L-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għall-istudenti, għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw, u għall-għalliema li jkollhom ifittxu metodi ġodda biex ikomplu jgħallmu: jalla l-Mulej jgħinhom f’dil-mixja, jagħtihom il-kuraġġ u wkoll suċċess.
Omelija – Ir-rabta reċiproka bejn iz-zokk u l-friegħi
Il-Mulej jerġa’ jitkellem dwar ‘li nibqgħu fih’: ‘Il-ħajja nisranija hi li tibqgħu fija.’ Nibqgħu. U juża t-tixbiha tad-dielja – kif il-friegħi jibqgħu mad-dielja (Ġw. 15, 1-8). Nibqghu fih mhux passivament, nitniegħsu fil-Mulej: dan forsi jkun ‘nagħas’ beatifiku, imma mhux dan ried ifisser Ġesù. ‘Nibqgħu fih’ ifisser li nkunu attivi, u jfisser li nibqgħu reċiprokament f’xulxin. Għaliex? Għax Hu jgħid: ‘Ibqgħu fija u jiena fikom’ (v. 4). Hu wkoll jibqa’ fina, mhux biss aħna fih. Ifisser li nibqgħu f’xulxin reċiprokament. F’post ieħor jgħid: ‘Jiena u l-Missier niġu u ngħammru għandu’ (Ġw. 14, 23). Dan hu misteru, imma misteru tal-ħajja, misteru mill-isbaħ. Bl-eżempju tal-friegħi wkoll: hu minnu li l-friegħi mingħajr iz-zokk ma jistgħu jagħmlu xejn għax ma tasalx il-ħajja fihom, għandhom bżonn il-ħajja biex jikbru u jagħmlu l-frott, imma s-siġra wkoll, id-dielja għandha bżonn il-friegħi, għax il-frott ma jitwaħħalx mas-siġra, mad-dielja. Hija ħtieġa reċiproka, nibqgħu f’xulxin biex nagħmlu l-frott.
Din hija l-ħajja nisranija. Minnu li l-ħajja nisranija hi li nobdu l-Kmandamenti, u dan għandu jsir. Il-ħajja nisranija hi li nimxu fit-triq tal-Beatitudnijiet, u dan għandu jsir. Il-ħajja nisranija hi li nagħmlu opri tal-ħniena, kif jgħallimna l-Mulej fl-Evanġelju, u dan għandu jsir. Imma hemm aktar minn hekk: irridu nibqgħu f’xulxin. Mingħajr Ġesù aħna ma nistgħu nagħmlu xejn; inkunu bħal friegħi mingħajr id-dielja. U Huwa – jippermettili ngħidha l-Mulej – mingħajrna donnu li ma jista’ jagħmel xejn, għax il-frott jinsab mal-fergħa, mhux mas-siġra, mad-dielja. F’din l-għaqda, f’din l-intimità li ‘nibqgħu’, li hi għammiela, il-Missier u Ġesù jibqgħu fija u jiena nibqa’ fihom.
Jiġini f’moħħi ngħid, għaliex is-siġra, id-dielja, teħtieġ il-friegħi? Biex ikollha l-frott. Ngħiduha bi ftit ‘arroganza’: Ġesù għaliex għandu bżonna? Għax-xhieda. Fl-Evanġelju jgħid li aħna d-dawl: ‘Kunu dawl, ħalli l-bnedmin jaraw l-opri tajba tagħkom u jagħtu ġieħ lill-Missier’ (cfr. Mt. 5, 16). Jiġifieri x-xhieda. Għal dan għandu bżonna Ġesù. Nagħtu xhieda ta’ ismu sabiex il-fidi, l-Evanġelju, jikbru bix-xhieda. Dan hu proċess misterjuz: Ġesù, igglorifikat ukoll fis-Sema wara l-passjoni, għandu bżonn ix-xhieda tagħna biex jikber, biex inħabbru, biex il-Knisja tisseddaq. Dan hu l-misteru li ‘nibqgħu f’xulxin’ reċiprokament. Hu, il-Missier u l-Ispirtu jibqgħu fina u aħna nibqgħu f’Ġesù.
Jagħmlilna tajjeb naħsbu, nirriflettu dwar dan: nibqgħu f’Ġesù u Ġesù jibqa’ fina. Nibqgħu f’Ġesù biex ikollna l-ħajja, il-qawwa, il-ġustifikazzjoni, il-gratwità, biex inkunu għammiela. U Hu jibqa’ fina biex itina l-qawwa li nagħmlu l-frott, biex itina l-qawwa nkunu xhieda li biha tikber il-Knisja.
U nagħmel mistoqsija: kif inhi r-relazzjoni bejn Ġesù li jibqa’ fija u jien li nibqa’ fih? Hija relazzjoni ta’ intimità, relazzjoni mistika, relazzjoni bla kliem. ‘Ah, Padre, imma dan għandhom jagħmluh il-mistiċi!’ Le, dan hu għalina lkoll! Bi ħsibijiet żgħar: ‘Mulej, jien naf li inti tinsab fija: tini l-qawwa biex jien nagħmel dak li tgħidli int.’ Dak id-djalogu ta’ intimità mal-Mulej. Il-Mulej hu preżenti, il-Mulej jinsab fina, il-Missier jinsab fina, l-Ispirtu jinsab fina. Jibqgħu fina, imma jien għandi nibqa’ fihom.
Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu, inħossu dil-mistika li nibqgħu fih, ħaġa li Ġesù jinsisti ħafna u ħafna dwarha. Bosta drabi meta aħna nitkellmu dwar iz-zokk u l-friegħi neħlu biss mat-tixbiha, mal-mestjier tal-bidwi, tal-Missier, li l-fergħa li tagħti l-frott jiżborha u dik li ma tagħtix frott, iqaċċatha u tintrema. Hu minnu li hekk jagħmel, imma dan mhux kollox. Le, hemm aktar. Din hi l-għajnuna: il-provi, id-diffikultajiet tal-ħajja, anke l-korrezzjonijiet li jagħmlilna l-Mulej. Imma ma niqfux hawn. Bejn id-dielja u l-friegħi hemm li ‘nibqgħu fih’ intimament. Il-friegħi, aħna, għandna bżonn il-ħajja, u d-dielja għandha bżonn il-frott tax-xhieda.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.