Il-Papa f’Santa Marta: Għal darba oħra nitolbu għall-artisti għax huma jgħinuna nifhmu s-sbuħija li mingħajrha ma nistgħux nifhmu s-sbuħija tal-Evanġelju


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2020: Ilbieraħ irċevejt ittra minn grupp ta’ artisti: fiha raddew ħajr talli tlabna għalihom. Nixtieq nitlob lill-Mulej iberikhom għax l-artisti jgħinuna nifhmu x’inhi s-sbuħija li mingħajrha ma nistgħux nifhmu s-sbuħija tal-Evanġelju. Nitolbu għall-artisti għal darb’oħra.

Omelija

Meta Pawlu kien mistieden biex jitkellem fis-sinagoga ta’ Antjokja biex jispjega din id-duttrina ġdida, jiġifieri biex jispjega lil Ġesù, iħabbar lil Ġesù, Pawlu jibda jitkellem dwar l-istorja tas-salvazzjoni (cfr. Atti 13, 13-21).  Pawlu qam bilwieqfa u beda jgħid: ‘Alla ta’ dan il-poplu ta’ Iżrael għażel lil missirijietna meta l-poplu kien jgħix f’art barranija, fl-Eġittu’ (Atti 13, 17)… u (rrakkonta) is-salvazzjoni kollha, l-istorja tas-salvazzjoni.  Qabel il-martirju Stiefnu għamel l-istess ħaġa (cfr. Atti 7, 1-45) u Pawlu wkoll (għamel l-istess), mill-ġdid.  L-istess jagħmel l-awtur tal-Ittra lil-Lhud meta jirrakkonta l-istorja ta’ Abram u ‘ta’ missirijietna kollha’ (cfr. Lhud 11, 1, 39).  Illum kantajna l-istess: ‘It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek’ (Salm 88, 2).  Għannejna l-istorja ta’ David: ‘Sibt lil David, qaddej tiegħi’ (v. 21).  Mattew (1, 1-14) u Luqa (3, 23-38) jagħmlu l-istess meta jibdew jitkellmu dwar Ġesù:  jitilqu mill-arblu tar-razza ta’ Ġesù.

X’hemm f’Ġesù?  Hemm storja.  Storja ta’ grazzja, storja ta’ ħatra, storja ta’ wegħda.  Il-Mulej għażel lil Abram u mexa mal-poplu tiegħu.  Fil-bidu tal-quddiesa, fit-talba tal-bidu, għidna: ‘Meta kont miexi, Mulej, quddiem il-poplu tiegħek, u kont tiftaħ it-triq u kont timxi mal-poplu, qrib il-poplu tiegħek’.  Hemm storja ta’ Alla flimkien mal-poplu tiegħu.  Għaldaqstant, meta Pawlu ntalab jispjega l-għala tal-fidi f’Ġesù Kristu, ma jibdiex minn Ġesù Kristu: jibda bl-istorja.  Il-kristjaneżmu hu duttrina, iva, imma mhux biss. Mhux biss dak li nemmnu aħna; huwa storja li fiha d-duttrina, li hi l-wegħda ta’ Alla, il-patt ta’ Alla, il-ħatra ta’ Alla.  Il-kristjaneżmu mhuwiex biss xi etika.  Iva, fih il-prinċipji morali, imma aħna m’aħniex Insara bil-viżjoni tal-etika biss.  Hu aktar minn hekk.  Il-kristjaneżmu  mhux ‘klassi privileġġjata’ ta’ nies magħżulin għall-verità.  Dan is-sens ‘elitista’ li jqabbad l-għeruq fil-Knisja, hux hekk?  Per eżempju, jien nifforma parti minn dik l-istituzzjoni, jien parti minn dal-moviment li hu aħjar minn tiegħek.  Dan hu sens ‘elitista’.  Il-kristjaneżmu mhux dan: il-kristjaneżmu hu sehem minn poplu magħżul minn Alla gratwitament.  Jekk aħna m’aħniex konxji ta’ dan, inkunu ‘insara ideoloġiċi’, b’duttrina li bilkemm tafferma l-verità, b’etika jew b’morali ‘elitista’.  Inħossuna sehem minn grupp magħżul minn Alla – l-Insara; l-oħrajn se jmorru l-infern jew, jekk isalvaw, ikun minħabba l-ħniena t’Alla, imma huma ‘l-iskartati’!  Jekk aħna m’aħniex konxji li aħna għandna sehem minn poplu, aħna m’aħniex Insara veri.

Għalhekk Pawlu jispjega lil Ġesù mill-bidu nett, mis-sehem minn poplu.  U ħafna drabi aħna naqgħu f’dal-preġudizzju, insiru dommatiċi, moralisti jew elitisti, mhux veru?  Is-sens elitista jagħmlilna ħafna ħsara għax nitilfu s-sens li aħna sehem mill-poplu fidil ta’ Alla, li Alla għażel lil Abram u wiegħed, il-wegħda l-kbira, Ġesù, u bagħtu bit-tama, għamel patt miegħu: konxji li aħna poplu.

Jolqotni dejjem dak li hemm fil-Ktieb tad-Dewteronomju – jidhirli li hu fil-kapitlu 26 – meta jgħid: ‘Darba fis-sena int tmur tagħti l-offerti tiegħek lill-Mulej, il-bikri, u meta ibnek isaqsik: ‘Imma, pà għax qed tagħmel dan?’, int ma tweġbux: ‘Għax Alla ppprovdielna’, le, imma: ‘Aħna konna lsira u l-Mulej ħelisna’’ (Dewt. 26, 1-11).  Rakkont tal-istorja.  Nittrasmettu l-istorja tas-salvazzjoni tagħna.  Fl-istess Ktieb tad-Dewteronomju l-Mulej jgħid: ‘Meta inti tasal fl-art li ma ksibtx, li ksibt jien għalik, u tiekol il-frott li ma żrajtx, u tgħammar fi djar li ma bnejtx, fil-ħin li tagħmel l-offerta,…’ Jirreċita l-famuż kredu Dewteronomiku:  ‘Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor, imbagħad niżel mill-Eġittu’ (Dewt. 26, 5).  Baqa’ hemm erba’ mitt sena, il-Mulej ħelsu, u baqa’ jmexxih.  Jgħanni l-istorja, il-memorja tal-poplu, li hu poplu.

U f’din l-istorja tal-poplu t’Alla, sal-wasla ta’ Ġesù Kristu, hemm bosta qaddisin, midinbin u bosta nies komuni, twajba, bil-virtujiet u bid-dnubiet, imma lkoll – il-famuża ‘folla’ li kienet tiġri wara Ġesù – kellha x-xamma tas-sehem tagħha mill-poplu.  Nisrani mistħajjel li m’għandux das-sens mhux nisrani veru; hu xi ftit partikolari, iħossu xi ftit ġustifikat mingħajr il-poplu.

L-appartenenza, is-sehem mill-poplu… ikollna l-memorja tal-poplu t’Alla.  Dan jgħallmu Pawlu, Stiefnu, għal darb’oħra Pawlu, l-appostli.  Hu l-parir tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud: ‘Ftakru fl-antenati tagħkom’, jiġifieri dawk li ġew qabilna f’dil-mixja tas-salvazzjoni.

Kieku xi ħadd jistaqsini:  Liema hi dik ix-xi ħaġa li lin-Nisrani toħorġu barra mit-triq, illum u dejjem, l-aktar ħaġa perikoluża għall-Insara?, bla tlaqliq inwieġeb: in-nuqqas ta’ memorja li huwa għandu sehem minn poplu.  Meta dan is-sens hu nieqes, jibdew id-dommatiżmi, il-moraliżmi, l-etiċiżmi, il-movimenti elitisti.  Ikun nieqes il-poplu.  Poplu midneb dejjem, ilkoll hekk aħna, imma li ġeneralment ma jiżbaljax, li għandu x-xamma li hu poplu maħtur, li miexi wara wegħda, u li għamel patt li forsi mhux se jwassal għat-temma, imma jaf.

Nitolbu lill-Mulej itina dil-kuxjenza ta’ poplu, li l-Madonna għanniet tant sabiħ fil-Magnificat, li Zakkarija għanna b’mod tant sabiħ fil-Benedictus, kantiċi li ngħannuhom kuljum, filgħodu u filgħaxija.  Kuxjenza ta’ poplu: aħna l-poplu qaddis ta’ Alla illi, kif jgħid il-Konċilju Vatikan I u mbagħad it-II, fis-sħuħija tiegħu għandu x-xamma tal-fidi u huwa infallibbli f’dal-mod ta’ twemmin.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.