Il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2020: Illum nitolbu għall-għalliema li jaħdmu sfiq biex jagħmlu l-lezzjonijiet bl-internet u mezzi medjatiċi oħra u nitolbu wkoll għall-istudenti li se jersqu għall-eżamijiet b’mod li mhumiex imdorrijin bih. Nakkumpanjawhom bit-talb tagħna.
Omelija – Kristu jifforma l-qalb tar-rgħajja biex ikunu qrib il-poplu t’Alla
Is-sentenza ta’ dis-silta tal-Evanġelju ġġagħalna naħsbu: ‘Qallu hekk biex jippruvah għaliex Hu kien jaf x’sejjer jagħmel’ (Ġw. 6, 6). Dan kellu f’moħħu Ġesù meta lil Filippu qallu: ‘Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?’ (Ġw. 6, 5). Imma qallu hekk biex jippruvah. Hu kien jaf. Hawnhekk naraw l-atteġġjament ta’ Ġesù mal-appostli. Il-ħin kollu kien iġarrabhom biex jgħallimhom, u meta huma kienu jkunu mbegħdin minn dak li kellhom dmir jagħmlu, kien iwaqqafhom u jgħallimhom. L-Evanġelju mimli b’dawn il-ġesti ta’ Ġesù bil-għan li lid-dixxipli jsaħħaħhom ħalli jsiru rgħajja tal-poplu t’Alla, f’dal-każ, isqfijiet: rgħajja tal-poplu t’Alla.
Ħaġa li Ġesù kien iħobb l-aktar kienet li jkun mal-folla għax dan ukoll hu simbolu tal-universalità tar-redenzjoni. U waħda mill-affarijiet li l-aktar ma kinitx togħġob lill-appostli kienet il-folla għax huma kienu jħobbu jkunu qrib il-Mulej, jisimgħuh, jisimgħu dak kollu li l-Mulej kien jgħid. Dakinhar kienu marru hemmhekk biex jgħaddu ġurnata mistrieħ – jgħidu l-verżjonijiet l-oħra tal-Evanġelji, għax l-erbgħa li huma jitkellmu dwar (dal-miraklu)… forsi kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn sar it-tkattir tal-ħobż. Kienu ġejjin lura minn missjoni u l-Mulej qalilhom: ‘Ejjew immorru nistrieħu ftit’ (cfr. Mt. 6, 31) u marru hemmhekk. In-nies indunaw fejn kienu sejrin bil-baħar, daru max-xatt u qagħdu jistennewhom hemm. U d-dixxipli tnikktu għax il-folla kienet irvinatilhom il-mistrieħ ‘tal-għada tal-Għid’ (pasquetta): u huma ma setgħux jgħaddu dil-festa flimkien mal-Mulej. Minkejja dan, Ġesù beda jgħallem. Huma kienu jisimgħu, u mbagħad bdew jitħaddtu bejniethom… u għaddew is-sigħat, is-sigħat twal, u Ġesù kien għadu jkellem lill-folla hienja. U huma bdew jgħidu: ‘Il-festa tħassritilna, il-mistrieħ tagħna rvinat.’
Imma l-Mulej kien qiegħed ifittex il-qrubija man-nies u kien jipprova jifforma l-qlub tar-rgħajja biex dawn ikunu qrib tal-poplu t’Alla biex jaqduh. U huma – dan nifhmuh – iħossuhom ‘magħżulin’: kienu jħossuhom qishom klikka privileġġjata, klassi privileġġjata, ‘aristokrazija’, biex ngħidu hekk, qrib il-Mulej. U ħafna drabi l-Mulej kien jagħmel ġesti biex jikkoreġihom. Per eżempju, niftakru fl-episodju tat-tfal. Huma kienu qed jindukraw lill-Mulej: ‘Le, le, le, tħallux lit-tfal jersqu qribu, għax jagħtuh fastidju, jifxluh… Le, it-tfal mal-ġenituri.’ U Ġesù: ‘Ħallu t-tfal jiġu għandi’ (cfr. Mt. 10, 13-16). Huma ma setgħux jifhmu. Fehmu aktar tard.
Imbagħad qed tiġini f’moħħi t-triq lejn Ġeriko, dak ir-raġel li beda jgħajjat: ‘Ġesù Bin David, ikollok ħniena minni’ (Lq. 18, 38). U dawn: ‘Iskot, agħlaq ħalqek għax għaddej il-Mulej, tiffittahx.’ U Ġesù jgħid: ‘Min hu dak? Għidulu jersaq’ (cfr. 18, 35-43). Għal darb’oħra l-Mulej kien qed jgħallimhom il-qrubija lejn il-poplu t’Alla. Minnu li l-poplu t’Alla lir-ragħaj jgħejjih: meta r-ragħaj ikun tajjeb is-sitwazzjonijiet joktru għax in-nies dejjem imorru għand ragħaj tajjeb għal ħaġa jew oħra.
Darba, kappillan bravu ħafna fi kwartier sempliċi, umli, fid-djoċesi tiegħi, kellu l-kurja tiegħu dar normali, bħall-oħrajn. U n-nies kienet tħabbatlu fuq il-bieb jew fuq it-tieqa kull ħin tal-ġurnata… u darba qalli: ‘Tiġini ħajra nimbarra l-bieb u t-tieqa biex iħalluni nistrieħ.’ Imma hu kien konxju li hu ragħaj u dmiru kien li jkun man-nies! U Ġesù jifforma, jgħallem lid-dixxipli, lill-appostli, dan l-atteġġjament pastorali: il-qrubija lejn il-poplu t’Alla. Il-poplu t’Alla jgħejjik għax dejjem jitlob affarijiet konkreti. Dejjem jitolbok xi ħaġa konkreta, forsi żbaljata, imma jitolbok affarijiet konkreti. Dawn l-affarijiet ir-ragħaj għandu jieħu ħsiebhom.
Il-verżjonijiet ta’ dan l-episodju tal-evanġelisti l-oħra juruna li kienu għaddew is-sigħat u n-nies kien misshom telqu għax beda jidlam… u (d-dixxipli) jgħidu hekk: ‘Ibgħathom biex imorru jixtru x’jieklu,’ proprju fil-ħin tad-dlam, meta beda jidlam… (cfr. Lq. 9,12-13). Imma x’kellhom f’moħħhom? Tal-anqas jiċċelebraw ftit il-festa bejniethom… dak l-egoiżmu li mhuwiex ħażen, imma jinftiehem: li jibqgħu mar-ragħaj, jibqgħu ma’ Ġesù li hu r-ragħaj il-kbir. U Ġesù jwieġeb, biex jippruvahom: ‘Tuhom intom x’jieklu’ (cfr. v. 13).
Dan irid jgħid Ġesù llum lir-rgħajja kollha: ‘Tuhom intom x’jieklu.’ ‘Imħassbin? Tuhom intom il-faraġ.’ ‘Mitlufin? Tuhom triq mnejn joħorġu.’ ‘Żbaljati? Tuhom l-għajnuna biex isolvu l-problemi…’ ‘Tuhom intom, tuhom intom…’ U l-imsejken appostlu jħoss li għandu jagħti u jibqa’ jagħti… Imma mingħand min jirċievi? Ġesù jgħallimna: mill-istess li minnu kien jirċievi Hu. Wara dal-fatt jibgħat lill-appostli u jmur jitlob għand il-Missier: mit-talb.
Din il-qrubija doppja tar-ragħaj hi dik li Ġesù jipprova jfiehem lill-appostli biex isiru rgħajja kbar. Imma ħafna drabi l-folla tiżbalja, u hawnhekk żbaljat, mhux hekk? ‘Meta n-nies raw is-sinjali li kien qed jagħmel, bdew jgħidu: ‘Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!’. Imma Ġesù meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet’ (Ġw. 6, 14-15). Forsi, forsi – imma dan ma nsibuhx fl-Evanġelju – xi ħadd mill-appostli għaddielu minn rasu: ‘Imma Mulej, ejja napprofittaw ruħna minn dan u niksbu s-setgħa.’ Tentazzjoni oħra. U Ġesù jurihom li t-triq mhix dik. Is-setgħa tar-ragħaj hi l-qadi: m’għandu ebda setgħa oħra. U meta jiżbalja u jikseb xi setgħa oħra, jirvina l-vokazzjoni u jsir – ma nafx – maniġer ta’ ditta pastorali, imma mhux ragħaj. L-istruttura ma tagħmilx il-pastorali: il-pastorali tagħmilha biss il-qalb tar-ragħaj. U l-qalb tar-ragħaj hi dik li qed jgħallimna Ġesù.
Illum nitolbu lill-Mulej għar-rgħajja tal-Knisja biex il-Mulej jibqa’ jkellimhom dejjem, għax iħobbhom bla qies: ikellimna dejjem, jgħidilna kif inhuma l-affarijiet, jispjegalna kif inhuma l-affarijiet, jispjegalna u, fuq kollox, jgħallimna biex ma nibżgħux mill-poplu t’Alla, biex ma nibżgħux inkunu qribu.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.