L Arċisqof iżur il-kċina ta’ Solidarity Meals


L-Arċisqof Charles Jude Scicluna llum żar il-kċina ta’ ristorant fis-Salini fejn qed jiġu ppreparati madwar 700 ikla sħuna kuljum għall-persuni vulnerabbli, bħala parti mill-proġett ‘Solidarity Meals’. Dawn l-ikliet huma sponsorjati minn The Alfred Mizzi Foundation u jitqassmu mill-entità tal-Knisja Caritas Malta permezz tad-Djakonija Unit li taħdem id f’id mal-parroċċi u ma’ entitajiet oħra tal-Knisja li joffru servizz fil-komunità.

Waqt iż-żjara l-Arċisqof iddawwar mal-istabbiliment minn Julian Sammut, iċ-Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation, u kien akkumpanjat minn Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta; u Albert Debono, il-Kap tad-Djakonija Unit u l-Kordinatur ta’ dan il-proġett.

Ta’ kuljum Caritas Malta tirċievi ammont sostanzjali ta’ talbiet għall-għajnuna permezz ta’ telefonati minn linji tat-telefon li nfetħu apposta fil-kriżi tal-pandemija Covid-19. It-talbiet jaslu wkoll permezz tal-kuntatt dirett li l-Caritas għandha mal-kappillani fil-parroċċi u tal-ħidma mill-qrib mal-NGOs. Il-proġett tat-tqassim tal-ikel beda fit-2 ta’ April b’200 ikla u sal-lum laħaq s-700 ikla.

Id-Djakonija Unit ta’ Caritas Malta tikkordina t-tqassim tal-ikel bil-kollaborazzjoni tal-kappillani minn parroċċi differenti, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, l-Istitut Paolo Freire u l-Millenium Chapel. Il-parroċċi ta’ Wied il-Għajn, Bormla, l-Iklin, Ħal Balzan u San Ġiljan, flimkien maċ-ċentru ta’ Ronald McDonald fil-Qawra, huma ċ-ċentri li jirċievu l-ikel u li minnhom madwar 75 voluntiera jitilqu biex iqassmu l-ikel fuq l-għatba tad-dar tal-persuni fil-bżonn b’mod li ma jkunx hemm kuntatt dirett. Dan filwaqt li jittieħdu numru ta’ miżuri oħra ta’ prekawzjoni.

L-Arċisqof Charles Scicluna, filwaqt li rringrazzja lil Alf. Mizzi Foundation u lil għadd ta’ benefatturi u voluntiera, qal li permez ta’ dan il-proġett qed nobdu l-kmand ta’ Ġesù li quddiem folla ta’ nies qal lid-dixxippli tiegħu “Agħtuhom intom x’jieklu”. L-Arċisqof qal: “Il-Mulej illum qed iħaddem ukoll il-providenza tiegħu permezz tagħna. Huwa privileġġ kbir u grazzja kbira.”

Julian Sammut minn The Alfred Mizzi Foundation qal: “Dħalna għal din il-biċċa xogħol għax dehrilna li se jkun hawn min ikollu bżonn. Għandna r-ristoranti magħluqin, għandna l-koki u ħaddiema qiegħda – m’għandhomx x’jagħmlu; allura għidna għax ma nużawx din l-opportunità biex nikkreaw xi ħaġa. Min-naħa tal-ikel ma kienx problema għax Alf. Mizzi & Sons ituna l-ikel u aħna hawnhekk il-Vecchia Napoli nsajru. Morna għand il-Caritas, partners tagħna għax ġa ħdimna ħafna flimkien u huma ħadu ħsieb il-loġistika. Nafu li ma’ dal-familji li qed nitimgħu hemm ukoll xi 100 tifel u tifla taħt it-12-il sena u darba kultant se nibagħtulhom xi ħaġa għax sibna wkoll lil xi ħaddieħor li xtaq jikkontribwixxi. Apparti li nagħtu l-bżonn materjal anki forsi ngħinu fil-bżonn psikoloġiku, fejn dat-tfal inferrħuhom ukoll.”

Anthony Gatt qal li “Il-Caritas dejjem tirrispondi għall-bżonnijiet tal-persuni li nkunu qed naqdu fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom. F’dik li hija riżorsi umani nista’ ngħid li bħalissa kulħadd qiegħed hands on deck biex fir-rwol tiegħu jagħti l-massimu li jista’ jagħti. Ir-realtà hija li aħna pjuttost imġebbdin fir-riżorsi tagħna aħna u nirrispondu. Però kemm l-istaff u kemm il-voluntiera qed jaħdmu b’qalb kbira biex jirrispondu għal dan il-bżonn – ta’ nies li jew kienu diġà qed ibatu qabel il-coronavirus jew sabu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli. Aħna għandna nies li għamlu talba għall-għajnuna li qatt ma ħasbu li ħa jitolbu l-għajnuna. Imma ċ-ċirkustanzi finanzjarji u soċjali tagħhom ġagħluhom jagħmlu dan.

“Aspett importanti ħafna li kienet ukoll grazzja hija li f’dawn iċ-ċirkustanzi qed naħdmu ħafna iktar mill-permezz tal-unit tad-Djakonija, mal-parroċċi u anki ma’ entitajiet oħra tal-knisja, Il-proġett ‘Solidarity Meals’ huwa eżempju qawwi fejn hemm din is-solidarjetà kollha mill-knisja, flimkien mal-isponsorship enormi ta’ Alf. Mizzi Foundation, biex propju nwasslu l-għajnuna lil min hu l-aktar bżonn.”

Min għandu bżonn l-għajnuna jista’ jċempel fuq 79213480, 99122515 jew jibgħat email fuq help@caritasmalta.org.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.