1. Ghalik min jien? Marta.

Jista’ jkun li aħna nqisu lin-nies tal-Vanġelu bħala personaġġi tal-imgħoddi. Mhumiex hekk, għax nistgħu niltaqgħu magħhom illum ukoll. Nibdew b’MARTA, oħt Lazzru u Marija.

marta

1 – MARTA

Min jaf kemm-il darba rajtni,
b’basket kbir f’idejja, mimli b’xirja ta’ żewġt ikliet.
Tgħid: “Dik il-mara tħobb tixtri, il-gost tagħha tifrex ikel bnin fuq il-mejda.
Tgħaddi l-ħin taqla t-tifħir għar-riħa tfuħ u t-togħma tajba tal-ikel.”
Mort żball.
Xejn ma jafuhuli.

Jiena miżżewġa u għandi tliet itfal.
Mill-aħjar, tfal tajba, tal-affari tagħhom.
Imma qed nghix ħajja ta’ eremitaġġ.
Żewġi jqum fil-ħamsa, imur jaħdem
u mad-dlam ta’ filgħaxija jiġi lura għajjien mejjet.
Kliem mill- inqas.

Naraw it-telivixin.
Fl-għaxra nkunu ġa’ reqdin.

Uliedi jaħdmu jew jistudjaw.
Kollox fis-skiet.
Dar ċimiterju.
Waqt l-ikel, kliem xejn.
Waqt l-aħbarijiet ma nitkellmux biex ma nitilfux xi kelma.

Nipprova nitkellem.
Ħlief “iva” u “le” ma nieħux.
Meta nkun waħdi d-dar, nirranġa jew insajjar,
naħseb fis-skiet.
Nibda nibża’ b’din is-sitwazzjoni.
Aħna nafu lil xulxin?

Jekk imqar ngħid: “Meta se tmur taqta’ xagħrek?”,
ikolli tweġiba goffa mit-tifel daqs il-kmand ta’ missieru.
Imbagħad ġimgħat miksurin, bla ma nlissnu kelma.

U jien,… nixtri, naħsel, insajjar,
bla grazzi,
bħal Marta tal-Vanġelu.

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.