Il-Papa f’Santa Marta: Nitlob għall-ispiżjara: huma wkoll jaħdmu sfiq biex jgħinu lill-morda jeħilsu mill-mard tagħhom


Il-Ħamis, 16 ta’ April 2020: Dal-ġranet ċanfruni għax insejt nirringrazzja grupp ta’ persuni li għadu jaħdem ukoll.  Irringrazzjajt lit-tobba, lill-infermieri, lill-volonatrji…. “Imma int insejt lill-ispiżjara”: huma wkoll jaħdmu sfiq biex jgħinu lill-morda jeħilsu mill-mard tagħhom.  Nitolbu għalihom ukoll.

Omelija

F’dal-jiem, f’Ġerusalemm, in-nies kienu qed iġarrbu ħafna sentimenti: biża’, stagħġib, dubji. “F’dak iż-żmien, waqt li r-raġel il-magħtub kien imqabbad ma’ Pietru u Ġwanni, in-nies, mistagħġba għall-aħħar….” (Atti 3,11): l-ambjent mhux kalm għax kienu qed jiġru affarijiet li ma jinftehemux.  Il-Mulej mar għand id-dixxipli tiegħu.  Huma wkoll kienu jafu li diġà qam, Pietru wkoll kien jaf għax kien tkellem miegħu dakinhar filgħodu.  Dawn it-tnejn li reġgħu lura minn Għemmaws kienu jafu, iżda meta deherilhom il-Mulej, beżgħu.  “Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma” (Lq 24,37); kienu għaddew mill-istess esperjenza fuq l-għadira, meta Ġesù resaq lejhom miexi fuq l-ilma.  Imma dak iż-żmien Pietru rabba l-kuraġġ, fada fil-Mulej, u qal: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (cfr Mt 14,28).  Illum Pietru baqa’ sieket, kien  tkellem mal-Mulej dakinhar filgħodu, u ħadd ma jaf x’qalu lil xulxin, għalhekk baqa’ fommu sieket.  Imma tant kienu beżgħanin, mifxulin, ħasbu li kienu qed jaraw xi fantażma.  U Hu jgħid: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja….”, jurihom il-pjagi (cfr Lq 24,38-39).  Dak it-teżor li Ġesù ħa miegħu fis-Sema biex jurih lill-Missier meta jidħol għalina.  “Missuni u araw: l-ispirtu m’għadux laħam u għadam”.  Imbagħad hemm sentenza li lili tfarraġni bla qies u għalhekk, dal-pass tal-Evanġelju hu wieħed mill-favoriti tiegħi: “Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu….” (cfr Lq 24, 41), għadhom mimlijin stgħaġib, il-ferħ ma ħallihomx jemmnu.  Tant kien kbir il-ferħ tagħhom illi ….. “le, dan ma jistax hu minnu.  Dal-ferħ mhux reali, hu ferħ kbir wisq”.  U dan xekklilkom twemminhom.  Il-ferħ.  Il-mumenti ta’ ferħ kbir.  Kienu mimlijin b’ferħ kbir li pparaliżżahom.  Il-ferħ hu wieħed mis-sentimenti xewqanin li kellu Pawlu lejn niesu f’Ruma: “U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem” (cfr Rum 15,13), jgħidilhom.  Timtela bil-ferħ, tkun mimli ferħ.  Hija l-esperjenza tal-għola faraġ, meta l-Mulej ifehemna li din hi xi ħaġa differenti milli tkun allegru, pożittiv, mimli entużjażmu….. Le, hi xi ħaġa oħra.  Tkun hieni…. imma mimli ferħ, ferħ bla qies li jaħkmek bis-serjetà.  U għadaqstant Pawlu lir-Rumani jawguralhom: “Alla tat-tama jimlikom ilkoll bil-ferħ u s-sliem”.

U dik il-kelma, dik is-sentenza, mimlijin bil-ferħ, tittenna tant u tant drabi.  Per eżempju, fil-ħabs meta Pawlu salva l-ħajja tal-għassies li kien se jagħmel suwiċidju għax infetħu l-bibien minħabba t-terremot u mbagħad iħabbarlu l-Evanġelju, jgħammdu, u l-Bibbja tgħid li l-għassies kien “mimli ferħ”, għax emmen (Atti 16,29-34).  L-istess  ġara f’Kandaċi mal-ewnuku.  Meta Filippu għammdu, dan għeb, iżda l-ewnuku kompla triqtu “kollu ferħan” (cfr Atti 8,39).  L-istess ġara f’jum it-Tlugħ fis-Sema: id-dixxipli reġgħu lura lejn Ġerusalemm”mimlijin ferħ” (cfr Atti 24,52-53).  Hi l-milja tal-faraġ, il-milja tal-preżenza tal-Mulej.  Għax kif jgħid Pawlu lill-Galatin: “Il-ferħ hu frott tal-Ispirtu s-Santu” (cfr Gal 5,22), mhux konsegwenza tal-emozzjonijiet li jitqanqlu minħabba xi ġrajja meraviljuża….  Le, hu aktar minn hekk.  Dal-ferħ, il-ferħ li jimliena, hu frott tal-Ispirtu s-Santu.  Mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikollna dal-ferħ.  Hija grazzja li aħna nirċievu l-ferħ mill-Ispirtu.  Jiġuni f’moħħi l-aħħar siltiet, l-aħħar paragrafi tal-Eżortazzjoni Evangelii nuntiandi ta’ Pawlu VI (cfr 79-80), meta jitkellem dwar l-insara hienja, dwar l-evanġeliżżaturi hienja u mhux dawk li jgħixu dejjem bil-geddum.  Illum hu jum tajjeb biex naqrawh. Mimlijin ferħ.  Dan tgħid il-Bibbja: “imma minħabba l-ferħ ma setgħux jemmnu…”, kienu ħafna li ma setgħux jemmnu.  Hemm pass fil-Ktieb ta’ Neħemija li jgħinna f’dir-riflessjni dwar il-ferħ.  Il-poplu li reġa’ lura lejn Ġerusalemm sab mill-ġdid il-ktieb tal-Liġi, instab mill-ġdid – għax huma kienu jafu l-liġi bl-amment, il-ktieb tal-Liġi ma kienux qed isibuh – għamlu festa kbira u l-poplu kollu nġabar biex jisma’ lill-qassis Esdra li beda jaqra l-ktieb tal-Liġi.  Il-poplu mqanqal beda jibki, jibki bil-ferħ, il-biki…  Fl-aħħar, meta l-qassis Esdra temm il-qari, Neħemija qal lill-poplu: “Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!” Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi, għax il-Mulej hu l-qawwa tagħkom” (cfr Neħ 8,1-12).  Dil-kelma mill-ktieb ta’ Neħemija llum tgħinna.  Il-qawwa kbira li għandna biex nibdlu, biex nipprietkaw l-Evanġelju, biex nimxu ‘l quddiem bħala xhieda tal-ħajja huwa l-ferħ tal-Mulej li hu frott tal-Ispirtu s-Santu, u llum nitolbuh li jtina dan il-frott.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.