Sinfonija mhux mitmuma


Huma ħafna l-kompożituri li ħallew biċċiet ta’ mużika li għal xi raġuni huma kkunsidrati bħala mhux kompluti jew mhux mitmuma. Fost l-oħrajn hemm it-Tmien Sinfonija ta’ Franz Schubert, li kiteb fl-1822 imma ma ndaqqitx qabel l-1865, ħafna wara l-mewt ta’ Schubert. Minn xi sketches jidher li din il-biċċa mużika kellha tkun ta’ erba’ movimenti. Instabu żewġ movimenti kompluti fl-arkivji tal-orkestra fejn kien bagħathom Schubert u l-istoriċi tal-mużika waslu biex jagħtu forma lil din il-kompożizzjoni li baqgħet waħda mill-aqwa ta’ Schubert.

descouvemont-pierre-200-200-cKont smajt fuq ir-radju dwar surmast Malti li l-marċ li beda kellu jkomplih ħaddieħor, u l-isem tal-marċ mingħalija li jindika dan il-fatt. Ftakart x’hemm miktub dwar sinfonija oħra mhux mitmuma, kif hemm fil-ktieb dwar Santa Teresa tal-Bambin Ġesu’, Tereża, xi sigriet tal-ferħ tagħha, miktub minn Fr Pierre Descouvemont.

Is-sinfonija hi int u jien għax aħna wkoll nistgħu nqabblu lilna nfusna ma’ sinfonija mhux kompluta. Il-mard, in-nuqqas ta’ komprensjoni mill-oħrajn, il-waqgħat tagħna, id-dnubiet tagħna u finalment il-mewt tagħna ma jħalluniex indoqqu s-sinfonija kif tkun imfassla għalina. Imma x’jimporta? Alla jitlobna preċiżament li nittamaw li xi darba Hu kapaċi jibdel, f’Alleluia eterna, is-sinfonija ta’ ħajjitna, sinfonija fejn in-noti stunati qegħdin hemm, fejn ix-xewqat tawlu ħafna żmien, fejn is-silenzji ma kienux dejjem irrispettati. Ta’ min jgħid li fil-mużika hemm dawk li jissejhu pawsiet, fejn il-mużikant irid jiskot u jistenna. L-importanti imma hu li waqt is- sinfonija li għamilna ħilitna biex ndoqqu konna bħala tifel żgħir taħt il-ħarsa mimlija stagħġib u mħabba ta’ missieru.

Fil-mużika hemm ukoll sinjali li jagħtu l-kulur u l-espressjoni u li jindikaw jekk għandhiex tindaqq bil-mod jew bil-għaġla. Dawn is-sinjali jkunu bit-Taljan. Is-sinfonija tagħna, għalkemm mhux kompluta, irridu ndoqquha bil-moviment non troppo presto, jew moderato, jiġifieri b’mod li ma ngħaġġlux iktar millli qed jistenna s-surmast divin ta’ l- orkestra. Naraw jekk għandniex nużaw il-kwalita’ ta’ piano, forte jew fortissimo. Hu Alla li qed jidderiegi lid-diversi mużiċisti flimkien. Hu għandu quddiemu l-partitura tal-mużika ta’ kull strument tal-orkestra biex jara fejn għandhom jidħlu fil-biċċ mużika li tkun. Għandu f’idejh il-partitura oriġinali u jagħder lil min joħroġ xi ftit minnha, jibqa’ lura jew jistona. L-aqwa hu li s-sinfonija tindaqq con cuore, bil-qalb kollha tagħna.

Nissuġġerixxi li din il-ġimgħa nisimgħu din il-mużika tassew sabiħa, Gabriel’s Oboe, mill-film The Mission.

Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.