, jaraw lil Ġesù jmut. Ra lill-Madonna, f’riġlejn is-salib, bid-dmugħ f’għajnejha. U ra wkoll ir-ras ta’ Ġesù, imdawra bix-xewk li kienu mċappsin bid-demm. Il-qalb tal-għasfur ingħafset u ttajjar għal ħafna drabi madwar is-salib bħallikieku qed ifittex x’l-aħjar jagħmel biex jgħin lil Ġesù. Fl-aħħar resaq lejn ir-ras ta’ Ġesù u beda jiġbed ‘il barra waħda mix-xewkiet kbar li kienu qed jinfdu lil rasu.

B’ġibda kbira ħareġ ix-xewka. Imma max-xewka ħareġ ukoll id-­demm, li ċappaslu t-truf tal-ġwienaħ u ta’ sidhru. Ġesù dawwar ftit wiċċu, ħares lejh u b’leħen ħelu u twajjeb qallu: “Grazzi, għasfur ċkejken. Issa li d-demm tiegħi ċappas ir-rix tiegħek, kulħadd se jlbda’ jsejjaħlek l-Għasfur ta’ sidhru aħmar. U jibqgħu jiftakru kemm int illum ħabbejtni.”

L-għasfur, li minn dak il-ħin ħa l-isem ta’ pittirross, jiġifieri għasfur ta’ sidhru aħmar, reġa’ lura lejn il-bejta. Iż-żgħar tiegħu stagħġbu ħafna kif rawh imċappas bl-aħmar. ll-pitirross qallhom l-istorja tax-xena ta’ swied il-qalb li kien ra fuq il-Kalvarju. lm­bagħad, fil-waqt li għafashom miegħu, ċappashom ukoll bid-­demm li kien għadu frisk fuq sidhru. U minn dak inhar, il-pitirrossi kollha beda jkollhom sidhirhom aħmar.

  • Din l-istorja jgħidulha Il-Leġġenda tal-Pitirross. Naħseb li l-mama’ u l-papa’ semgħuha xi darba. Jekk taqrawha flimkien, żgur li taqbeż xi demgħa minn għajnejn xi ħadd minkom, għax tħossu għal Ġesù.
  • L-għasfur xtaq jgħin lil Ġesù, u Ġesù qallu grazzi. Meta aħna nagħmlu t-tajjeb, inkunu qed ngħinu lil Ġesù u nagħmluh ferħan.
  • It-tajjeb li nagħmlu, jasal għand l-oħrajn, u jibdew iħobbu lil Ġesù. Il-ħajja tagħna tkun rigal sabiħ il-ħin kollu.
  • Meta naraw lil Ġesù fil-Ġimgħa l-Kbira, inħarsu lejh kif ħares lejh l-għasfur: iddispjaċih għalih, urieh li jħobbu, u għamel li seta’ ħalli jgħinu.

Rakkuntata għat-tfal minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.