It-tielet ħsieb u fuq persuna mill-Vanġelu li tista’ tkun waħda qrib tagħna: Marija Madalena. Kif ġibna ruħna ma’ nies bħalha?
3 – IL-MADALENA
Jiena noqgħod fit-triq tiegħek, ftit bibien ‘l isfel.
Inti qatt ma kellimtni
forsi għax tara deħlin għandi rġiel differenti.
Mhux irġiel bħal żewġek.
Dak tal-galbu.
Int ukoll, m’intix bħali.
Qatt ma rajtni dieħla l-knisja, nitqarben, inqerr.
Inti qatt ma ħajjartni.
Qatt ma ħadtni għand Patri li jifhimni.
Qatt ma ġbidtni biex nirfes l-għatba tal-knisja.
Min jaf kemm tgħidu fuqi!
Tkunu f’kantuniera, miġburin b’xi skuża,
fix-xirja ta’ filgħodu jew kif toħorgu mill-Quddies,
l-aktar meta jkun temp bnazzi.
Tħarsu lejja minn taħt il-għajn,
tinsew lit-ifel li qiegħed ħdejkom
tinsew li tridu ssajru u tnaddfu d-dar.
Tixtiequ tibqgħu hemm,
Thedew bija jew b’xi ħadd bħali.
Imma dwari inti tgħid dak li taf.
Ma tafx kollox.
Taf x’ġagħlni ma nkunx bħalkom?
Tafha l-istorja tiegħi?
Taf it-tajjeb li għamilt?
Taf b’ħajti ta’ qabel l-istorja t’issa?
U taf x’inhuma x-xewqat tiegħi?
Lili, li nfittex triqti fid-dlam,
inti qatt urejtni liema hi t-triq li għand nieħu.
Jien mara bħal ħafna oħrajn,
ulied id-dinja,
nisa bla ġieħ;
għidilna li trid,
għid bina kemm trid.
Għalik, jiena l-mara li ħabbet ħafna,
u li jista’ jinħafrilha ħafna.
Joe Galea