L-Għemejjel tal-Qawmien mill-Imwiet

Print Friendly, PDF & Email

Bħalissa bdejna ż-żmien tal-Għid. Jiġifieri ż-żmien fejn Kristu Rxoxt, Kristu Mqajjem minn bejn l-Imwiet, qiegħed idur magħna. Issa, dan Kristu, qiegħed idur magħna mhux biex jispijja. U, wisq anqas, biex jittrombja tafux! U hekk l-uffiċċju tiegħU tal-informazzjoni tassew li jkun mitmugħ fuq li mitmugħ! Le! Imma Kristu qiegħed idur magħna biex, bi mħabbtu li ma taqta’ qatt għalina, jerbaħna għas-Saltna tad-Dawl li għaliha hu jappartjeni. Għax Hu stess qal: Jiena d-Dawl tad-dinja (Ġw 8:12).

Sabiħa din is-sentenza hux tassew! U, biex tridni ngħidilkom, qatt ma kelli l-grazzja jew aħjar ftaħt tabilħaqq qalbi għall-grazzja, sabiex nidħol daħla fiha sewwa. U kif tassew li jixirqilha! Imma, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar iva l-Mulej qed jagħtini l-grazzja li nara aktar fil-fond il-profondità tal-għemejjel. Kemm tassew tolqotni s-silta mill-Ittra lir-Rumani meta titħaddet fuq kemm aħna l-Insara għandna, tassew, inqumu min-nagħas tagħna, jiġifieri minn dak in-nagħas tal-ħażen tagħna, meta tgħidilna mingħajr tlaqliq:

Barra minn dan, intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu (Rum 13:11-14)

L-għemejjel tad-dlam li minnhom qed jitħaddet l-appostlu, f’kelma waħda l-ikel iż-żejjed, is-sokor, iż-żína, it-tbaħrid, il-ġlied u l-għira żgur li lanqas joqogħdu ħdejn is-suba’ iż-żgħir tal-għemejjel tad-dawl. Fil-fatt, dawn l-għemejjel jġibu qerda mill-kbar nett. Għax, dawn l-għemejjel, qatt m’huma difiża tagħna personali iżda huma l-istess armi li bihom nagħmlu ħsara u noqtlu, l-ewwel nett, lilna nfusna. Jew bil-mod inkella f’ħakka t’għajn. Barra minhekk, dawn l-għemejjel jġibu ħsara mill-aktar kbira għal dawk ta’ madwarna. Għax, kif jgħid tajjeb l-appostlu Pawlu, huma għemejjel tad-dlam. Idallmulna ‘l moħħna, ‘il qalbna, l-emozzjonijiet u, saħansitra, lill-ispirtu tagħna. Dawn l-għemejjel jagħmluna mhux bnedmin imma kukkudrilli li jqattgħu lil kull min iħokk magħhom! Mela, u naħseb li taħsbu bħali, dawn l-għemejjel żgur li m’għandniex xi rriduhom! Għax prezzhom u l-qerda tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna!

Minn naħa l-oħra jeżiżtu għemejjel li tassew huma tad-dawl. U, dawn huma tad-dawl għax min wettaqhom l-ewwel, Ġesù Kristu, huwa stess hu d-Dawl tad-dinja (ara Ġw 8:12). Għalhekk, la Ġesù kien l-ewwel li wettaqhom dawn l-għemejjel żgur li huma qaddisin ġaladarba għamilhom Dak stess li Hu l-Qaddis, u li hu nnifsu stqarr fuq il-muntanja Ħoreb: JIEN LI JIEN (Eż 3:14).

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jkellimna fuqhom f’numru 2447 meta jgħidilna u jgħallimna: “L-għemejjel tal-ħniena huma għemejjel ta’ mħabba li bihom aħna ngħinu l-proxxmu tagħna fil-ħtiġijiet materjali u spiritwali tiegħu (ara Is 58,6-7; Lh 13,3). Tgħallem, tagħti parir, tfarraġ, tqawwi l-qalb huma għemejjel ta’ ħniena spiritwali bħalma huma l-maħfra u s-sabar bl-oħrajn. L-għemejjel tal-ħniena korporali huma l-aktar li titma’ lil min hu bil-ġuħ, tipprovdi kenn għal min ma għandux dar, tlibbes lil min hu għeri, iżżur il-morda u dawk fil-ħabs, u tidfen il-mejtin (ara Mt 25,31-46). Fost dan l-għemil kollu, il-karità lill-foqra (ara Tob 4,5-11; Sir 17,22) hi xhieda mill-aqwa ta’ l-imħabba għall-aħwa: hi wkoll att ta’ ġustizzja li togħġob lil Alla (ara Mt 6,2-4)”.

U għaliex dawn l-għemejjel huma l-għemejjel tad-dawl? L-għaliex għalihom Ġesù kien qed jgħid: Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:16). Għax huma tassew dawn l-għemejjel li jagħtu glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet. Ir-raġuni hi sempliċi: Għax kienu sewwasew dawn l-istess għemejjel li Ġesù kien iwettaq hawn f’nofsna, meta kien magħna. Proprju għal dawn Pietru jirreferi fid-diskors tiegħu meta jgħid: Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm (Atti 10:37-39).

Għax f’liema parti mill-vanġelu ma nsibux li Ġesù għallem, ta pariri, farraġ, qawwa l-qlub, ħafer u wera sabar kbir lejn min ma kienx jaħmlu jarah pinġut? U f’liema parti tal-vanġelu Ġesù ma weriex il-qalb taħraq li kellu bil-kompassjoni lejn min kien qed ibati meta tema’ lil min hu bil-ġuħ, seqa’ lil min kien bil-għatx, libbes lil għeri, laqa’ għandu lil min kien barrani, żar il-morda u fejjaqhom, fejjaq il-qlub u l-erwieħ tal-ħabsin u, saħansitra, żar u qajjem il-mejtin? Kinitx l-istess preżenza tiegħu xhieda qawwija ta’ karità u mħabba mill-aktar għolja? Kinitx il-preżenza tiegħu tassew ta’ tpaxxija għall-Missieru u Missierna tas-Sema?

Huma dawn l-għemejjel, l-għemejjel tal-Qawmien mill-Imwiet, li lili u lilek jagħtuna t-tama! L-imħabba! Il-ferħ! U l-fejqan ta’ Ġesù! Għax, meta bil-grazzja tal-Mulej inwettquhom, inkunu qiegħdin insaħħu lil Ġesù stess fil-proxxmu tagħna! U, meta nagħmlu dan, inkunu tassew aħna li qed inħalluh isaħħaħna permezz ta’ ħutna l-bnedmin. Għax min iħobb bl-imħabba ta’ Ġesù jirbaħ iva l-akbar żewġ għedewwa li hemm dejjem lesti għalih: id-dnub u l-mewt!

L-opri tal-ħniena huma għalhekk l-opri tal-Qawmien mill-Imwiet mid-dnub u l-mewt għall-ħajja ta’ dejjem fl-imħabba ta’ Kristu!

Patri Mario Attard OFM Cap

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: