Nimxu lejn Għemmaws – 3

Print Friendly, PDF & Email

Luqa 24, 28-32: IL-QSIM TAL-ĦOBŻ – KRISTU ĦAJ FOSTNA

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu qegħdin hu għamel ta’ bir-ruħu li se jibqa’ sejjer ‘il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu. “Ibqa magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa”. Imbagħad daħal joqgħod magħhom. Waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobz, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda Hu kien għeb minn quddiemhom.

Waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom.

Il-kelma t’Alla ssir dawl li tagħti sens lill-ġranet tagħna. Kuljum niskopru lill-Mulej ħdejna, ħaj fil-ħajja tagħna, għajnuna għall-waqtiet ta’ nċertezza, faraġ fil-biki tagħna, tama għall-istennijiet tagħna. Il-Mulej joqgħod bil-qiegħda fuq il-mejda ta’ ħajjitna biex itaffilna l-ġugħ bih stess. Biex ikun ħobż ifuħ li jferrah lill-aħwa x’ħin jiekluh. Għajnejn id-dixxipli għarfu l-Mulej, li qam mill-mewt, meta Hu għeb minn quddiem għajnejhom, imma daħal ġo qalbhom, għax l-Ewkaristija hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ittrasfurmata fi Kristu. Tajjeb li ngħixu aktar l-atteġġjamenti Ewkaristiċi,… ta’ radd il-ħajr, ta’ offerta, ta’ komunjoni. Inkunu ħaga waħda, nirċievu u nagħtu l-maħfra, inkunu għaqda waħda ma’ ħutna, ngħixu l-missjoni li l-Mulej afdalna.

Mulej, Inti l-ħobż li jtaffi l-ġugħ. Inti twieġeb għall-istediniet tagħna, toqgħod bil-qiegħda fuq il-mejda magħna. Inti l-ikel li jmantnina, il-ħobz abjad, ifuħ, mogħti għalina. Għajjixna bik; idħol fil-ħajja tagħna. Aħna nemmnu li inti ħaj f’dak kollu li aħna nagħmlu u f’dak kollu li aħna.

Ibqa’ fil-qrib

Magħna niħduk, ma’ ħbiebna ferħana,
Magħna niħduk, mat-toroq tal-ħajja.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħa ngħixu fil-hena flimkien.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħalli ngħixu fil-hena flimkien.

Minn Joe Galea

%d bloggers like this: