Il-Ġimgħa, 17 ta’ April 2020: Illum nixtieq li nitolbu għan-nisa li qed jistennew tarbija, in-nisa tqal li se jsiru ommijiet u huma mħassbin, preokkupati. Mistoqsija: “F’liema kwalità ta’ dinja se jgħix/tgħix, ibni/binti?” Nitolbu għalihom biex il-Mulej itihom il-kuraġġ li jkomplu bit-tqala bil-fiduċja li żgur se tkun dinja differenti imma dejjem se tibqa’ dinja maħbuba ħafna mill-Mulej.
Omelija
“Il-familjarità mal-Mulej”
Id-dixxipli kienu sajjieda: Ġesù kien sejħilhom propju minn fuq il-lant tax-xogħol. Indrì u Pietru kienu qed isewwu x-xbiek. Ħallew kollox u marru wara Ġesù (cfr Mt 18-20). Is-sejħa saritilhom propju fil-mestjier tagħhom ta’ sajjieda. Il-pass tal-Evanġelju tal-lum, dal-miraklu tas-sajda mirakoluża jressqilna ħsiebna lejn sajda mirakoluża oħra li jirrakkonta Luqa (cfr Lq 5,1-11): hemmhekk ġara l-istess. Kellhom qabda ħut meta huma ħasbu li ma qabdu xejn. Wara l-prietka, Ġesù qalilhom biex jaqdfu ‘l barra. “imma ilna nistadu l-lejl kollu u ma qbadna xejn!” – “Morru”. Pietru afda fil-kelma tal-Mulej u qal “inkala x-xbiek”. Tant kienet kbira l-qabda – jgħidilna l-Evanġelju – li baqgħu mistgħaġbin (cfr Lq 5,9), b’dak il-miraklu. Illum f’dis-sajda ma jissemmiex l-istagħġib. Hemm xi ħaġa naturali, jidher li kien hemm progress, mixja fl-għarfien tal-Mulej, fl-intimità mal-Mulej: jien ngħid il-kelma eżatta: fil-familjarità mal-Mulej. Meta Ġwanni ra dan, qal lil Pietru: “Dan hu l-Mulej, u Pietru xedd libsa u ntefa’ fl-ilma biex imur għand il-Mulej (cfr Ġw 21,7). L-ewwel darba kien niżel għarkuptejh quddiem u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb” (cfr Lq 5,8). Did-darba ma jgħid xejn, imġiebtu hi aktar naturali. Ħadd ma saqsa: “Min int?”. Għarfu li kien il-Mulej. Il-familjarità tal-appostli mal-Mulej kienet issaħħet.
Aħna l-insara wkoll, fil-mixja tal-ħajja, ninsabu f’dan l-stat ta’ mixi, fit-tisħiħ tal-familjarità tagħna mal-Mulej. Nista’ ngħid ftit jew wisq “dħuli”, imma “dħuli” għax jimxi magħna, aħna nafu li Hu. Hawnhekk ħadd ma saqsih: “Min int?”, kienu jafu li kien il-Mulej. Familjarità mal-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum hija karatteristika tan-nisrani. U żgur li kienu kielu miegħu, bil-ħut u l-ħobż, tkellmu dwar ħafna affarijiet bin-naturalezza.
Dil-familjarità tal-insara mal-Mulej hi dejjem komunitarja. Iva, hija intima, hija personali, imma fi ħdan komunità. Familjarità mingħajr komunità, familjarità mingħajr il-Ħobż, familjarità mingħajr il-Knisja, mingħajr il-poplu, mingħajr is-sagramenti, hija perikoluża. Tista’ ssir familjarità – biex ngħidu hekk – njostika, familjarità għalija waħdi, maqtugħa mill-poplu t’Alla. Il-familjarità tal-appostli mal-Mulej dejjem kienet komunitarja, dejjem madwar il-mejda, sinjal tal-komunità. Dejjem kellha magħha s-Sagrament, il-Ħobż.
Qed ngħid dan għax xi ħadd għeni nirrifletti dwar il-periklu li qed ngħixu fih bħalissa, dil-pandemija li wasslet lil kulħadd ‘jitqarben’ anki reliġjożament, permezz tal-medja, permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, f’dil-quddiesa wkoll aħna qed nikkomunikaw ma’ xulxin, imma mhux flimkien, flimkien spiritwalment. Il-poplu huwa ċkejken. Hemm poplu kbir: qiegħdin flimkien, imma mhux flimkien. Is-Sagrament ukoll: illum għandkom, l-Ewkaristija, imma n-nies magħqudin magħna, f’komunjoni spiritwali biss. U din mhix il-Knisja: din hi Knisja f’sitwazzjoni diffiċli, li qed jippermetti l-Mulej, imma l-ideal tal-Knisja dejjem hu flimkien mal-poplu u mas-sagramenti. Dejjem.
Qabel l-Għid, meta ħarġet l-aħbar li kelli niċċelebra l-Għid fil-bażilika ta’ San Pietru vojta, kitibli isqof – isqof bravu – u ċanfarni. “Kif inhi din, San Pietru kbira tant, għax ma jkunx hemm imqar 30 persuna biex jidhru ftit nies?” Jien ħsibt: “Imma dan x’għaddej minn moħħu biex qed ikellimni hekk?” Dak il-ħin ma fhimtx. Imma peress li hu isqof bravu, qrib ħafna tal-poplu, irid jgħidli xi ħaġa. Meta niltaqa’ miegħu insaqsih. Imbagħad fhimt. Hu kien qed jgħidli: “Oqgħod attent li l-Knisja ma ssirx virtwali, li s-sagramenti ma jsirux virtwali, biex il-poplu t’Alla ma jsirx virtwali. Il-Knisja, is-sagramenti, il-poplu t’Alla huma konkreti. Minnu li bħalissa dil-familjarità mal-Mulej qed nistqarruha b’dal-mod, imma biex inkunu nistgħu noħorġu mill-mina mhux biex neħlu fiha.
Din hi l-familjarità tal-appostli: mhux njostika, mhux virtwali, mhux egoista, kulħadd għal rasu, imma familjarità konkreta, fil-poplu. Il-familjarità konkreta mal-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum, il-familjarità mal-Mulej fis-sagramenti, fost il-poplu t’Alla. Huma għamlu mixja ta’ maturità fil-familjarità mal-Mulej: nitgħallmu nagħmluha aħna wkoll. Sa’ mill-ewwel mument dawn fehmu li dik il-familjarità kienet differenti minn dak li kienu jimmaġinaw, u waslu hawn. Kien jafu li kien il-Mulej, kienu jaqsmu kollox flimkien: il-komunità, is-sagramenti, il-Mulej, il-paċi, il-festa.
Jalla l-Mulej jgħallimna din l-intimità miegħu, dil-familjarità miegħu imma fil-Knisja, bis-sagramenti, flimkien mal-poplu fidil ta’ Alla.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.