Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Roża Venerini

Print Friendly, PDF & Email

Fis-7 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Roża Venerini, li għexet bejn is-snin 1656 sa 1728.

Twieldet f’Viterbo fejn missierha kien tabib. Meta kienet għadha tifla għamlet wegħda li ssir reliġjuża, iżda meta tfarfret bdiet tagħti l-lala għal ħafna ġibdiet kuntrarji u anki bdiet tipprepara biex tiżżewweġ. Iddeċidiet li twettaq il-wegħda ta’ tfulitha meta l-għarus tagħha miet għall-għarrieda.

Daħlet mas-sorijiet Dumnikani tal-istess belt meta kellha 17-il sena. Hi kellha tmur lura darha ftit xhur wara minħabba l-mewt ta’ missierha biex tieħu ħsieb lil ommha li kienet marida ħafna.

Filgħaxija kienet tiġbor xi nisa biex jgħidu r-rużarju u bdiet ukoll tgħallimhom it-tagħlim Nisrani. Taħt id-direzzjoni ta’ saċerdot Ġiżwita, fl-1685 Roża fetħet l-ewwel skola tagħha f’Viterbo, bla ħlas. Bid-don li kellha biex tħarreġ oħrajn biex jgħallmu, hi fetħet skejjel bnadi oħra.

L-isqof ta’ Montefiascone sejħilha fid-djoċesi tiegħu fejn iltaqgħet ma’ Santa Luċija Filippini u għenitha twaqqaf l-ewwel skola tagħha f’dik il-belt. It-tnejn saru ħbieb kbar ta’ xulxin. Sentejn wara, fl-1687, reġgħet lura lejn Viterbo fejn hi u sħabha ffurmaw kongregazzjoni reliġjuża ta’ sorijiet. Roża waqqfet djar oħra, fosthom waħda f’Ruma, fejn mar iżurha l-Papa Klement XI u anki bierek u approva l-kongregazzjoni u l-ħidma tagħha.

Wara aktar minn 40 sena ta’ xogħol iebes u vjaġġi diffiċli, Roża Venerini mietet f’Ruma fid-dar ta’ San Mark fis-7 ta’ Mejju, 1728 fl-għomor ta’ 72 sena. Meta mietet kellha erbgħin dar tal-istitut tagħha miftuħin fi 17-il djoċesi. Santa Roża Venerini kienet iddikjarata beata minn Piju XII fl-4 ta’ Mejju, 1952. Iddikjaraha qaddisa l-Papa Benedittu XVI fil-15 ta’ Ottubru, 2006. Is-sorijiet tagħha, magħrufa bħala Maestre Pie Venerini, jgħoddu madwar 400, u jinsabu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, kif ukoll f’xi artijiet tal-missjoni.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: