Il-Ħadd, 3 ta’ Mejju 2020: Tliet ġimgħat wara l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej, illum, il-Knisja, fir-raba’ Ħadd tal-Għid, tiċċelebra l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb. Dan ifakkarni fil-ħafna rgħajja li madwar id-dinja kollha jagħtu ħajjithom għall-fidili, anke matul din il-pandemija. Bosta u bosta. Hawn, fl-Italja, mietu aktar minn mija. Niftakar ukoll f’rgħajja oħra li jikkuraw lin-nies, it-tobba. Nitkellmu dwar it-tobba, dwar dak li jagħmlu, imma rridu nkunu konxji li fl-Italja biss 154 tilfu ħajjthom fil-qadi ta’ dmirhom. Jalla l-eżempju ta’ dawn ir-rgħajja saċerdoti u dawn it-tobba ‘rgħajja’ jgħinna nieħdu ħsieb il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.
Omelija – Il-manswetudni u t-tenerezza tar-Ragħaj it-Tajjeb
L-ewwel Ittra tal-Appostlu Pietru, li għadna kif smajna – hu waqt ta’ serenità – titkellem dwar Ġesù. Tgħid: ‘Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet, u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.’
Ġesù huwa r-ragħaj – hekk jarah Pietru – li ġie biex isalva, biex isalva lin-nagħaġ mitlufa: dawn huma aħna. U fis-Salm 22 li qrajna wara dan il-qari, tennejna: ‘Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni’ (v. 1). Il-preżenza tal-Mulej bħala ragħaj, bħala ragħaj tal-merħla. U fil-kapitlu 10 ta’ Ġwanni, li għadna kif qrajna, Ġesù jippreżenta ruħu bħala r-ragħaj. Anzi mhux biss ragħaj, imma ‘l-bieb’ li minnu nissieħbu mal-merħla (cfr. v. 8). Dawk kollha li ġew u li ma daħlux minn dak il-bieb, kienu ħallelin jew briganti jew riedu japprofittaw ruħhom mill-merħla: ir-rgħajja mistħajla. Fl-istorja tal-Knisja kien hemm ħafna minn dawn li sfruttaw il-merħla. L-interess tagħhom ma kienx il-merħla imma biss li jibnu karriera, inkella l-politika jew il-flus. Iżda l-merħla tagħrafhom, għarfithom minn dejjem, u kienet tmur tfittex lil Alla mit-toroq tiegħu.
Imma meta jkun hemm ragħaj tajjeb li jmexxi ’l quddiem, hemm il-merħla timxi ’l quddiem. Ir-ragħaj tajjeb jisma’ lill-merħla, jiggwida lill-merħla, jieħu ħsiebha. U l-merħla taf tagħżel bejn ir-rgħajja u ma tiżbaljax: il-merħla tafda fir-ragħaj tajjeb, tafda f’Ġesù. Hu biss ir-ragħaj li jixbah lil Ġesù li jnissel fiduċja fil-merħla, għaliex Huwa l-bieb. L-istil tar-ragħaj għandu jkun l-istil ta’ Ġesù, m’hemm ebda stil ieħor. Imma Ġesù wkoll, ir-ragħaj tajjeb, kif jgħid Pietru fl-ewwel qari: ‘bata għalikom u ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu: hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu, meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir, meta bata ma heddidx’ (1 Pt. 2, 21-23), kien manswet. Wieħed mis-sinjali tar-ragħaj it-tajjeb hu l-manswetudni. Il-manswetudni: ir-ragħaj it-tajjeb hu manswet. Ragħaj nieqes mill-manswetudni mhuwiex ragħaj tajjeb. Għandu xi ħaġa moħbija, għax il-manswetudni tidher kif inhi mingħajr ħtieġa li tiddefendi ruħha. Anzi, ir-ragħaj hu teneru, għandu dik it-tenerezza tal-qrubija, jaf lin-nagħaġ waħda waħda b’isimhom u jieħu ħsieb kull waħda minnhom qisha l-unika li għandu, tant illi, jekk meta jmur lura d-dar, wara ġurnata xogħol, għajjien, jinduna li għandu waħda nieqsa, jerġa’ joħroġ jaħdem mill-ġdid biex ifittixha, isibha, u jeħodha lura miegħu fuq spallejh (cfr. Lq. 15, 4-5). Dan hu r-ragħaj it-tajjeb, dan hu Ġesù, dan hu dak li jinsab magħna lkoll fil-mixja tal-ħajja. Din l-idea tar-ragħaj, din l-idea tal-merħla u tan-nagħaġ, hi idea paskwali. Fl-ewwel ġimgħa tal-Għid il-Knisja tkanta dak l-innu sabiħ għall-imgħammdin ġodda: ‘Dawn huma n-nagħaġ il-ġodda’, l-innu li smajna fil-bidu tal-quddiesa. Hi idea ta’ komunità, ta’ tenerezza, ta’ tjubija, ta’ manswetudni. Hija l-Knisja li trid lil Ġesù u Huwa jħares lil dil-Knisja.
Dan il-Ħadd hu wieħed sabiħ, Ħadd ta’ paċi, Ħadd ta’ tenerezza, ta’ manswetudni, għax ir-ragħaj tagħna qed jieħu ħsiebna. ‘Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni’ (Salm 22, 1).
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.