Illum il-Knisja tfakkar lill-Madonna ta’ Fatima


Fit-13 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lill-Madonna ta’ Fatima, dehret lil tlitt itfal fis-sena 1917.

Fit-13 ta’ Mejju 1917, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-nagħaġ fil-Cova da Iria. Dawn kienu Luċija ta’ ħdax-il sena, Franġisku l-kuġin tagħha, ta’ disa’ snin, u Ġaċinta, oħtu, ta’ sebgħa. Luċija kienet imħassba dwar ħuha li kien suldat mibgħut għall-gwerra.

F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema u semgħu r-ragħad ikarwat. Dan beżżagħhom ħafna għax l-ajru kien tassew bnazzi! Huma ħaffu jniżżlu n-nagħaġ minn fuq il-għolja u saquhom lejn post għall-kenn.

Imbagħad, waqt li kienu jħarsu mistagħġba, lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet.  “Mis-sema,” weġbitha s-Sinjura. Il-Madonna dehritilhom taħt is-sura ta’ xebba żagħżugħa, ta’ xi 15-il sena.

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma hu kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju.

Fit-tieni okkażjoni t-tfal kienu akkompanjati minn numru ta’ nies mir-raħal. F’din l-okkażjoni tad-dehra, il-Madonna tkellmet fuq il-ħtieġa li jingħad ir-rużarju. In-nies tar-raħal ma rawx id-dehra, imma qalu li raw xi dawl jiġri fis-sema.

Sa Lulju l-għadd ta’ nies li akkompanjaw lit-tfal tela’ għal 6,000. Għal darb’oħra reġgħu ma raw xejn partikulari, għalkemm il-mara tad-dehra (li kienet għadha ma qalitx min kienet), wegħdet li kienet se tagħmel miraklu biex tgħarraf il-preżenza tagħha. Hi għallmet lit-tfal anki talba biex jibdew jgħiduha.

Ftit qabel id-dehra li kellha ssir fit-13 ta’ Awwissu, is-sottoprefett anti-Kattoliku tad-distrett tefa’ lit-tfal il-ħabs biex ma jkunux jistgħu jżuru l-Cova da Iria fil-jum li kellha tidher. B’danakollu, 18,000 ruħ marru fuq il-post. Id-dehra seħħet sitt ijiem wara u wegħdet li kellu jsir miraklu fit-13 t’Ottubru.

It-tlitt itfal kellhom dehra oħra fit-13 ta’ Settembru – in-nies telgħu għal 30 elf ruħ; imma xahar wara, fit-13 t’Ottubru, l-għadd ta’ dawk preżenti kien ikkalkulat bejn is-70 u l-100 elf ruħ – bosta minnhom stqarrew li raw ix-xemx iddur ħafna fuqha nnfisha fis-sema fi sħab tax-xita.

Franġisku u Ġjaċinta mietu ftit wara d-dehriet. Wara l-mewt taż-żewġ aħwa, Luċija qalet li kellhom ukoll dehra ta’ anġlu s-sena ta’ qabel f’forma ta’ tfajjel tal-paċi li għallimhom kif jitolbu. Din id-dehra ġrat tliet darbiet, l-ewwel u l-aħħar darba f’Loca do Cabeco fejn it-tfal kienu qed jirgħu n-nagħaġ, u t-tieni darba fil-ġnien ta’ Luċija.

Luċija ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana, u fl-1946 fl-Ordni Karmelitan iktar strett. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet.

Biex taqra l-ġrajja kollha tad-dehriet tal-Madonna.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.